Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1145

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1145/2008 tat- 18 ta’ Novembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 fir-rigward tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali għas-settur tal-qoton

    ĠU L 308, 19.11.2008, p. 17–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/07/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1145/oj

    19.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 308/17


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1145/2008

    tat-18 ta’ Novembru 2008

    li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 fir-rigward tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali għas-settur tal-qoton

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 tat-23 ta’ Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u li jistabbilixxi programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali għas-settur tal-qoton (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Kapitolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 637/2008 fih dispożizzjonijiet dwar il-programmi ta’ ristrutturazzjoni li għandhom jiġu deċiżi fil-livell tal-Istati Membri biex jiġu ffinanzjati miżuri speċifiċi sabiex jgħinu lis-settur tal-qoton. Huwa xieraq li dak il-qafas jimtela billi jiġu mgħoddija regoli implimentattivi.

    (2)

    Għandu jiġi stabbilit liema elementi jridu jkunu nklużi fil-programmi ta’ ristrutturazzjoni li għandhom jiġu sottomessi mill-Istati Membri. Barra minn hekk, għandhom jiġu speċifikati regoli fir-rigward tal-bidliet għall-programmi ta’ ristrutturazzjoni, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu aġġustati biex jinkludu kwalunkwe kundizzjonijiet ġodda li ma setgħux ikunu previsti meta ġew ippreżentati l-ewwel darba.

    (3)

    Biex ikun żgurat monitoraġġ u evalwazzjoni korretta tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni, jeħtieġ li tkun mitluba s-sottomissjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni, li għandhom jikkonsistu minn informazzjoni operattiva u finanzjarja dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ristrutturazzjoni.

    (4)

    Għandu jiġi assigurat ukoll li l-partijiet interessati kollha jkollhom aċċess għall-informazzjoni relatata mal-programmi ta’ ristrutturazzjoni.

    (5)

    Għandu jkun hemm rekwiżiti minimi għall-ġestjoni tal-attribuzzjoni u l-pagament tal-għajnuna. Barra minn hekk, għandu jkun possibbli l-pagament ta’ self wieħed jew aktar għal miżuri li jkunu probabbli li jirrigwardaw nefqa konsiderevoli.

    (6)

    Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet fir-rigward tal-obbligu tal-Istati Membri li jikkontrollaw in-nefqa, b’mod speċifiku fir-rigward taż-żmien meta jsiru u n-natura tal-kontrolli fuq il-post tal-miżuri ta’ żmantellar u investiment. Sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Komunità jeħtieġu wkoll regoli speċifiċi għall-irkupru ta’ ħlasijiet mhux dovuti u penali. Għal dan il-għan, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (2) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (3) għandhom japplikaw.

    (7)

    Rigward it-tneħħija sħiħa u permanenti tal-faċilitajiet tal-ħalġ, kif ipprovdut fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008, huwa neċessarju li jiġu definiti fid-dettall il-kriterji li jikkostitwixxu t-tneħħija. Filwaqt li huwa xieraq li l-Istati Membri jiddeċiedu l-ammont ta’ għajnuna li għandha tingħata għat-tneħħija fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, jeħtieġ li jiġi stabbilit livell minimu sabiex ikun evitat kumpens eċċessiv.

    (8)

    Huwa neċessarju li tiġi definita b’mod preċiż l-għajnuna għat-titjib fl-ipproċessar tal-qoton, li hemm provvediment dwarha fil-punt (b) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008 dwar l-għajnuna għall-investimenti fl-industrija tal-ħalġ u biex tiġi stabbilita n-nefqa eliġibbli. Barra minn hekk, trid tiġi stabbilita kontribuzzjoni massima tal-Komunità sabiex tiżgura parteċipazzjoni finanzjarja kif ukoll impenn tal-benefiċjarji fl-investiment.

    (9)

    Dwar l-għajnuna għall-bdiewa li jipparteċipaw fl-iskemi ta’ kwalità tal-qoton, li hemm provvediment dwarhom fil-punt (c) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008, huwa neċessarju li jiġu identifikati l-iskemi ta’ kwalità rilevanti tal-Komunità, biex jiġu stabbiliti l-kriterji għall-kriterji nazzjonali dwar il-kwalità, sabiex jiġu deċiżi l-livell tal-għajnuna u l-ispejjeż eliġibbli.

