Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1990

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1990/2006 tal- 21 ta’ Diċembru 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 4 dwar l-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina fil-Litwanja għall-Att ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ta’ l-Estonja, ta’ Ċipru, tal-Latvja, tal-Litwanja, ta’ l-Ungerija, ta’ Malta, tal-Polonja, tas-Slovenja u tas-Slovakkja Programm Ignalina

    ĠU L 411, 30.12.2006, p. 10–17 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 200M, 1.8.2007, p. 670–673 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1369

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1990/oj

    1.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    670


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1990/2006

    tal-21 ta’ Diċembru 2006

    dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 4 dwar l-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina fil-Litwanja għall-Att ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ta’ l-Estonja, ta’ Ċipru, tal-Latvja, tal-Litwanja, ta’ l-Ungerija, ta’ Malta, tal-Polonja, tas-Slovenja u tas-Slovakkja “Programm Ignalina”

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra l-Att ta' l-adeżjoni ta' l-2003, u b'mod partikolari l-Artikoli 56 tiegħu u l-Protokoll Nru 4 għalih,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1) (hawn aktar 'il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”),

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2342/2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (2),

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni Ewropea intrabtet li tkompli tipprovdi assistenza addizzjonali tal-Komunità Ewropea adegwata għall-isforz tal-Litwanja għad-diżattivazzjoni ta' l-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina wara l-adeżjoni tal-Litwanja ma' l-Unjoni għall-perijodu sa l-2006 u lil hinn. Dan l-impenn sar formalment fil-Protokoll Nru 4 dwar l-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina fil-Litwanja, kif anness għall-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

    (2)

    Konxja ta' din l-espressjoni ta' solidarjetà min-naħa ta' l-Unjoni, il-Litwanja intrabtet li tagħlaq l-Unita 1 ta' l-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina qabel l-2005 u l-Unità 2 sal-31 ta' Diċembru 2009 u li sussegwentement tiddiżattiva dawn l-unitajiet. Programm ta' assistenza b'baġit ta' EUR 285 miljun ġie stabbilit biex ikopri l-perijodu 2004-2006.

    (3)

    Id-diżattivazzjoni ta' l-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina b'żewġ reatturi tat-tip MW RBMK 1 500 li ntwirtu minn dik li qabel kient l-Unjoni Sovjetika hija mingħajr preċedent u tirrappreżenta piż finanzjarju eċċezzjonali għal-Litwanja li mhuwiex proporzjonat mad-daqs u s-saħħa ekonomika tal-pajjiż. Din id-diżattivazzjoni ser tkompli lil hinn mill-Perspettivi Finanzjarji attwali tal-Komunità.

    (4)

    Il-Protokoll Nru 4 jgħid li l-Programm Ignalina għall-2004-2006 ser jitkompla mingħajr waqfien u estiż lil hinn mill-2006 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 56 ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003; u dan il-programm estiż ser ikun ibbażat fuq l-istess elementi u prinċipji bħall-programm 2004-2006.

    (5)

    Jeħtieġ għalhekk li jiġu adottati r-regoli għall-implimentazzjoni ta' l-assistenza Komunitarja addizzjonali għall-perijodu 2007-2013 sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ta' l-għeluq u d-diżattivazzjoni ta' l-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina.

    (6)

    Il-Prokoll Nru 4 jgħid li għall-perijodu tal-Perspettivi Finazjarji li jmiss, l-approprjazzjonijiet medji ġenerali taħt il-Programm Ignalina estiż għandhom ikunu adatti. L-ipprogrammar ta' dawn ir-riżorsi ser ikun ibbażat fuq il-ħtiġijiet attwali ta' ħlas u l-kapaċità ta' assorbiment.

    (7)

    Il-Protokoll Nru 4 jipprevedi rotot ta' implimentazzjoni differenti sabiex l-assistenza tissodisfa l-għanijiet imsemmija hawn fuq, inkluż il-forniment dirett ta' assistenza lil-Litwanja permezz ta' Korp Amministrattiv Nazzjonali, akkreditat għal deċentralizzazzjoni kompleta, taħt liema ġew implimentati l-programmi annwali għall-perijodu 2004-2006. B'konsegwenza, il-Litwanja għandha struttura ta' implimentazzjoni nazzjonali adatta bil-għan li jiġu implimentati l-miżuri taħt il-Protokoll Nru 4 permezz ta' aġenzija nazzjonali konformi mad-delegazzjoni ta' kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit taħt l-Artikoli 53(2) u 54(2)(ċ) tar-Regolament Finanzjarju.

    (8)

    Fondi internazzjonali għad-diżattivazzjoni amministrati mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD) ilhom jeżistu għal numru ta' snin. B'mod partikolari permezz tal-programm Phare, il-Komunità hija l-kontributur ewlieni għal dawn il-fondi.

