This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010R0850
Commission Regulation (EU) No 850/2010 of 27 September 2010 initiating a ‘new exporter’ review of Council Regulation (EC) No 1659/2005 imposing a definitive anti-dumping duty on imports of certain magnesia bricks originating in the People’s Republic of China, repealing the duty with regard to imports from one exporter in this country and making these imports subject to registration
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 850/2010 tas- 27 ta’ Settembru 2010 li jniedi reviżjoni ta' “esportatur ġdid” tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jirrevoka d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f'dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 850/2010 tas- 27 ta’ Settembru 2010 li jniedi reviżjoni ta' “esportatur ġdid” tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jirrevoka d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f'dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
ĠU L 253, 28.9.2010, p. 42–45
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
28.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 253/42 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 850/2010
tas-27 ta’ Settembru 2010
li jniedi reviżjoni ta' “esportatur ġdid” tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jirrevoka d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f'dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. TALBA GHAL REVIŻJONI
(1) |
Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għal reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. L-applikazzjoni tressqet minn TRL China Ltd (“l-applikant”), produttur esportatur fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”). |
B. PRODOTT
(2) |
Il-prodott li jinsab taħt reviżjoni huwa briks tal-manjeżja magħquda kimikament u mhux ittrattati bin-nar, li l-komponent tagħhom tal-manjeżja fih mill-inqas 80 % MgO, kemm jekk fihom il-magnesite u kemm jekk le, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), u li bħalissa jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 6815 91 00, ex 6815 99 10 u ex 6815 99 90 (il-kodiċi TARIC 6815910010, 6815991020 u 6815999020). |
C. MIŻURI EŻISTENTI
(3) |
Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1659/2005 (2) li skontu l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, inkluż il-prodott ikkonċernat immanifatturat mill-applikant, huma soġġetti għal dazju anti-dumping definittiv ta' 39,9 % bl-eċċezzjoni ta' diversi kumpaniji msemmija b'mod speċifiku li huma soġġetti għal rati ta' dazju individwali. |
D. RAĠUNIJIET GĦAR-REVIŻJONI
(4) |
L-applikant jallega li jopera f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq kif iddefiniti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku jew alternattivament jitlob trattament individwali konformi mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Dan ikompli jallega li ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni li fuqu kienu msejsa l-miżuri anti-dumping, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta’ April 2003 sat-31 ta’ Marzu 2004 (“il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali”) u li mhu relatat mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi tal-prodott li huma suġġetti għall-miżuri anti-dumping imsemmija hawn fuq. |
(5) |
L-applikant ikompli jallega li beda jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali. |
E. PROĊEDURA
(6) |
Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa li huma kkonċernati ġew mgħarrfa bl-applikazzjoni ta’ hawn fuq u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw. |
(7) |
Wara li eżaminat l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm evidenza biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta' reviżjoni ta' “esportatur ġdid”, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara li tasal it-talba msemmija hawn taħt, fil-premessa 13, ikun iddeterminat jekk l-applikant joperax taħt kondizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq kif iddefinit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku jew inkella jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti biex ikollu dazju individwali stabbilit skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. F'dak il-każ, il-marġni individwali ta’ dumping tal-applikant għandu jiġi kkalkolat u, jekk jinstab li sar dumping, il-livell tad-dazju li għalih għandha tkun suġġetta l-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat għandu jiġi determinat. |
(8) |
Jekk jiġi deċiż li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti biex jiġi stabbilit dazju individwali, jista’ jkun meħtieġ li ssir emenda għar-rata ta’ dazju applikabbli bħalissa għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-kumpaniji mhux imsemmija individwalment fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1659/2005. |
(a) Kwestjonarji
(9) |
Biex tkun tista' tikseb it-tagħrif li tqis neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant. |
(b) Ġbir ta' tagħrif u seduti ta’ smigħ
(10) |
Il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. |
(11) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dejjem jekk jagħmlu talba bil-miktub li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu. |
(12) |
Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku tiddependi minn jekk il-partijiet jippreżentawx ruħhom matul il-perjodu stipulat minn dan ir-Regolament. |
(c) Trattament ta’ ekonomija tas-suq/ trattament individwali
(13) |
Fl-eventwalità li l-applikant jipprovdi biżżejjed evidenza li turi li huwa jopera taħt kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, jiġifieri li jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-valur normali se jkun iddeterminat skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, għandhom jintbagħtu talbiet sostanzjati kif xieraq fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni se tibgħat formoli għat-talbiet lill-applikant, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Din il-formula għat-talbiet tista’ tintuża mill-applikant biex jitlob trattament individwali, jiġifieri li dan jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. |