    (10)

    Sabiex tiġi assigurata l-kumplementarjetà bejn il-miżuri ta’ promozzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008 u r-regoli fir-rigward tal-attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (4) għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-għajnuna għall-promozzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità, b’mod partikolari fir-rigward tal-benefiċjarji u l-attivitajiet eliġibbli.

    (11)

    Dwar l-għajnuna lill-kuntratturi tal-makkinarju, kif hemm provvediment dwarha fil-punt (e) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008, jeħtieġ li tiġi stabbilita definizzjoni preċiża tal-għajnuna. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu l-ammont ta’ għajnuna li għandha tingħata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, madankollu, irid jiġi stabbilit livell massimu sabiex jiġi evitat kumpens eċċessiv.

    (12)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    REGOLI ĠENERALI

    Artikolu 1

    Ambitu

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regolamenti implimentattivi fir-rigward tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali taħt ir-Regolament (KE) Nru 637/2008, li jinkludu l-ħames miżuri eliġibbli li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Kontenut tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni

    Il-programmi ta’ ristrutturazzjoni li jissottomettu l-Istati Membri skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008, għandhom jikkonsistu mill-elementi li ġejjin:

    (a)

    deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri proposti kif ukoll l-għanijiet kwantifikabbli tagħhom;

    (b)

    ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet li jsiru kif ipprovdut fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008;

    (ċ)

    valutazzjoni li turi l-impatt tekniku, ekonomiku, ambjentali u soċjali mistenni;

    (d)

    deskrizzjoni tal-faċilitajiet tal-ħalġ fl-Istat Membru kkonċernat u l-użu tal-kapaċità tagħhom mill-2005, fil-każ ta’ inklużjoni fil-programm ta’ ristrutturazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008;

    (e)

    skeda għall-implimentazzjoni ta’ kull waħda mill-miżuri;

    (f)

    tabella finanzjarja ġenerali, li ssegwi l-mudell ipprovdut fl-Anness għal dan ir-Regolament, li turi r-riżorsi li għandhom jintużaw u l-allokazzjoni prevista tar-riżorsi bejn il-miżuri skont l-allokazzjoni baġitarja ffissati fl-Artikolu 5 (1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008;

    (g)

    il-kriterji u l-indikaturi kwantitattivi li għandhom jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri tal-programm ta’ ristrutturazzjoni kif ukoll il-passi meħuda sabiex jassiguraw li l-programmi jiġu implimentati sewwa u b’mod effettiv;

    (h)

    id-desinjazzjoni tal-awtoritajiet u l-korpi kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm.

    Artikolu 3

    Bidliet fil-programmi ta’ ristrutturazzjoni

    Bidliet fil-programmi ta’ ristrutturazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008, m’għandhomx jiġu sottomessi aktar minn darba fis-sena.

    Il-programmi mmodifikati għandhom jindikaw b’mod ċar u preċiż il-bidliet proposti, ir-raġunijiet għal dawk il-bidliet u l-konsegwenzi finanzjarji tagħhom, u għandhom jinkludu, jekk tapplika, verżjoni riveduta tat-tabella finanzjarja li ssegwi l-mudell ipprovdut fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    In-nefqa li tirriżulta mill-modifika tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni għandha tkun eliġibbli mid-data tas-sottomissjoni tal-programm rivedut lill-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għan-nefqa bejn id-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi l-programm ta’ ristrutturazzjoni mmodifikat u d-data ta’ meta jibda japplika skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008.

    Artikolu 4

    Rappurtaġġ u evalwazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ristrutturazzjoni mas-sottomissjoni ta’ kull programm ta’ ristrutturazzjoni ġdid, għajr l-ewwel programm ta’ ristrutturazzjoni sottomess fl-2009 kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008.