    (9)

    B'konsegwenza, għandha tiġi prevista kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għall-iffinanzjar tad-diżattivazzjoni ta' l-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina matul il-perijodu mill-2007 sa l-2013.

    (10)

    L-assistenza finanzjarja tista’ tkompli tkun disponibbli bħala kontribuzzjoni Komunitarja għall-Fond Internazzjonali ta’ Sostenn għad-Diżattivazzjoni ta’ Ignalina amministrat mill-EBRD.

    (11)

    Il-Programm Ignalina jinkludi wkoll miżuri ta' appoġġ għall-persunal ta' l-impjant biex iżomm livell għoli ta' sigurtà operattiva fl-Impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina fil-perijodi ta' qabel l-għeluq u waqt id-diżattivazzjoni ta' l-unitajiet reatturi.

    (12)

    Il-kompiti ta' l-EBRD jinkludu l-amministrazzjoni tal-fondi pubbliċi allokati lill-programmi għad-diżattivazzjoni ta' l-impjanti ta' l-enerġija nukleari u l-monitoraġġ ta' l-amministrazzjoni finanzjarja ta' dawn il-programmi sabiex ikun ottimizzat l-użu tal-flus pubbliċi. Barra minn hekk l-EBRD iwettaq il-kompiti tal-baġit fdati lilu mill-Kummissjoni f'konformità mal-ħtiġiet ta' l-Artikolu 53(7) tar-Regolament Finanzjarju.

    (13)

    Id-diżattivazzjoni ta' l-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina ser titwettaq f'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar il-valutazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (3).

    (14)

    Huwa inkluż f'dan ir-Regolament ammont finanzjarju ta' referenza, fis-sens tal-punt 38 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja soda (4), għat-tul taż-żmien kollu tal-programm, mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' l-awtorità baġitarja kif definita fit-Trattat.

    (15)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5),

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni matul il-perijodu 2007-2013 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina fil-Litwanja, anness għall-Att ta’ l-adeżjoni 2003.

    Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw li l-Programm Ignalina ser jitkompla mingħajr waqfien u estiż, skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4.

    Artikolu 2

    Il-Programm Ignalina għandu jkopri, inter alia, miżuri għall-appoġġ tad-diżattivazzjoni ta' l-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina mingħajr id-deterjorazzjoni tas-sigurtà nukleari, miżuri għall-appoġġ ta' l-awtoritajiet tas-sigurtà nukleari fil-valutazzjoni tas-sigurtà u l-liċenzjar ta' proġetti ta' diżattivazzjoni, miżuri għat-titjib ambjentali f'konformità ma' l-acquis u għall-immodernizzar tal-kapaċità ta' produzzjoni konvenzjoni sabiex tiġi sostitwita l-kapaċità ta' produzzjoni taż-żewġ reatturi fl-impjant Ignalina u miżuri oħra li jirriżultaw mid-deċiżjoni li jingħalaq u jiġi diżattivat dan l-impjant u li jikkontribwixxu għar-ristrutturar meħtieġ, it-titjib ta' l-ambjent u l-immodernizzar tas-setturi tal-produzzjoni, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta' l-enerġija fil-Litwanja kif ukoll għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista u l-effiċjenza ta' l-enerġija fil-Litwanja.

    Il-Programm Ignalina għandu jinkludi wkoll miżuri ta' appoġġ għall-persunal ta' l-impjant biex iżomm livell għoli ta' sigurtà operattiva fl-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina fil-perijodi ta' qabel l-għeluq u waqt id-diżattivazzjoni ta' l-unitajiet reatturi.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Programm Ignalina prevista fl-Artikolu 2 għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013 għandu jkun ta' EUR 837 miljun bil-prezzijiet attwali (6).

    2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju.

    3.   L-ammont ta' l-approprjazzjonijiet allokati għall-Programm Ignalina jista' jiġi rivedut matul il-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013 sabiex jittieħed kont tal-progress li sar bl-implimentazzjoni tal-programm u jiġi żgurat li l-ipprogrammar u l-allokazzjoni tar-riżorsi jkunu bbażati fuq ħtiġijiet attwali ta' ħlas u l-kapaċità ta' assorbiment.

    Artikolu 4

    Il-kontribut taħt il-Programm Ignalina jista', għal ċerti miżuri, jammonta għal sa 100 % tan-nefqa totali. Għandu jsir kull sforz biex titkompla l-prattika ta' ko-finanzjar stabbilita taħt l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni u l-assistenza mogħtija matul il-perijodu 2004-2006 għall-isforz tal-Litwanja għad-diżattivazzjoni kif ukoll biex tiġbed lejha ko-finanzjar minn sorsi oħra, skond ma jkun il-każ.

