Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1140

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1140/2009 tal- 20 ta’ Novembru 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS)

ĠU L 312, 27.11.2009, pp. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1308

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1140/oj

27.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 312/4


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1140/2009

tal-20 ta’ Novembru 2009

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Għall-finijiet tar-ristrutturazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib fil-Komunità, l-Artikolu 75(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (2) jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jingħata kumpens lill-produtturi li jintrabtu li jabbandunaw b'mod permanenti il-produzzjoni kollha tal-ħalib jew parti minnha u jpoġġi l-kwoti individwali hekk rilaxxati fir-riżerva nazzjonali.

(2)

Sabiex titħeġġeġ iktar ir-ristrutturazzjoni meħtieġa, l-imposta għaż-żejjed li għandha titħallas mill-produtturi tal-ħalib skont l-Artikolu 78(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-kwota nazzjonali mnaqqsa mill-kwoti individwali mixtrija skont l-Artikolu 75(1)(a), soġġetta għall-kundizzjoni li dawk il-kwoti rilaxxati jibqgħu fir-riżerva nazzjoni fis-sena tal-kwoti kkonċernata.

(3)

Minħabba l-ħtieġa li jissaħħu l-istrumenti finanzjarji għal iktar ristrutturazzjoni fis-settur, l-Istati Membri għandhom jitħallew jużaw il-flus addizzjonali miġbura abbażi tal-metodu l-ġdid ta' kalkolu għall-istess raġunijiet ta' ristrutturazzjoni.

(4)

Dan il-metodu ta' kalkolu għandu japplika temporanjament, għall-perjodi ta' tnax-il xahar li jibdew mill-1 ta' April 2009 u l-1 ta' April 2010 u fir-rigward tal-kunsinni tal-ħalib biss sabiex il-miżura tiġi llimitata sakemm meħtieġ.

(5)

L-Artikolu 186 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li l-Kummissjoni tista' tieħu miżuri f'każijiet ta' disturbi fis-suq ta' ċerti prodotti agrikoli, fejn il-prezzijiet tas-suq intern jogħlew u jinżlu b'mod sinifikattiv. Madankollu, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib mhumiex koperti b'dak l-Artikolu.

(6)

Fil-kuntest tad-diffikultajiet serji u l-instabbiltà tal-prezz li qed jogħla fis-suq tal-ħalib, ikun xieraq li jitkabbar l-ambitu tal-Artikolu 186 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, u b'hekk il-Kummissjoni tkun tista' tirreaġixxi għad-disturbi tas-suq b'mod flessibli u malajr.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 78 jiġi emendat kif ġej:

(a)

Wara l-paragrafu 1, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Permezz ta' deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, għall-perjodi ta' tnax-il xahar li jibdew mill-1 ta' April 2009 u l-1 ta'April 2010 u fir-rigward tal-kusinni, l-imposta għaż-żejjed għandha titħallas fuq il-ħalib kummerċjalizzat li jaqbeż il-kwota nazzjonali kif stabbilit f'konformità mas-Subtaqsima II u mnaqqas bil-kwoti individwali għal kusinni rilaxxati fir-riżerva nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 75(1)(a) mit-30 ta’ Novembru 2009 u tinżamm hekk sal-31 ta' Marzu tal-perjodu ta' tnax-il xahar ikkonċernat.”;

(b)

Wara l-paragrafu 2, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Id-differenza bejn l-ammont tal-imposta għaż-żejjed li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1a u dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandha tintuża mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-miżuri ta' ristrutturazzjoni fis-settur tal-ħalib.”;

(2)

Fl-Artikolu 79, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Għall-perjodi ta' tnax-il xahar li jibdew mill-1 ta' April 2009 u mill-1 ta' April 2010 u fir-rigward tal-kunsinni, l-imposta għaż-żejjed għandha tkun kollha kemm hi allokata, f'konformità mal-Artikoli 80 u 83, lill-produtturi li taw kontribut għal qbiż fil-kwoti nazzjonali kif stabbiliti bl-applikazzjoni tal-Artikolu 78(1a).”;

(3)

Fl-Artikolu 186, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

rigward il-prodotti tas-setturi taz-zokkor, ħops, ċanga u vitella, ħalib u prodotti tal-ħalib, laħam tan-nagħaġ u laħam tal-mogħoż, fejn il-prezzijiet fis-suq Komunitarju għal kwalunkwe minn dawk il-prodotti jogħla jew jaqa' b'mod sinifikanti;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  Opinjoni tat-22 ta' Ottubru 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.


Top