    2.   Ir-rapport sottomess skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu u dak sottomess mal-komunikazzjoni li titlob it-terminazzjoni tal-programm kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008 għandhom:

    (a)

    jelenkaw u jiddeskrivu l-miżuri li għalihom ingħatat l-għajnuna mill-Komunità taħt il-programmi ta’ ristrutturazzjoni, għal kull sena tal-perjodu ta’ programmazzjoni kkonċernat;

    (b)

    jekk ikun applikabbli, jiddeskrivu kwalunkwe bidliet fil-programm ta’ ristrutturazzjoni, ir-raġunijiet għalihom u l-implikazzjonijiet għall-ġejjieni;

    (ċ)

    jiddeskrivu r-riżultati miksuba b’kull miżura, fid-dawl tal-objettivi kwantifikabbli stabbiliti fil-programm ta’ ristrutturazzjoni;

    (d)

    jinkludu dikjarazzjoni tan-nefqa skont is-sena finanzjarja li diġà tkun saret fil-perjodu ta’ programmazzjoni, li f’ebda każ ma għandha taqbeż il-limitu tas-somma finanzjarja totali allokata lill-Istat Membru skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008;

    (e)

    jappoġġjaw tbassir għan-nefqa sal-aħħar tal-perjodu previst ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ristrutturazzjoni, sal-limitu tas-somma finanzjarja totali allokata lill-Istat Membru skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008;

    (f)

    jekk ikun applikabbli, jinkludu analiżi tal-involviment ta’ fondi Komunitarji oħra u l-konformità tagħhom mal-għajnuniet iffinanzjati mill-programm ta’ ristrutturazzjoni.

    3.   L-Istati Membri għandhom jirrekordjaw id-dettalji tal-programmi kollha ta’ ristrutturazzjoni, emendati jew le, u l-miżuri kollha mwettqa taħt dawk il-programmi.

    Artikolu 5

    Aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar il-programmi ta’ ristrutturazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-programm ta’ ristrutturazzjoni, il-modifiki tiegħu, ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm, u kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali dwar dan il-programm, disponibbli pubblikament fuq websajt.

    Artikolu 6

    Rekwiżiti għall-applikazzjoni u l-ħlas

    1.   Għal kull miżura nkluża fil-programm ta’ ristrutturazzjoni tagħhom u elenkata fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008, l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    jistabbilixxu l-elementi li għandu jkun hemm f’applikazzjoni għall-għajnuna;

    (b)

    jistabbilixxu d-data tal-bidu u d-data tat-tmiem tal-perjodu biex tiġi ppreżentata applikazzjoni;

    (ċ)

    japprovaw applikazzjonijiet validi u sħaħ fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, billi jqisu r-riżorsi finanzjarji disponibbli fil-limiti massimi annwali pprovduti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008;

    (d)

    iħallsu l-għajnuna eliġibbli, jew il-bqija tal-għajnuna eliġibbli f’każ li jkun ingħata ħlas bil-quddiem, wara t-tlestija tal-miżura u t-twettiq tal-kontrolli kif imsemmija fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 7(1), il-punti (a), (b), (d), u (e) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008, l-Istati Membri jistgħu jħallsu lill-benefiċjarju ħlas wieħed jew aktar bil-quddiem. Il-livell ikkombinat tal-ħlasijiet kollha bil-quddiem m’għandux ikun ogħla minn 75 % tan-nefqa eliġibbli.

    Il-ħlas ta’ pagament bil-quddiem għandu jkun suġġett għad-depożitu ta’ ammont ugwali għal 120 % tal-ammont tal-ħlas bil-quddiem ikkonċernat.

    Is-sigurtajiet għandhom jiġu rilaxxati bil-kundizzjoni li l-miżuri jkunu tlestew u l-kontrolli, kif imsemmija fl-Artikolu 7, ikunu twettqu.

    3.   Il-ħlasijiet kollha msemmija fil-paragrafi 1 u 2 li jirrigwardaw applikazzjoni partikolari għandhom isiru sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju tar-raba’ sena wara is-sena tad-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-abbozz tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008. Il-ħlasijiet fl-ewwel sena tal-ewwel perjodu tal-ipprogrammar għandhom isiru qabel is-16 ta’ Ottubru 2009.

    4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli speċifiċi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu.

