Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0953

    Regolament (KE) Nru 953/2006 tal-Kunsill tad- 19 Ġunju 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1673/2000, rigward l-għajnuna għall-proċessar tal-kittien u tal-qanneb imkabbra għall-ħjut, u r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, rigward il-qanneb eliġibbli għall-iskema ta' pagament uniku

    ĠU L 175, 29.6.2006, p. 1–3 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 276–278 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Impliċitament imħassar minn 32009R0073

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/953/oj

    25.10.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    276


    REGOLAMENT (KE) NRU 953/2006 TAL-KUNSILL

    tad-19 ta' Ġunju 2006

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1673/2000, rigward l-għajnuna għall-proċessar tal-kittien u tal-qanneb imkabbra għall-ħjut, u r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, rigward il-qanneb eliġibbli għall-iskema ta' pagament uniku

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 37(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2000 tas-27 ta' Lulju 2000 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-kittien u l-qanneb imkabbra għall-ħjut (2) jeħtieġ li l-Kummissjoni tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-għajnuna għall-proċessar, flimkien ma' proposti jekk ikun hemm bżonn. Fuq il-bażi ta' dak ir-rapport, huwa kunsiljabbli li s-sistema kurrenti tibqa' fis-seħħ sas-sena tas-suq 2007/2008, inklużivament.

    (2)

    L-għajnuna għall-proċessar għall-ħjut qosra tal-kittien u għall-ħjut tal-qanneb li ma jkunx fihom aktar minn 7,5 % ta' impuritajiet u ta' twarrib tapplika sas-sena tas-suq 2005/2006. Madankollu, fid-dawl tax-xejriet favorevoli tas-suq għal dan it-tip ta' ħjut taħt l-iskema kurrenti ta' għajnuna u bil-għan li jingħata kontribut għall-konsolidament ta' prodotti innovattivi u tal-postijiet tal-bejgħ tagħhom fis-suq, l-applikazzjoni ta' din l-għajnuna għandha tiġi estiża sas-sena tas-suq 2007/2008.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1637/2000 jipprovdi għal żieda fil-livell ta' l-għajnuna għall-proċessar tal-ħjut twal tal-kittien mis-sena tas-suq 2006/2007 'il quddiem. Ġaladarba l-għajnuna għall-proċessar għall-ħjut qosra qed tinżamm sas-sena tas-suq 2007/2008, l-għajnuna għall-proċessar għall-ħjut twal tal-kittien għandha tiġi limitata għal-livell kurrenti sas-sena tas-suq 2007/2008.

    (4)

    Bil-għan li tiġi promossa l-produzzjoni ta' ħjut qosra tal-kittien u ta' ħjut tal-qanneb ta' kwalità għolja, l-għajnuna qed tingħata lil ħjut li fihom massimu ta' 7,5 % ta' impuritajiet u ta' twarrib. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dan il-limitu u jagħtu għajnuna għall-proċessar tal-ħjut qosra tal-kittien li tkun fihom perċentwali ta' impuritajiet u ta' twarrib bejn 7,5 % u 15 %, u għall-ħjut tal-qanneb li tkun fihom perċentwali ta' impuritajiet u ta' twarrib bejn 7,5 % u 25 %. Ġaladarba din il-possibbiltà hija miftuħa biss sas-sena tas-suq 2005/2006, jeħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jidderogaw minn dak il-limitu għal sentejn oħra tas-suq.

    (5)

    Sabiex jiġu żgurati livelli raġonevoli ta' produzzjoni f'kull Stat Membru, jeħtieġ li jiġi estiż il-perjodu li fih japplikaw il-kwantitajiet garantiti nazzjonali.

    (6)

    L-għajnuna addizzjonali ilha xi żmien tappoġġa l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni tradizzjonali tal-kittien f'ċerti reġjuni ta' l-Olanda, tal-Belġju u ta' Franza. Jeħtieġ li din l-għajnuna tranżizzjonali tiġi estiża sas-sena tas-suq 2007/2008, sabiex l-istrutturi ta' l-irziezet jibqgħu jitħallew jadattaw irwieħhom gradwalment għall-kundizzjonijiet il-ġodda tas-suq.

    (7)

    Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kmieni biżżejjed qabel il-bidu tas-sena tas-suq 2008/2009 sabiex jiġi studjat jekk is-sistema kurrenti teħtieġx li tiġi adattata jew għandhiex tinżamm fil-futur kif inhi.

    (8)

    L-Artikolu 52 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa (3) jipprovdi li biss il-qanneb imkabbar għall-ħjut ikun eliġibbli għall-iskema ta' pagament uniku stabbilita taħt it-Titolu III ta' dak ir-Regolament. Huwa kunsiljabbli li jsir eliġibbli wkoll it-tkabbir tal-qanneb għal użi industrijali oħra.

