Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0835

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 835/2012 tat- 18 ta’ Settembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XVII (Kadmju) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 252, 19.9.2012, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/835/oj

    19.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 252/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 835/2012

    tat-18 ta’ Settembru 2012

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XVII (Kadmju)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1), b’mod partikolari l-Artikolu 131 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 494/2011 tal-20 ta’ Mejju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XVII (Kadmju) (2) immodifika l-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni dwar il-kadmju u l-komposti tal-kadmju, filwaqt li daħħal dispożizzjonijiet applikabbli għall-bsaten tal-ibbrejżjar u ġojjelli skont l-istrateġiji tal-evalwazzjoni tar-riskju u tat-tnaqqis tar-riskju għall-kadmju u l-ossidu tal-kadmju (3).

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 494/2011 barra minn hekk estenda r-restrizzjoni attwali dwar l-użu tal-kadmju u l-komposti tal-kadmju fil-polimeri organiċi sintetiċi (materjal tal-plastika) għall-materjali kollha tal-plastika, filwaqt li pprovda eżenzjoni għall-użu tal-PVC irkuprat li fih il-kadmju fil-manifattura ta’ ċerti prodotti tal-kostruzzjoni. Din id-deroga ngħatat billi ġew ikkunsidrati d-diskussjonijiet f’laqgħa ta’ esperti ad hoc dwar l-attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riskju skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u r-riżultati tal-istudju dwar l-Impatt Soċjo-Ekonomiku ta’ Aġġornament Potenzjali tar-Restrizzjonijiet fuq il-Kummerċjalizzazzjoni u l-Użu tal-Kadmju fil-ġojjelli, ligi tal-ibbrejżjar u PVC, ippubblikati f’Jannar 2010 (4). L-elementi kollha tar-restrizzjoni ġew soġġetti għal konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli mill-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u mal-partijiet interessati.

    (3)

    Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 494/2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata dwar l-użi tal-pigmenti tal-kadmju f’ċerti tipi ta’ materjali tal-plastik, ristretti għall-ewwel darba bir-Regolament (UE) Nru 494/2011, fejn alternattivi xierqa għall-użu tal-komposti tal-kadmju ma jidhrux li huma disponibbli u li għalihom, minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ konsultazzjoni limitata, jixraq li issa jkun hemm stima ulterjuri.

    (4)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 1988 tagħmel sejħa għal strateġija ġenerali biex tikkumbatti t-tniġġis tal-ambjent mill-kadmju, inklużi miżuri speċifiċi biex jiġi ristrett l-użu tal-kadmju u stimulat l-iżvilupp ta’ alternattivi ulterjuri għall-użu tal-kadmju fil-pigmenti, l-istabbilizzaturi u l-ibbanjar, filwaqt li titlob biex l-użi tal-kadmju jiġu limitati għal każijiet fejn ma jeżistux alternattivi xierqa.

    (5)

    Il-Kummissjoni se titlob lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, skont l-Artikolu 69 tar-REACH, biex tħejji dossier konformi mar-rekwiżiti tal-Anness XV fir-rigward tal-użu tal-kadmju u l-komposti tal-kadmju f’dawk it-tipi ta’ materjal tal-plastik li ġew ristretti għall-ewwel darba bir-Regolament (UE) Nru 494/2011, filwaqt li kkunsidrat bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 1988.

    (6)

    Sakemm il-proċedura ta’ restrizzjoni tkun finalizzata, ir-restrizzjoni dwar l-użu tal-kadmju u l-komposti tiegħu għandha tkun limitata għat-tipi ta’ materjal tal-plastik elenkati fl-annotazzjoni 23 tal-Anness XVII qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 494/2011.

    (7)

    Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dan ir-Regolament għandu japplika mill-10 ta’ Diċembru 2011.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont l-Anness ma’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-10 ta’ Diċembru 2011.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 134, 21.5.2011, p. 2.

    (3)  ĠU C 149, 14.6.2008, p. 6.

    (4)  http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/chemicals/files/markrestr/study-cadmium_en.pdf


    ANNESS

    Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, it-tabella li tiffissa d-deżinjazzjoni tas-sustanzi, il-gruppi ta’ sustanzi u t-taħlitiet u l-kundizzjonijiet ta’ restrizzjoni hija emendata kif ġej:

    1.

    Fit-tieni kolonna tal-annotazzjoni 23, l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jinbidlu b’dan li ġej:

     

    “1.

    Ma għandhomx jintużaw f’taħlitiet u artikli prodotti minn dawn il-polimeri organiċi sintetiċi (minn hawn ‘il quddiem imsejħa materjal tal-plastik):

    il-polimeri jew kopolimeri tal-klorur vinil (PVC) [3904 10] [3904 21]

    poliuretanu (PUR) [3909 50]

    polietilin (LDPE) ta’ densità baxxa, bl-eċċezzjoni ta’ polietilin ta’ densità baxxa li jintuża għall-produzzjoni ta’ masterbatch ikkulurit [3901 10]

    l-aċetat taċ-ċellulosi (CA) [3912 11]

    il-butirat aċetat taċ-ċellulosi (CAB) [3912 11]

    reżini epossidiċi [3907 30]

    reżini tal-melaminaformaldeħida (MF) [3909 20]

    reżini tal-ureaformaldeħida (UF) [3909 10]

    poliesteri mhux saturati (UP) [3907 91]

    polietilene tereftalat (PET) [3907 60]

    polibutilene tereftalat (PBT)

    polistiren trasparenti/għal użu ġenerali [3903 11]

    akrilonitrili metilmetakrilat (AMMA)

    polietilina inkroċjata (VPE)

    polistiren b’saħħtu

    polipropilen (PP) [3902 10]

    Taħlitiet u artikli prodotti minn materjal tal-plastik kif elenkat hawn fuq ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jekk il-konċentrazzjoni tal-kadmju (espressa f’metall Cd) tkun daqs jew ogħla minn 0,01 % tal-piż tal-materjal tal-plastik.”

    2.

    Fit-tieni kolonna tal-annotazzjoni 23, fil-paragrafu 1 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

     

    “Sad-19 ta’ Novembru 2012, skont l- Artikolu 69, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi biex tħejji dossier konformi mar-rekwiżiti tal-Anness XV biex tevalwa jekk l-użu tal-kadmju u tal-komposti tiegħu fil-materjal tal-plastik, għajr dak elenkat fis-subparagrafu 1, għandux jiġi ristrett.”


    Top