    Artikolu 7

    Monitoraġġ u kontroll

    1.   Minkejja l-obbligi ta’ kontroll imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 1290/2005, l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw, jikkontrollaw u jivverifikaw l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ristrutturazzjoni kif isir applikabbli.

    Għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 7(1), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008, l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw fuq il-post kull fabbrika u sit tal-produzzjoni li tirċievi għajnuna taħt il-programm ta’ ristrutturazzjoni qabel ma jsir ħlas finali, biex ikun iċċekkjat li l-kundizzjonijiet kollha għall-ksib tal-għajnuna ġew sodisfatti.

    Rigward il-miżura msemmija fl-Artikolu 7(1), il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008, għandha ssir spezzjoni fuq il-post tal-fabbriki u s-siti tal-produzzjoni kollha mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jgħaddi l-perjodu ta’ sena msemmi fl-Artikolu 10(1)(b) ta’ dan ir-Regolament biex jiġi vverifikat li r-rekwiżiti ta’ dak il-paragrafu ġew sodisfatti.

    2.   Fi żmien xahar minn kull spezzjoni fuq il-post għandu jiġi stabbilit rapport, li jiddeskrivi b’mod sħiħ ix-xogħol imwettaq, is-sejbiet prinċipali u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu li tkun meħtieġa. B’mod speċifiku, ir-rapporti tal-ispezzjonijiet għandhom:

    (a)

    jinkludu informazzjoni dwar il-benefiċjarju u s-sit tal-produzzjoni suġġett għall-ispezzjoni kif ukoll il-persuni preżenti;

    (b)

    jiddikjaraw jekk ingħatax avviż taż-żjara lill-benefiċjarju u, jekk iva, il-perjodu tal-avviż minn qabel;

    (ċ)

    jiddikjaraw ir-rekwiżiti u l-istandards suġġetti għall-ispezzjoni;

    (d)

    jiddeskrivu n-natura u l-firxa tal-kontrolli li saru;

    (e)

    jinkludu s-sejbiet;

    (f)

    jinkludu l-elementi li fir-rigward tagħhom instabu nuqqas ta’ konformitajiet;

    (g)

    jinkludu evalwazzjoni li tipprovdi valutazzjoni tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ kull element fuq il-bażi ta’, fost affarijiet oħra, is-severità, il-firxa, il-livell ta’ permanenza u l-istorja tagħha.

    Il-benefiċjarju għandu jiġi infurmat dwar kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jinstab.

    Artikolu 8

    Irkupru ta’ ħlasijiet mhux dovuti

    Ħlasijiet mhux dovuti għandhom jiġu rkuprati, bl-imgħax, mill-benefiċjarji kkonċernati. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 73 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    L-implimentazzjoni tal-penali amministrattivi u l-irkupru tal-ħlasijiet mhux dovuti huma mingħajr preġudizzju għall-komunikazzjoni tal-irregolaritajiet lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1848/2006 (5).

    Artikolu 9

    Penali

    1.   Jekk benefiċjarju ma jikkonformax ma’ kundizzjoni waħda jew aktar sabiex jikseb l-għajnuna taħt il-programm ta’ ristrutturazzjoni, huwa għandu jkun meħtieġ li jħallas ammont ugwali għal 10 % tal-ammont li għandu jiġi rkuprat skont l-Artikolu 8.

    2.   Il-penali li għandhom jiġu imposti skont l-ewwel paragrafu m’għandhomx jiġu imposti jekk l-impriża tkun tista’ turi, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, li n-nuqqas ta’ konformità jkun minħabba force majeure u jekk hija tkun identifikat b’mod ċar in-nuqqas ta’ konformità bil-miktub u fil-ħin lill-awtorità kompetenti.

    3.   Il-penali msemmija fl-ewwel paragrafu m’għandhomx japplikaw jekk il-ħlas ikun sar bi żball tal-awtoritajiet kompetenti nfushom tal-Istati Membri jew ta’ awtorità oħra kkonċernata u l-iżball ma setax jiġi rilevat raġonevolment mill-benefiċjarju u l-benefiċjarju min-naħa tiegħu aġixxa bi ħsieb tajjeb.

