Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0238

    2011/238/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ April 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/843/KE dwar programmi ta’ kontroll tas- Salmonella għal ċerti tjur u bajd fit-Tuneżija (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2520) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 100, 14.4.2011, p. 73–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/238/oj

    14.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 100/73


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-13 ta’ April 2011

    li temenda d-Deċiżjoni 2007/843/KE dwar programmi ta’ kontroll tas-Salmonella għal ċerti tjur u bajd fit-Tuneżija

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2520)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2011/238/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-Salmonella u aġenti żoonotiċi speċifiċi oħra li jkun hemm ġewwa l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu;

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jistipula regoli għall-kontroll tas-Salmonella f’popolazzjonijiet ta’ tjur differenti fl-Unjoni. Dan jistipula li l-ammissjoni jew iż-żamma fil-lista ta’ pajjiżi terzi stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għall-ispeċi jew il-kategoriji relevanti, li minnha l-Istati Membri huma awtorizzati li jimportaw dawk l-annimali jew bajd għat-tfaqqis koperti minn dak ir-Regolament hija suġġetta għall-preżentazzjoni lill-Kummissjoni mill-pajjiż terz ikkonċernat ta’ programm ta’ kontroll għas-Salmonella b’garanziji ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-programmi ta’ kontroll nazzjonali għas-Salmonella fl-Istati Membri.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/843/KE tal-11 ta’ Diċembru 2007 dwar l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ kontroll tas-Salmonella f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus f’ċerti pajjiżi terzi skont ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda d-Deċiżjoni 2006/696/KE, fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti tas-saħħa pubblika fl-importazzjoni ta’ tjur u bajd għat-tfaqqis (2) approvat il-programm ta’ kontroll ippreżentat mit-Tuneżija għas-Salmonella f’qatgħat ta’ tiġieġ għat-tgħammir, skont ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

    (3)

    It-Tuneżija issa għarrfet lill-Kummissjoni li l-programm twaqqaf. Għaldaqstant, dak il-programm imressaq mit-Tuneżija ma għandux jibqa’ approvat. Id-Deċiżjoni 2007/843/KE għalhekk għandha tiġi emendata.

    (4)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2007/843/KE jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Il-programmi ta’ kontroll imressqa mill-Kanada, mill-Iżrael u mill-Istati Uniti skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 huma b’dan approvati fir-rigward tas-Salmonella f’qatgħat ta’ tiġieġ għat-tgħammir.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Mejju 2011.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2011.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 332, 18.12.2007, p. 81.


    Top