Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R2230

    Regolament tal-kummissjoni (KE) Nru 2230/2004 tat- 23 ta' Diċembru 2004 li jindika termini ta’ applikazzjoni tar-Regolament 178/2002 f’dak li għandu x’jaqsam max-xibka ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-oqsma li jiddependu mill-missjoni ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 379, 24.12.2004, p. 64–67 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 183M, 5.7.2006, p. 450–453 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/2230/oj

    5.7.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

    450


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2230/2004

    tat-23 ta' Diċembru 2004

    li jindika termini ta’ applikazzjoni tar-Regolament 178/2002 f’dak li għandu x’jaqsam max-xibka ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-oqsma li jiddependu mill-missjoni ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-trattat li waqqaf il-Kommunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji u l-preskrizzjonijiet ġenerali tal-leġislazzjoni dwar l-ikel, li jwaqqaf l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel u li jiffissa proċeduri relatati mas-sigurtà fil-prodotti ta’ l-ikel (1), u l-aktar l-Artikolu 36(3) tiegħu,

    Wara li kkonsultat l-Awtorità Ewropeja tas-sigurtà fl-ikel,

    Billi:

    (1)

    Il-ħidma b’xibka ta’ komunikazzjoni bejn l-Awtorità Ewropeja għas-Sigurtà fl-Ikel (minn issa ’l quddiem imsejħa “l-Awtorità”) u l-organizzazzjonijiet ta’ l-Istati Membri li jaħdmu fl-oqsma li jiddependu mill-missjoni ta’ l-Awtorità, hi wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-funzjonament ta’ din ta’ l-aħħar. It-twettiq ta’ dan il-prinċipju ta’ ħidma hekk kif inhu previst fl-Artikolu 36(1) u (2), tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, għandu jkun ippreċiżat sabiex tkun żgurata l-effikaċità tiegħu.

    (2)

    Ċerti organizzazzjonijiet ta’ l-Istati Membri jwettqu fuq livell nazzjonali xogħlijiet bħal dawk ta’ l-Awtorità. Il-ħidma b’xibka ta’ komunikazzjoni għandha tkun mezz biex tippromwovi qafas ta’ koperazzjoni xjentifika li tippermetti li tinqasam l-informazzjoni u t-tagħrif, li xogħlijiet kollettivi jkunu identifikati u li jsir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi u ta’ l-esperti. Hu wkoll importanti li jkun imħaffef dak kollu li hemm fuq id-databases miġbura minn dawn l-organizzazzjonijiet f`dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà fil-prodotti ta’ l-ikel u fl-għalf għall-annimali.

    (3)

    Meta tikkonsidra l-fatt li dawn l-organizzazzjonijiet għandhom il-missjoni li jiġu fdati b’xi xogħlijiet li jistgħu jgħinu lill-Awtorità fil-missjonijiet ta’ interess ġenerali hekk kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002. hu essenzjali li dawn ikunu appuntati mill-Istati Membri fuq bażi ta’ kriterji ta’ kompetenza xjentifika u teknika, effikaċità u indipendenza.

    (4)

    Jeħtieġ li l-Istati Membri juru rispett lejn il-kriterji mitluba mill-Awtorità b’mod li dan iwassal sabiex jiġu reġistrati l-organizzazzjonijiet kompetenti fuq il-lista stabbilita mill-Kunsill ta’ l-Amministrazzjoni ta’ l-Awtorità.

    (5)

    Jeħtieġ ukoll li l-Istati membri jippreċiżaw l-oqsma ta’ kompetenza speċifiċi ta’ l-organizzazzjonijiet kompetenti appuntati sabiex iħeffu l-ħidma tax-xibka ta’ komunikazzjoni. B`hekk, skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (2), meta l-Awtorità toħroġ xi punti ta’ informazzjoni dwar dak li għandu x’jaqsam ma’ talba ta’ awtorizzazzjoni għall-prodotti ta’ l-ikel ġenetikament modifikati jew ta’ xi għalf għall-bhejjem ġenetikament modifikat, hi tista’ titlob lill-organizzazzjoni ta’ xi Stat Membru li tkun kompetenti fil-qasam ta’ evalwazzjoni tal-prodotti ta’ l-ikel jew ta’ l-għalf għall-bhejjem sabiex tipproċedi għall-evalwazzjoni tas-sigurtà tal-prodott ta’ l-ikel jew ta’ l-għalf għall-bhejjem konformi ma’ l-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

    (6)

    Huwa importanti li, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 27 paragrafu 4 c) tar-Regolament (KE) Nru 78/2002, il-Forum Konsultattiv jista’ jiżgura l-kooperazzjoni fil-qrib bejn l-Awtorità u l-organizzazzjonijiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, fil-promozzjoni tal-ħidma fin-networks Ewropej ta’ l-organiżmi li jaħdmu fl-oqsma rilevanti tal-missjoni ta’ l-Awtorità