    4.   Jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun twettaq apposta jew b’riżultat ta’ traskuraġni serja, il-benefiċjarju għandu jkun meħtieġ li jħallas ammont ugwali għal 30 % tal-ammont li għandu jiġi rkuprat skont l-Artikolu 8.

    KAPITOLU II

    MIŻURI ELIĠIBBLI

    SEZZJONI 1

    Tneħħija tal-faċilitajiet tal-ħalġ

    Artikolu 10

    Ambitu

    1.   It-tneħħija sħiħa u permanenti tal-faċilitajiet tal-ħalġ kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008 għandha teħtieġ:

    (a)

    it-twaqqif b’mod definittiv u totali tal-ħalġ tal-qoton fil-fabbrika jew fabbriki kkonċernati;

    (b)

    it-tneħħija tat-tagħmir kollu tal-ħalġ, u t-tneħħija tat-tagħmir tal-ħalġ mis-sit jew is-siti, fi żmien sena mill-approvazzjoni tal-applikazzjoni mill-Istat Membru;

    (ċ)

    l-esklużjoni definittiva tat-tagħmir tal-ħalġ mill-ipproċessar tal-qoton fil-Komunità, permezz ta’:

    (i)

    it-tneħħija tat-tagħmir għal pajjiż terz,

    (ii)

    l-applikazzjoni ggarantita tat-tagħmir f’settur ieħor, jew

    (iii)

    il-qerda tat-tagħmir;

    (d)

    it-treġġigħ lura tal-kundizzjonijiet ambjentali tajba tas-sit jew siti tal-fabbrika u l-iffaċilitar tal-użu mill-ġdid tal-forza tax-xogħol; u

    (e)

    l-impenn bil-miktub li ma jintużawx is-sit jew siti tal-produzzjoni għall-ħalġ tal-qoton matul perjodu ta’ 10 snin.

    Tagħmir tal-ħalġ ifisser it-tagħmir speċifiku kollu li jintuża għat-trasformazzjoni tal-qoton mhux maħluġ f’qoton maħluġ u l-prodotti sekondarji tiegħu, fosthom alimentaturi, magni li jnixxfu, magni li jnaddfu, magni li jneħħu z-zkuk, magni għat-tfesdiq tal-qoton, kondensaturi, magni li jneħħu t-tnietex u preses tal-balal.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti addizzjonali rigward it-tneħħija kif imsemmija fl-ewwel paragrafu.

    3.   Il-faċilitajiet tal-ħalġ imsemmija fl-ewwel paragrafu jridu jkunu f’kundizzjoni ta’ ħidma tajba biex applikazzjoni tkun eliġibbli.

    4.   Il-bini u s-siti tal-fabbriki jistgħu jkomplu jintużaw għal attivitajiet mhux relatati mal-produzzjoni, l-ipproċessar jew il-kummerċ tal-qoton.

    Artikolu 11

    Kontribuzzjoni komunitarja

    1.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, l-ammont ta’ għajnuna li għandu jingħata taħt il-miżura msemmija fl-Artikolu 10.

    2.   L-għajnuna għal kull fabbrika tal-ħalġ għandha tkun limitata għal massimu ta’ EUR 100 għal kull tunnellata ta’ qoton mhux maħluġ, għall-kwantità ta’ qoton ipproċessat f’dik il-fabbrika, li kien eliġibbli għall-għajnuna taħt il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1051/2001 (6), fis-sena kummerċjali 2005/2006.

    SEZZJONI 2

    Investimenti fl-industrija tal-ħalġ

    Artikolu 12

    Ambitu

    L-appoġġ għall-miżura msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 7 (1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008 għandu jingħata għal investimenti tanġibbli jew mhux tanġibbli li jtejbu l-andament tal-intrapriża u jirrigwardaw:

    (a)

    l-ipproċessar u/jew il-kummerċ tal-qoton; u/jew

    (b)

    l-iżvilupp ta’ proċessi u teknoloġiji ġodda marbuta mal-qoton.