    (9)

    B'kont meħud ta' l-amministrazzjoni annwali ta' pagamenti diretti, huwa kunsiljabbli li l-modifiki lill-kondizzjonijiet ta' eliġġibbiltà ta' l-iskema ta' pagament uniku japplikaw mill-1 ta' Jannar 2007.

    (10)

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 1673/2000 u (KE) Nru 1782/2003 għandhom jiġu emendati kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1673/2000 huwa b'dan emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “3.   L-ammont ta' l-għajnuna għall-proċessar fuq kull tunnellata metrika ta' ħjut għandu jiġi stabbilit kie ġej:

    (a)

    għall-ħjut it-twal tal-kittien:

    EUR 100 għas-sena tas-suq 2001/2002,

    EUR 160 għas-snin tas-suq 2002/2003 sa 2007/2008,

    EUR 200 mis-sena tas-suq 2008/2009 'il quddiem;

    (b)

    għall-ħjut il-qosra tal-kittien u għall-ħjut tal-qanneb li jkunu fihom mhux aktar minn 7,5 % ta' impuritajiet u ta' twarrib: EUR 90 għas-snin tas-suq 2001/2002 sa 2007/2008.

    Madankollu, għas-snin tas-suq 2001/2002 sa 2007/2008, l-Istat Membru jista', b'referenza għall-postijiet tal-bejgħ tradizzjonali, jiddeċiedi wkoll li jagħti għajnuna:

    għall-ħjut il-qosra tal-kittien li tkun fihom perċentwali ta' impuritajiet u ta' twarrib bejn 7,5 % u 15 %,

    għall-ħjut tal-qanneb li tkun fihom perċentwali ta' impuritajiet u ta' twarrib bejn 7,5 % u 25 %.

    Fil-każijiet previsti fit-tieni subparagrafu, l-Istat Membru għandu jagħti l-għajnuna fir-rigward ta' kwantità li ma taqbiżx dik prodotta, fuq il-bażi ta' 7,5 % ta' impuritajiet u ta' twarrib.”.

    (2)

    Fl-Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Il-kwantitajiet nazzjonali garantiti għall-ħjut il-qosra tal-kittien u għall-ħjut tal-qanneb ma għandhomx jibqgħu japplikaw mis-sena tas-suq 2008/2009.”.

    (3)

    Fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4, “2005/2006” għandha tinbidel b'“2007/2008”.

    (4)

    L-Artikolu 12 għandu jitħassar.

    (5)

    Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 15:

    “3.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jekk meħtieġ akkumpanjat bi proposti, kmieni biżżejjed sabiex il-miżuri proposti jkunu jistgħu jiġu implimentati matul is-sena tas-suq 2008/2009.

    Ir-rapport għandu jinkludi stima ta' l-impatt ta' l-għajnuna għall-proċessar fuq il-produtturi, fuq l-industrija tal-proċessar u s-suq tal-ħjut tessili. Għandu jeżamina l-possibbiltà li jiġu estiżi lil hinn mis-sena tas-suq 2007/2008 l-għajnuna għall-proċessar għall-ħjut qosra tal-kittien u għall-ħjut tal-qanneb u l-għajnuna addizzjonali, kif ukoll il-possibbiltà li din l-iskema ta' għajnuna tiġi integrata fil-qafas ġenerali ta' appoġġ għall-bdiewa taħt il-politika agrikola komuni stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1782/2003.”.

    Artikolu 2

    L-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 52

    Produzzjoni tal-qanneb

    1.   Fil-każ ta' produzzjoni tal-qanneb, il-varjetajiet użati għandu jkollhom kontenut ta' ‘tetrahydrocannabinol’ li ma jaqbiżx 0,2 %. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema għall-verifika tal-kontenut ta' ‘tetrahydrocannabinol’ fil-prodotti mkabbra f'mill-inqas 30 % taż-żoni kultivati bil-qanneb. Madankollu, jekk Stat Membru jintroduċi sistema ta' approvazzjoni minn qabel għal tali kultivazzjoni, il-minimu għandu jkun 20 %.

    2.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2), l-għoti ta' pagamenti għandu jkun magħmul suġġett għall-użu ta' żrieragħ ċertifikati ta' ċerti varjetajiet.”.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibda japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ, ħlief l-Artikolu 2 li għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2007.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, nhar id-19 ta' Ġunju 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. PRÖLL


    (1)  Għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  ĠU L 193, 29.7.2000, p. 16. Regolament kif emendat l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2005.

    (3)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 319/2006 (ĠU L 58, 28.2.2006, p. 32).


    Top