(d) Għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq
(14) |
Fl-eventwalità li l-applikant ma jingħatax trattament ta' ekonomija tas-suq iżda jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu dazju individwali stabbilit skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, jintuża pajjiż addattat b'ekonomija tas-suq għall-fini li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni beħsiebha terġa’ tuża lill-Istati Uniti tal-Amerika għal dan il-għan kif kien sar fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm din l-għażla hija xierqa, fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament. |
(15) |
Barra minn hekk, f’każ li l-applikant jingħata trattament ta’ ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun meħtieġ, tuża wkoll sejbiet li jikkonċernaw il-valur normali stabbilit f’pajjiż addattat b’ekonomija tas-suq, eż. għall-fini li jitbiddel kwalunkwe element ta’ spiża jew prezz mhux affidabbli fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma meħtieġa biex jiġi stabbilit il-valur normali, jekk ma tkunx disponibbli d-dejta affidabbli meħtieġa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-Kummissjoni beħsiebha tuża lill-Istati Uniti tal-Amerika għal dan il-għan ukoll. |
F. REVOKA TAD-DAZJU FIS-SEĦĦ U REĠISTRAZZJONI TA' IMPORTAZZJONIJIET
(16) |
Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju anti-dumping fis-seħħ għandu jiġi revokat fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li huma mmanifatturati u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant. Fl-istess ħin, dawn l-importazzjonijiet għandhom isiru suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, biex jiġi żgurat li, jekk ir-riżultat tar-reviżjoni juri sejba ta' dumping fir-rigward tal-applikant, id-dazji anti-dumping jistgħu jiġu imposti retroattivament mid-data tal-bidu ta' din ir-reviżjoni. L-ammont li l-applikant jista' jkun responsabbli għalih fil-ġejjieni ma jistax jiġi stmat f'dan l-istadju tal-proċediment. |
G. LIMITI TA' ŻMIEN
(17) |
Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien li fihom:
|
H. NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI
(18) |
F’każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fiż-żmien preskritt, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli. |
(19) |
Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jitwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat. |
I. IPPROĊESSAR TA’ DEJTA PERSONALI
(20) |
Jekk jogħġbok kun af li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (3). |
J. UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
(21) |
Jekk jogħġbok kun af li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni taż-żmien preskritt u t-trattament tas-sottomissjoni tal-opinjonijiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ fil-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
B′dan qed titnieda reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1659/2005 skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 sabiex jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt l-importazzjonijiet ta' briks tal-manjeżja magħquda kimikament u mhux ittrattati bin-nar, li l-komponent tagħhom tal-manjeżja fih mill-inqas 80 % MgO, kemm jekk fihom il-magnesite u kemm jekk le, li bħalissa jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 6815 91 00, ex 6815 99 10 u ex 6815 99 90 (il-kodiċi TARIC 6815910010, 6815991020 u 6815999020) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, immanifatturati u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn TRL China Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC A985) għandhomx ikunu suġġetti għad-dazju anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 1659/2005.
Artikolu 2
Id-dazju anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 1659/2005 huwa b'dan imħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
L-awtoritajiet doganali huma b’dan mitluba, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 4
1. Sabiex jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw irwieħhom lill-Kumissjoni, iressqu fehmiethom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju msemmi fil-premessa (8)(a) ta’ dan ir-Regolament jew kwalunkwe tagħrif ieħor, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, fi żmien 37 jum mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fi żmien l-istess limitu ta' 37 jum.
2. Il-partijiet involuti fl-investigazzjoni li jridu jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-Istati Uniti tal-Amerika li huma previsti bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq bl-għan li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għandhom iressqu l-kummenti tagħhom fi żmien 10 ijiem mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3. Talba ssostanzjata kif xieraq għal trattament ta’ ekonomija tas-suq għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
4. Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Kull sottomissjoni bil-miktub, li tinkludi l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Limitati” (4) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1225/2009, għandha tkun akkumpanjata b’verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.
Kwalunkwe tagħrif li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni u/jew kwalunkwe talba għal seduta għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:
European Commission |
Directorate-General for Trade |
Directorate H |
Office: N105 4/92 |
B-1049 Brussels |
BELGIUM |
Fax +32 22956505 |
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) ĠU L 267, 12.10.2005, p. 1.
(4) Dan ifisser li d-dokument huwa għal użu intern biss. Dan huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Il-Ftehim Anti-dumping).