    Artikolu 13

    Nefqa eliġibbli

    1.   L-investimenti megħjuna għandhom jirrispettaw l-istandards Komunitarji applikabbli għall-investiment ikkonċernat.

    2.   In-nefqa eliġibbli għandha tkun:

    (a)

    it-titjib tal-proprjetà immobbli;

    (b)

    ix-xiri jew kiri ta’ makkinarju u tagħmir ġdid, fosthom softwer tal-kompjuter sal-valur tas-suq tal-assi, u mhux inklużi spejjeż oħra marbuta mal-kuntratt tal-kiri, bħall-marġini tal-kerrej, l-ispejjeż għar-rifinanzjament tal-imgħax, l-ispejjeż operattivi u l-ħlasijiet tal-assigurazzjoni;

    (ċ)

    spejjeż ġenerali marbuta man-nefqa msemmija fil-punti (a) u (b), bħall-miżati tal-periti u l-inġiniera u t-tariffi tal-konsultazzjonijiet, studji dwar il-vijabbiltà, il-ksib tad-drittijiet tal-brevett u l-liċenzji.

    3.   L-ispejjeż għall-iżvilupp ta’ proċessi u teknoloġiji ġodda kif imsemmija fl-Artikolu 12 għandhom jirrigwardaw operazzjonijiet preparatorji, bħat-tfassil, l-iżvilupp u l-ittestjar ta’ proċessi u teknoloġiji u/jew l-investimenti tanġibbli u/jew mhux tanġibbli marbuta magħhom, qabel l-użu tal-proċessi u t-teknoloġiji żviluppati ġodda għal skopijiet kummerċjali.

    4.   L-investimenti sempliċi ta’ bdil m’għandhomx ikunu nfiq eliġibbli.

    Artikolu 14

    Kontribuzzjoni komunitarja

    1.   Il-kontribuzzjoni Komunitarja għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 12 għandha tkun limitata għar-rati massimi segwenti ta’ għajnuna:

    (a)

    50 % fir-reġjuni kklassifikati bħala reġjuni ta’ konverġenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (7);

    (b)

    40 % fir-reġjuni li mhumiex reġjuni ta’ konverġenza.

    2.   M’għandhiex tingħata għajnuna lill-kumpaniji f’diffikultà skont it-tifsira tas-Sezzjoni 2.1 tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji f’diffikultà (8).

    3.   L-Artikolu 72 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (9) għandu japplika mutatis mutandis għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 12.

    SEZZJONI 3

    Parteċipazzjoni tal-bdiewa fl-iskemi ta’ kwalità tal-qoton

    Artikolu 15

    Ambitu

    L-għajnuna għall-miżura msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008 għandha:

    (a)

    tingħata għal skemi ta’ kwalità Komunitarji għall-qoton stabbiliti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (10), jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (11), jew skemi ta’ kwalità rikonoxxuti mill-Istati Membri;

    (b)

    tingħata bħala ħlas ta’ inċentiv annwali li l-livell tiegħu għandu jiġi stabbilit skont il-livell tal-ispejjeż fissi li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fl-iskemi megħjuna, għal perjodu massimu ta’ erba’ snin.

    Skemi li l-uniku għan tagħhom huwa li jipprovdu livell ogħla ta’ kontroll tal-ħarsien tal-istandards obbligatorji taħt il-liġi Komunitarja jew nazzjonali m’għandhomx ikunu eliġibbli għal għajnuna taħt din is-Sezzjoni.

    Artikolu 16

    Kriterji tal-eliġibilità

    1.   Sabiex ikunu eliġibbli għall-għajnuna, l-iskemi ta’ kwalità rikonoxxuti mill-Istati Membri, kif imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15, għandhom jissodisfaw dawn il-kriterji:

    (a)

    l-ispeċifiċità tal-prodott finali taħt skemi bħal dawn għandha toħroġ minn obbligi dettaljati dwar metodi ta’ tkabbir u pproċessar li jiggarantixxu:

    (i)

    karatteristiċi speċifiċi fosthom il-proċess tal-produzzjoni,

    (ii)

    kwalità tal-prodott finali li tmur b’mod sinifikanti lil hinn mill-istandards kummerċjali tal-komodità fir-rigward tas-saħħa tal-pjanta jew il-ħarsien tal-ambjent;

