Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1142

    Regolament tal-Kummisjoni (UE) Nru 1142/2010 tas- 7 ta' Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1266/2007 fir-rigward tal-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri tranżizzjonali li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta' ċerti annimali mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ stipulata fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 322, 8.12.2010, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0689

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1142/oj

    8.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 322/20


    REGOLAMENT TAL-KUMMISJONI (UE) Nru 1142/2010

    tas-7 ta' Diċembru 2010

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1266/2007 fir-rigward tal-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri tranżizzjonali li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta' ċerti annimali mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ stipulata fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE tal-20 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(c), l-Artikoli 11 u 12 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1266/2007 tas-26 ta’ Ottubru 2007 dwar regoli implimentattivi għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE fir-rigward tal-kontroll, tal-immonitorjar, tas-sorveljanza u tar-restrizzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-movimenti ta’ ċerti annimali ta’ speċi suxxettibbli għall-bluetongue (2), jistabbilixxi regoli dwar il-movimenti ta’ dawn l-annimali, f’dak li għandu x’jaqsam mal-bluetongue, fiż-żoni ristretti u 'l barra minnhom.

    (2)

    L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ stipulata fid-Direttiva 2000/75/KE. L-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament jistipula li l-movimenti tal-annimali, is-semen, l-ova u l-embrijuni minn stabbiliment jew ċentru tal-ġbir jew il-ħżin tas-semen li jinsab f'żona ristretta lejn stabbiliment jew ċentru tal-ġbir jew il-ħżin tas-semen ieħor, għandhom jiġu eżentati minn dik il-projbizzjoni fuq il-ħruġ jekk ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness III ta' dak ir-Regolament jew ma' kwalunkwe garanzija oħra xierqa dwar is-saħħa tal-annimali abbażi ta' riżultat pożittiv ta' valutazzjoni tar-riskju tal-miżuri kontra t-tifrix tal-virus tal-bluetongue u l-protezzjoni kontra attakki mill-vetturi, li hija rikjesta mill-awtorità kompetenti tal-post tal-oriġini u approvata mill-awtorità kompetenti tal-post tad-destinazzjoni, qabel ma jiġu mċaqilqa dawn l-annimali.

    (3)

    L-Artikolu 9(a) tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007 jistipula li, sal-31 ta' Diċembru 2010, b'deroga mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness III ta' dak ir-Regolament, l-Istati Membri tad-destinazzjoni jistgħu jirrikjedu li l-moviment ta’ ċerti annimali, li huma koperti mill-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament, ikollu kundizzjonijiet addizzjonali, abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju li tqis il-kundizzjonijiet entomoloġiċi u epidemjoloġiċi li fihom qed jiddaħħlu l-annimali. Dawn il-kundizzjonijiet addizzjonali jispeċifikaw li l-annimali għandu jkollhom inqas minn 90 jum, għandhom ikunu nżammu mit-twelid f'post magħluq protett mill-vetturi u għandhom ikunu sarulhom ċerti testijiet imsemmija fl-Anness III ta' dak ir-Regolament.

    (4)

    Ħmistax-il Stat Membru u n-Norveġja nnotifikaw lill-Kummissjoni li kienu applikaw dik il-miżura tranżizzjonali. Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju li saru, li ġew ippubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni, juru li l-introduzzjoni tal-bluetongue f'dawk l-Istati Membri u fin-Norveġja minħabba l-movimenti tal-annimali minn żoni ristretti jista' jkollha impatt ħażin ħafna.

    (5)

    Is-sitwazzjoni ġenerali fil-Komunità fir-rigward tal-bluetongue tjiebet ferm mill-2008. Minkejja dan, il-virus għadu preżenti f’partijiet tal-Unjoni.

    (6)

    Biex ikun hemm armonizzazzjoni fl-implimentazzjoni, l-Istati Membri talbu biex ikun hemm kriterji speċifiċi għal “faċilità sikura kontra l-vetturi” li huwa rekwiżit importanti għal uħud mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007 u għandu l-għan li jipproteġi l-annimali minn attakki tal-vetturi. Bħalissa, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) qed taħdem fuq definizzjoni ta' stabbiliment jew faċilità protetta mill-vetturi. Ir-riżultat ta' din il-ħidma għandha tgħin lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-kriterji għall-faċilità sikura kontra l-vetturi kif imsemmi fl-Anness III tar-Regolament.

    (7)

    Sakemm jiġu żviluppati l-kriterji għal faċilità sikura kontra l-vetturi, il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri tranżizzjonali stipulati fl-Artikolu 9(a) tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007 għandu jiżdied b'sitt xhur oħra.

    (8)

    Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1266/2007 għandu jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fil-frażi introduttorja tal-Artikolu 9a(1) tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007, id-data “il-31 ta' Diċembru 2010” għandha tinbidel bid-data “it-30 ta' Ġunju 2011”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74.

    (2)  ĠU L 283, 27.10.2007, p. 37.


    Top