    Artikolu 5

    1.   Il-miżuri taħt il-programm Ignalina għandhom jiġu deċiżi u implimentati skond id-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikoli 53(2) u 54(2)(ċ) tar-Regolament Finanzjarju.

    2.   L-assistenza finanzjarja għall-miżuri taħt il-Programm Ignalina, jew partijiet minnha, tista’ tkun disponibbli bħala kontribuzzjoni Komunitarja għal-Fond Internazzjonali ta’ Sostenn għad-Diżattivazzjoni ta’ Ignalina, amministrat mill-EBRD.

    3.   Il-miżuri u l-assistenza finanzjarja taħt il-programm Ignalina għandhom jiġu approvati skond l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    Artikolu 6

    1.   L-għajnuna pubblika minn sorsi nazzjonali, Komunitarji u internazzjonali għal:

    titjib ambjentali f'konformità ma' l-acquis u miżuri għall-immodernizzar ta' l-impjant ta' l-enerġija termali Elektrenai fil-Litwanja bħala s-sostituzzjoni prinċipali għall-kapaċità ta' produzzjoni taż-żewġ reatturi fl-impjant ta' l-enerġija nukleari Ignalina; u

    diżattivazzjoni ta' l-impjant ta' l-enerġija Ignalina

    għandha tkun kompatibbli mar-regoli dwar is-suq intern, kif definiti fit-Trattat.

    2.   L-għajnuna pubblika minn sorsi nazzjonali, Komunitarji u internazzjonali b’appoġġ għall-isforzi tal-Litwanja biex tindirizza l-konsegwenzi ta’ l-għeluq u tad-diżattivazzjoni ta’ l-impjant ta’ l-enerġija nukleari Ignalina tista’, fuq bażi ta' każ b'każ, tkun ikkunsidrata kompattibbli mar-regoli tat-Trattat fir-rigward tas-suq intern, b’mod partikolari l-għajnuna pubblika għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija.

    Artikolu 7

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 4, il-klawżola ta' salvagwardja msemmija fl-Artikolu 37 ta' l-Att ta' Adeżjoni 2003 għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2012 jekk il-provvista ta' l-enerġija tkun maqtugħa fil-Litwanja.

    Artikolu 8

    1.   Il-Kummissjoni tista' tagħmel verifika ta' l-użu magħmul mill-assistenza mwettqa direttament mill-persunal tagħha stess jew minn kwalunkwe korp barrani kwalifikat ieħor ta' l-għażla tagħha. Dawn il-verifiki jistgħu jitwettqu matul il-perijodu kollu tal-ftehim u għal perjodu ta' ħames snin mid-data tal-ħlas tal-bilanċ. Fejn xieraq, is-sejbiet tal-verifika jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta' rkupru mill-Kummissjoni.

    2.   Il-persunal tal-Kummissjoni u persunal barrani awtorizzat mill-Kummissjoni għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess adatt, b'mod partikolari għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għall-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni f'format elettronika, meħtieġa sabiex jitwettqu dawn il-verifiki.

    Il-Qorti ta' l-Awdituri għandu jkollha l-istess drittijiet bħall-Kummissjoni, speċjalment fir-rigward ta' aċċess.

    Barra minn hekk, sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra frodi u irregolaritajiet oħra, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) jista' twettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post taħt dan il-programm f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (7).

    3.   Għall-azzjoni Komunitarja ffinanzjata taħt dan ir-Regolament, it-terminu irregolarità fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (8) għandu jfisser kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja jew kwalunkwe ksur ta' obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li jkollu, jew li jista’ jkollu l-effett li tippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunitajiet jew baġits amministrati minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra f'isem il-Komunitajiet Ewropej.

    4.   Il-ftehim bejn il-Komunità u l-EBRD dwar li l-fondi Komunitarji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Fond Internazzjonali għas-Sostenn tad-Diżattivazzjoni ta' Ignalina għandhom jipprevedu miżuri adatti għall-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità kontra frodi, korruzzjoni u rregolaritajiet oħra u sabiex il-Kummissjoni, l-OLAF u l-Qorti ta' l-Awdituri jkunu jistgħu jwettqu kontrolli fuq il-post.

    Artikolu 9

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u għandha tirrapporta f'intervalli regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Għandha twettaq reviżjoni ta' nofs it-term, kif previst fl-Artikolu 3.

    Artikolu 10

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Diċembru 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KORKEAOJA


    (1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (ĠU L 227, 19.8.2006, p. 3).

    (3)  ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).

    (4)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

    (6)  Jiġifieri EUR 743 miljun bil-prezzijiet ta' l-2004.

    (7)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

    (8)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.


    Top