    (b)

    l-iskemi jinvolvu speċifikazzjonijiet vinkolanti dwar il-prodott u l-osservanza ta’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet għandha tiġi vverifikata minn korp ta’ spezzjoni indipendenti;

    (ċ)

    l-iskemi għandhom ikunu miftuħin għall-produtturi kollha;

    (d)

    l-iskemi għandhom ikunu trasparenti u jassiguraw traċċabilità sħiħa tal-prodotti;

    (e)

    l-iskemi għandhom iwieġbu għall-opportunitajiet preżenti u prevedibbli tas-suq.

    2.   Tista’ tingħata biss għajnuna lill-bdiewa li jkunu qegħdin jipparteċipaw fi skema ta’ kwalità jekk il-prodott ta’ kwalità jkun ġie rikonoxxut uffiċjalment skont ir-Regolamenti u d-dispożizzjonijiet tal-iskemi Komunitarji jew l-iskemi ta’ kwalità rikonoxxuti minn Stat Membru, kif ipprovdut fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15.

    Rigward l-iskemi ta’ kwalità stabbiliti taħt ir-Regolament (KE) Nru 510/2006, tista’ tingħata biss għajnuna lill-ismijiet irreġistrati fir-reġistru tal-Komunità.

    3.   Fejn l-għajnuna għall-parteċipazzjoni fi skema ta’ kwalità taħt ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 tkun inkluża fi programm ta’ ristrutturazzjoni, l-ispejjeż fissi li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f’dik l-iskema ta’ kwalità m’għandhomx jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna fil-qafas ta’ miżura agro-ambjentali biex issostni l-biedja agrikola.

    4.   Għall-iskop tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15, “spejjeż fissi” jfissru l-ispejjeż li jsiru biex wieħed jidħol fi skema ta’ kwalità megħjuna u l-kontribuzzjoni annwali għall-parteċipazzjoni f’dik l-iskema, fosthom, fejn ikun meħtieġ, in-nefqa fuq il-kontrolli meħtieġa biex tiġi vverifikata l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-iskema.

    Artikolu 17

    Kontribuzzjoni komunitarja

    L-għajnuna għall-miżura msemmija fl-Artikolu 15 għandha tkun limitata għal massimu ta’ EUR 3 000 għal kull impriża fis-sena.

    SEZZJONI 4

    Informazzjoni u promozzjoni

    Artikolu 18

    Ambitu

    1.   L-għajnuna għall-miżura msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008 għandha tirrigwarda l-qoton kopert bl-iskemi ta’ kwalità msemmija fl-Artikolu 15 u l-prodotti magħmula prinċipalment b’dan il-qoton.

    2.   L-attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni megħjuna taħt ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 m’għandhomx jikkwalifikaw għall-għajnuna.

    Artikolu 19

    Attivitajiet eliġibbli

    1.   L-attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni eliġibbli għall-għajnuna għandhom ikunu attivitajiet imfassla sabiex iħajru lill-konsumaturi jixtru qoton kopert bl-iskemi ta’ kwalità inklużi fl-Artikolu 15, jew prodotti magħmula prinċipalment b’dan il-qoton.

    Dawn l-attivitajiet għandhom jiġbdu l-attenzjoni għall-karatteristiċi jew il-vantaġġi speċifiċi tal-prodotti kkonċernati, b’mod partikolari l-kwalità, metodi speċifiċi tal-produzzjoni, u r-rispett lejn l-ambjent marbuta mal-iskema ta’ kwalità inkwistjoni, u jistgħu jinkludu t-tixrid ta’ tagħrif xjentifiku u tekniku dwar dawn il-prodotti. Attivitajiet bħal dawn għandhom jinkludu, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni ta’, u/jew il-parteċipazzjoni ġewwa fieri u esibizzjonijiet, eżerċizzji simili ta’ relazzjonijiet pubbliċi u reklamar permezz tal-kanali differenti ta’ komunikazzjoni jew fil-postijiet tal-bejgħ.