    (7)

    Il-funzjonijiet fdati mill-Awtorità lill-organizzazzjonijiet kompetenti li jidhru fuq il-lista għandhom jimmiraw li jipprovdu għajnuna lill-Awtorità fil-missjoni tagħha li tagħti appoġġ xjentifiku u tekniku lill-politika u lil-leġislazzjoni komunitarja mingħajr ħsara għar-resposabbilità vestita fl-Awtorità biex twettaq il-funzjonijiet li hija inkarigata bihom b’applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

    (8)

    It-tqassim ta’ għajnuna finanzjarja għandha ssir fuq bażi ta’ kriterji waqt li tiżgura li l-għajnuna tikkontribwixxi b’mod effikaċi u effettiv għat-twettiq tax-xogħlijiet ta’ l-Awtorità kif ukoll sabiex iseħħu l-prijoritajiet komunitarji f`dak li għandu x’jaqsam ma’ sostenn xjentifiku u tekniku fl-oqsma konċernati.

    (9)

    Hu importanti li jkun garantit b’mod ġenerali li x-xogħlijiet fdati mill-Awtorità lill-organizzazzjonijiet membri tax-xibka ta’ komunikazzjoni jitwettqu b’livell għoli ta’ kwalità xjentifika u teknika, b’mod effikaċi, inkluż fejn jidħol dewmien fuq żmien miftiehem u b’mod indipendenti. Madankollu l-Awtorità tibqa’ responsabbli għat-tqassim tax-xogħlijiet lill-organizzazzjonijet kompetenti kif ukoll għal dak li jirriżulta minn dawn ix-xogħlijiet.

    (10)

    Il-miżuri kif previsti minn dan ir-Regolament attwali huma konformi mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina ta’ l-Ikel u tas-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Organizzazzjonijiet kompetenti appuntati mill-Istati Membri

    1.   L-organizzazzjonijiet kompetenti appuntati mill-Istati Membri bis-saħħa ta’ l-Artikolu 36(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 għandhom jikkorrispondu għal dawn il-kriterji li ġejjin:

    a)

    fl-oqsma li jiddependu mill-missjoni ta’ l-Awtorità Ewropea tas-sigurtà fl-ikel (minn issa ’l quddiem imsejħa “l-Awtorità”), b`mod partikolari dawk li jkollhom impatt dirett jew indirett fuq is-sigurtà tal-prodotti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf għall-bhejjem, dawn għandhom jesegwixxu xogħlijiet ta’ għajnuna xjentifika u teknika, l-aktar ġbir u analiżi ta’ informazzjoni marbuta ma’ l-identifikazzjoni tar-riskji u ma’ l-esposizzjoni għar-riskji, evalwazzjoni tar-riskji, evalwazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti ta’ l-ikel jew ta’ l-għalf għall-bhejjem studji xjentifiċi jew tekniċi, għajnuna xjentifika jew teknika lil min lest jidħol għar-riskji;

    b)

    ikunu intrapriżi li jfittxu l-għanijiet ta’ interess ġenerali; fil-qafas ta’ l-organizzazzjoni tagħhom, dawn ikollhom proċeduri u regoli speċifiċi li jiżguraw li x-xogħlijiet li jistgħu jkunu fdati lilhom mill-Awtorità jitwettqu b’mod indipendenti u b’integrità;

    c)

    ikollhom livell għoli ta’ nies esperti min-naħa xjentifika u teknika f`wieħed jew f’bosta oqsma li jiddependu mill-missjoni ta’ l-Awtorità, b’mod partikolari dawk li jkollhom impatt dirett jew indirett fuq is-sigurtà tal-prodotti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf għall-bhejjem;

    d)

    għandhom il-ħila li jaħdmu f’network fuq azzjonijiet ta’ karattru xjentifiku ta’ natura xjentifika bħal dawk previsti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u/jew il-ħila li jesegwixxu b’mod effikaċi, it-tipi ta’ funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jiġu fdati lilhom mill-Awtorità.

    2.   L-Istati Membri jibagħtu lill-Awtorità, b’kopja lill-Kummissjoni, l-ismijiet u r-referenzi ta’ l-organizzazzjonijiet appuntati, l-elementi li jiġġustifikaw li dawn l-organizzazzjonijiet huma konformi mal-kriterji msemmija f’paragrafu 1 kif ukoll l-indikazzjoni ta’ l-oqsma speċifiċi ta’ kompetenza tagħhom. B’mod partikulari għall-fini ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6, paragrafu 3, punt b), u ta’ l-Artikolu 18, paragrafu 3, punt b) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-Istati Membri jibagħtu l-ismijiet u r-referenzi ta’ l-organizzazzjonijiet kompetenti fejn tidħol evalwazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf għall-bhejjem li jkunu ġenetikament modifikati.

