Kies de experimentele functies die u wilt uitproberen

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 32007D0009

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta' Diċembru 2006 li temenda d-Deċiżjoni 2005/779/KE li tikkonċerna l-miżuri ta' protezzjoni għas-saħħa ta' l-annimali kontra l-marda vesikulari tal-ħnieżer, fl-Italja (notifikat bid-dokument numru C(2006) 6574) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 7, 12.1.2007, blz. 15–16 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 219M, 24.8.2007, blz. 1–2 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Juridische status van het document Niet meer van kracht, Datum einde geldigheid: 20/03/2019; Impliċitament imħassar minn 32019D0470

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/9(1)/oj

    24.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    1


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-18 ta' Diċembru 2006

    li temenda d-Deċiżjoni 2005/779/KE li tikkonċerna l-miżuri ta' protezzjoni għas-saħħa ta' l-annimali kontra l-marda vesikulari tal-ħnieżer, fl-Italja

    (notifikat bid-dokument numru C(2006) 6574)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2007/9/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar kontrolli veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju f'ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-għan li jitlesta s-suq intern (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/779/KE tat-8 ta' Novembru 2005 dwar miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa ta' l-annimali kontra l-marda vesikulari tal-ħnieżer, fl-Italja (2) ġiet adottata bi tweġiba għall-preżenza ta' dik il-marda fl-Italja. Hija tistipula regoli tas-saħħa fir-rigward tal-marda vesikulari tal-ħnieżer għar-reġjuni ta' l-Istat Membru li huma rikonoxxuti bħala ħielsa minn dik il-marda u għal reġjuni li mhumiex rikonoxxuti hekk.

    (2)

    Fid-dawl ta' l-informazzjoni issa provduta mill-Italja, il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2005/779/KE fir-rigward tas-sorveljanza ta' irziezet u ċentri ta' assemblaġġ għall-ħnieżer, u b'mod partikulari fir-rigward ta' l-ittestjar u l-ikkampjunar li għandhom isiru, għandhom jiżdiedu fl-interess tal-prevenzjoni tat-tixrid tal-marda. Barra minn hekk, iċ-ċaqliq tal-ħnieżer mill-irziezet u mir-reġjuni li mhumiex rikonoxxuti ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer għandu jkun aktar restrittiv.

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2005/779/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

    (4)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2005/779/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 5, il-frażi introduttorja tal-paragrafu 2 hija mibdula b'dan li ġej:

    “2.   Fi rziezet fejn jinżammu ħnieżer għat-tgħammir, l-ikkampjunar għall-ittestjar sjeroloġiku għandu jitwettaq fl-intervalli li ġejjin fuq kampjun mhux meħud sistematikament ta' 12-il ħanżir għat-tgħammir jew fuq il-ħnieżer kollha għat-tgħammir fejn hemm anqas minn 12-il ħanżir għat-tgħammir fir-razzett:”

    (2)

    L-Artikolu 6 huwa mibdul b'dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Sorveljanza f'reġjuni li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer

    1.   L-Italja għandha tiżgura li l-proċeduri ta' kkampjunar u ċċekkjar għall-individwazzjoni tal-marda vesikulari tal-ħnieżer jitwettqu hekk kif stabbilit fil-paragrafi 2, 3 u 4 f'reġjuni mhux rikonoxxuti bħala ħielsa minn dik il-marda.

    2.   Fi rziezet rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer fejn jinżammu ħnieżer għat-tgħammir, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) għandhom japplikaw.

    3.   Fi rziezet rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer fejn ma jinżammu l-ebda ħnieżer għat-tgħammir, l-ikkampjunar għall-ittestjar sjeroloġiku għandu jitwettaq darbtejn fis-sena fuq kampjun mhux meħud sistematikament ta' 12-il ħanżir jew fuq il-ħnieżer kollha fejn hemm anqas minn 12-il ħanżir fir-razzet.

    4.   F'ċentri ta' assemblaġġ għall-ħnieżer, l-ikkampjunar tal-ħmieġ għat-testjar viroloġiku għandu jitwettaq kull xahrejn f'kull stalla li fiha s-soltu jinżammu l-ħnieżer.

    Il-ħnieżer ma ghandhomx jiġu mċaqalqa miċ-ċentru ta' assemblaġġ sakemm ikun hemm riżultati negattivi għal dawk it-testijiet.”

    (3)

    L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   L-Italja għandha tiżgura li l-paragrafi 3 u 4 jiġu rispettati għaċ-ċaqliq ta' ħnieżer ħajjin fl-Italja.”

    (b)

    Il-Paragrafu 2 jitneħħa.

    (ċ)

    Il-paragrafi 3 u 4 huma mibdula b'dan li ġej:

    “3.   Iċ-ċaqliq ta' ħnieżer minn razzett mhux rikonoxxut bħala ħieles mill-marda vesikulari tal-ħnieżer għandu jiġi pprojbit sakemm ir-razzett jiġi rikonuxxut bħala ħieles minn dik il-marda.

    4.   Iċ-ċaqliq ta' ħnieżer minn reġjuni li mhumiex rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda vesikulari tal-ħnieżer lejn reġjuni oħra ta' l-Italja huwa pprojbit.”

    (4)

    Fl-Artikolu 8 il-Punt (e) hu mibdul b'li ġej:

    “(e)

    l-ikkampjunar u l-ittestjar sjeroloġiku jitwettaq kif ġej:

    (i)

    ħnieżer fl-irziezet tad-destinazzjoni jiġu kkampjunati għall-inqas 28 jum wara ċ-ċaqliq u l-ittestjar sjeroloġiku jitwettaq fuq numru kbir biżżejjed ta' ħnieżer sabiex ikun possibbli li tinstab prevalenza ta' 5 % tal-marda vesikulari tal-ħnieżer b'intervall ta' kunfidenza ta' 95 %; dan l-ikkampjunar irid jinkludi l-ħnieżer imċaqilqa lejn ir-razzett tad-destinazzjoni u l-ebda ħanżier ma jista' jiġi mċaqlaq minn dak ir-razzett sakemm isir dan l-ittestjar b'riżultati negattivi;

    (ii)

    ħnieżer li għandhom jittieħdu f'biċċerija jiġu kkampjunati fl-10 ijiem qabel iċ-ċaqliq u l-ittestjar sjeroloġiku jitwettaq fuq numru kbir biżżejjed ta' dawk il-ħnieżer sabiex ikun possibbli li tinsab prevalenza ta' 5 % tal-marda vesikulari tal-ħnieżer b'intervall ta' kunfidenza ta' 95 %; dawk il-ħnieżer ma jistgħux jiġu mċaqilqa mir-razzett ta' l-oriġini sakemm isir l-ittestjar b'riżultati negattivi;”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 18 ta' Diċembru 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

    (2)  ĠU L 293, 9.11.2005, p. 28.


    Naar boven