    2.   Se jkunu eliġibbli għall-għajnuna l-attivitajiet ta’ informazzjoni, promozzjoni u reklamar fis-suq intern biss.

    Dawn l-attivitajiet m’għandhomx jinċitaw lill-konsumaturi biex jixtru prodott minħabba l-oriġini partikolari tiegħu, ħlief għall-prodotti koperti bl-iskema ta’ kwalità li ddaħħlet bir-Regolament (KE) Nru 510/2006. L-oriġini ta’ prodott tista’ madankollu tiġi indikata bil-kundizzjoni li r-referenza għall-oriġini tkun subordinata għall-messaġġ prinċipali.

    L-attivitajiet marbuta mal-promozzjoni ta’ ditti kummerċjali m’għandhomx ikunu eliġibbli għall-għajnuna.

    3.   Meta l-attivitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu jirrigwardaw prodott inkluż fl-iskemi ta’ kwalità Komunitarji stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jew ir-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-lowgo tal-Komunità li hemm provvediment dwarha taħt dawk l-iskemi għandha tidher fuq il-materjal ta’ informazzjoni, promozzjoni u/jew reklamar.

    4.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-abbozzi kollha tal-materjal ta’ informazzjoni, promozzjoni u reklamar imfassal fil-kuntest ta’ attività megħjuna jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Għal dak il-għan, il-benefiċjarji għandhom jibagħtu tali abbozzi tal-materjal lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

    Artikolu 20

    Kontribuzzjoni komunitarja

    L-għajnuna għall-miżura msemmija fl-Artikolu 18 għandha tkun limitata għal 70 % tal-ispiża tal-attività.

    SEZZJONI 5

    Għajnuna lill-kuntratturi tal-makkinarju

    Artikolu 21

    Ambitu

    L-għajnuna għall-miżura msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008 għandha tingħata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, għat-telf imġarrab fosthom it-telf fil-valur ta’ makkinarju speċjalizzat tal-ħsad, li ma jistax jintuża għal għanijiet oħra.

    Artikolu 22

    Kontribuzzjoni komunitarja

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-livell ta’ għajnuna li għandha tingħata taħt il-miżura msemmija fl-Artikolu 21. Din l-għajnuna m’għandhiex taqbeż it-telf imġarrab u għandha tkun limitata għal massimu ta’ EUR 10 kull tunnellata għall-ammont ta’ qoton mhux maħluġ li nħasad taħt kuntratt fis-sena kummerċjali 2005/2006, li twassal ġewwa fabbrika tal-ħalġ suġġetta għat-tneħħija kif ipprovdut fl-Artikolu 10.

    2.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-benefiċjarji tal-għajnuna jikkonformaw mal-kriterji elenkati fil-punt (d) tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008.

    KAPITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 23

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ tlett ijiem wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Novembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 178, 5.7.2008, p. 1.

    (2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

    (3)  ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18.

    (4)  ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1.

    (5)  ĠU L 355, 15.12.2006, p. 56.

    (6)  ĠU L 148, 1.6.2001, p. 3. Regolament revokat bir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1) mill-31 ta’ Diċembru 2005.

    (7)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

    (8)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

    (9)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

    (10)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

    (11)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    ANNESS

    Tabella finanzjarja ġenerali għall-programm ta’ ristrutturazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 637/2008

    (f’EUR 1000)

    Stat Membru:

    Data tal-Komunikazzjoni:

    Tabella emendata: Iva/Le

    Jekk Iva, Numru:

     

    Sena finanzjarja

    Miżuri

    Ir-Regolament (KE) Nru 637/2008

    Sena 1 (2010)

    Sena 2 (2011)

    Sena 3 (2012)

    Sena 4 (2013)

    Total

    Tneħħija

    Artikolu 7(1)(a)

     

     

     

     

     

    Investimenti

    Artikolu 7(1)(b)

     

     

     

     

     

    Skemi ta’ kwalità

    Artikolu 7(1)(c)

     

     

     

     

     

    Informazzjoni u promozzjoni

    Artikolu 7(1)(d)

     

     

     

     

     

    Kuntratturi tal-makkinarju

    Artikolu 7(1)(e)

     

     

     

     

     

    Total

     

     

     

     

     


    Top