Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0454

2007/454/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Ġunju 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2006/415/KE dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ l-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3183) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 172, 30.6.2007, p. 87–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/454/oj

30.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 172/87


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Ġunju 2007

li temenda d-Deċiżjoni 2006/415/KE dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ l-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3183)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/454/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intrakomunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intrakomunitarju ta' ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll ta’ l-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 63(3) u l-Artikolu (66)2 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula ċerti miżuri preventivi dwar is-sorveljanza u l-iskoperta kmieni ta’ l-influwenza tat-tjur u l-miżuri ta’ kontroll minimu li għandhom jiġu applikati fil-każ li din il-marda tfaqqa’ fit-tjur jew f’għasafar maqbudin oħrajn. Din tipprevedi li jridu jiġu stipulati regoli dettaljati, hekk kif meħtieġ mis-sitwazzjoni epidemjoloġika sabiex tissupplimenta l-miżuri ta' kontroll minimu previsti f'din id-Direttiva. Id-data għat-transpożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri hija l-1 ta’ Lulju 2007.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/475/KE ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward ta’ l-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/135/KE (4) tistipula ċerti miżuri ta' ħarsien li għandhom jiġu applikati sabiex tiġi evitata l-firxa ta' din il-marda, inkluż l-istabbiliment ta' żoni A u B wara tifqigħa sospettata jew ikkonfermata tal-marda. Dawn iż-żoni huma elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/415/KE u jinkludu partijiet mir-Repubblika Ċeka, mill-Ungerija u r-Renju Unit. Din id-Deċiżjoni attwalment tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2007.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/416/KE ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri tranżitorji b'rabta ma’ l-influwenza tat-tjur b'livell patoġeniku għoli ħafna fit-tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin fil-Komunità (5) tipprevedi miżuri li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri li għandhom ma ttrasponewx bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/94/KE. Id-Deċiżjoni tapplika sat-30 ta' Ġunju 2007. Minħabba li d-Direttiva 2005/94/KE għandha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri sa l-1 ta' Lulju 2007, il-miżuri previsti fiha se jieħdu post il-miżuri attwalment previsti fid-Deċiżjoni 2006/416/KE.

(4)

Hekk kif il-vajrus ta' l-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 jibqa' jfaqqa', il-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2006/415/KE għandhom jibqgħu japplikaw fejn il-vajrus jinstab fit-tjur, biex b'hekk jiġu ssupplimentati l-miżuri previsti fid-Direttiva 2005/94/KE.

(5)

Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni epidemjoloġika, huwa xieraq li l-perjodu ta' l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/415/KE jiżdied sat-30 ta' Ġunju 2008.

(6)

B’żieda ma' dan, ir-referenzi fid-Deċiżjoni 2006/415/KE għad-Deċiżjoni 2006/415/KE għandhom jinbidlu bir-referenzi għad-Direttiva 2005/94/KE.

(7)

Id-Deċiżjoni 2006/415/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2006/415/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom jiġu applikati bla ħsara għall-miżuri li għandhom jiġu applikati fl-avveniment ta’ tifqigħa ta’ influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja meħuda skond id-Direttiva 2005/94/KE.”

(2)

L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Żoni A u B

1.   Iż-żona elenkata fil-Parti A ta’ l-Anness (‘żona A’) hija kklassifikata bħala żona ta’ riskju għoli li fiha żoni ta' ħarsien u sorveljanza stabbiliti skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2005/94/KE.

2.   Iż-żona elenkata fil-Parti B ta’ l-Anness (‘żona B’) hija kklassifikata bħala żona ta’ riskju baxx li tista’ tinkludi partijiet miż-żona aktar ristretta, jew iż-żona kollha, stabbilita skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2005/94/KE, u li għandha tissepara ż-żona A mill-parti ħielsa mill-marda ta' l-Istat Membru affettwat, jekk tali parti hija identifikata, jew mill-pajjiżi ġirien.”

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Immedjatament wara tifqigħa sospettata jew ikkonfermata ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja kkawżata mill-vajrus A ta’ l-influwenza tas-sottotip H5 sospett jew ikkonfermat li huwa tat-tip ta' neuraminidase N1, l-Istat Membru affettwat għandu jistabbilixxi:

(a)

żona A, wara li jikkunsidra r-rekwiżiti legali stipulati fl-Arikolu 16 tad-Direttiva 2005/94/KE;

(b)

żona B wara li jikkunsidra l-fatturi ġeografiċi, amministrattivi, ekoloġiċi u epiżootjoloġiċi li għandhom x'jaqsmu ma' l-influwenza tat-tjur.

L-Istat Membru affettwat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri oħrajn u, kif xieraq, lill-pubbliku, dwar iż-żoni A u B.”

(b)

Fl-Artiklu 4(4)(b), il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(i)

għal mill-anqas 21 jum fil-każ taż-żona ta' ħarsien u 30 jum fil-każ taż-żona ta' sorveljanza wara d-data tat-tlestija tat-tindif u diżinfezzjoni preliminarja tal-post fejn hija kkonfermata tifqigħa b'konformità ma’ l-Artikolu 11(8) tad-Direttiva 2005/94/KE; kif ukoll”

(4)

Fl-Artikolu 5, il-frażi ta’ introduzzjoni tinbidel b'dan li ġej:

“B’żieda mar-restrizzjonijiet dwar il-moviment tat-tjur, għasafar maqbudin oħrajn, il-bajd għat-tfaqqis tagħhom u l-prodotti derivati minn tali għasafar stipulati fid-Direttiva 2005/94/KE, għal postijiet fiż-żoni ta' ħarsien, ta’ sorveljanza u dawk aktar ristretti, l-Istat Membru affettwat għandu jiżgura li:”

(5)

Fl-Artikolu 12, id-data “30 ta' Ġunju 2007” tinbidel bi “30 ta' Ġunju 2008”.

(6)

Fl-Anness id-data “30 ta’ Ġunju 2007” tinbidel bi “22 ta’ Lulju 2007”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2007.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 29 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33); verżjoni kkoreġuta (ĠU L 195, 2.6.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p 14).

(3)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(4)  ĠU L 164, 16.6.2006, p. 51. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/434/KE (ĠU L 161, 22.6.2007, p. 70).

(5)  ĠU L 164, 16.6.2006, p. 61. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/119/KE (ĠU L 51, 20.2.2007, p. 22).


Top