    Meta l-organizzazzjoni appuntata taħdem fil-qasam tax-xibka ta’ komunikazzjoni, dan għandu jkun imsemmi u l-kundizzjonijiet ta’ ħidma f’xibka ta’ komunikazzjoni għandhom ikunu ppreċiżati.

    Fil-każ li tkun parti partikolari ta’ l-organizzazzjoni indikata li għandha l-kwalità u l-kapaċità biex taħdem f’network fuq azzjonijiet xjentifiċi u/jew twettaq il-funzjonijiet li jistgħu jiġu fdati lilha mill-Awtorità, dan il-punt għandu jiġi preċiżat mill-Istati Membri

    3.   Meta xi organizzazzjonijiet appuntati ma jissodisfawx iktar il-kriterji msemmija f`paragrafu 1, l-Istati Membri jipproċedu biex jirtiraw in-nomina tagħhom, u jinfurmaw malajr lill-Awtorità dwar dan, b’kopja lill-Kummissjoni, waqt li jgħarrfuha bl-elementi li jiġġustifikaw dan.

    L-Istati Membri jirrevedu regolarment u mill-inqas kull tliet (3) snin il-lista ta’ l-organizzazzjonijiet li huma jkunu appuntaw.

    Artikolu 2

    Ħolqien tal-lista ta’ l-organizzazzjonijiet kompetenti

    1.   L-Awtorità tiżgura li l-organizzazzjonijet appuntati mill-Istati Membri jikkorrispondu mal-kriterji msemmija fl-ewwel Artikolu, paragrafu 1. Jekk tinħass il-ħtieġa, l-Istati Membri huma mitluba, fuq talba bil-miktub, li jlestu l-elementi ta’ ġustifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2).

    2.   Il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni ta’ l-Awtorità, fuq proposta tad-direttur eżekuttiv, joħloq il-lista ta’ l-organizzazzjonijiet kompetenti b’indikazzjoni ta’ l-oqsma speċifiċi ta’ kompetenza tagħhom, l-aktar fejn tidħol evalwazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf għall-bhejjem li jkunu ġenetikament modifikati, fuq bażi ta’ l-eżami msemmi f`paragrafu 1.

    3.   Il-lista prevista f`paragrafu 2, (hawn taħt imsemmija “il-lista”) hija pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, serje C.

    4.   Il-lista tkun aġġornata regolarment, fuq proposta tad-direttur eżekuttiv ta’ l-Awtorità, waqt li tikkonsidra r-reviżjonijiet jew il-proposti ġodda ta’ nominazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri.

    Artikolu 3

    Tħaddim b’xibka ta’ komunikazzjoni bejn l-Awtorità u l-organizzazzjonijiet li jidhru fuq il-lista

    1.   L-Awtorità tiffavorixxi t-tħaddim b’xibka ta’ komunikazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet li jidhru fuq il-lista, b’mod u manjiera li tippromwovi koperazzjoni xjentifika u attiva fl-oqsma li jiddependu mill-missjoni ta’ l-Awtorità, l-aktar dawk li għandhom impatt dirett jew indirett fuq is-sigurtà tal-prodotti ta’ l-ikel jew ta’ l-għalf għall-bhejjem.

    Għal dan l-iskop, l-Awtorità, fuq il-bażi tax-xogħol li sar fil-qafas tal-forum konsultattiv tagħha, għandha tidentifika l-azzjonijiet ta’ karattru xjentifiku ta’ interess komuni li jistgħu jiġu mwettqa fil-qafas ta’ network. Ix-xogħol imwettaq fil-qafas tal-forum konsultattiv għandu jieħu kont tal-proponimenti ta’ l-organizzazzjonijiet li jidhru fuq il-lista.

    Konformi ma’ l-Artikolu 27(4)(c), tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-forum konsultattiv jagħti sehmu fit-tħaddim b’xibka ta’ komunikazzjoni.

    2.   Il-Kummissjoni u l-Awtorità jikkoperaw sabiex jevitaw duplikazzjonijiet fix-xogħlijiet xjentifiċi u tekniċi li jeżistu fuq livell komunitarju.

    Artikolu 4

    Xogħlijiet li jistgħu jkunu fdati lill-organizzazzjonjiet li jidhru fuq il-lista

    1.   Bla preġudizzju għat-twettiq tal-missjoni u tax-xogħlijiet li jaqgħu fuq ir-responsabbiltà tagħha bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-Awtorità tista’ tafda, bil-qbil tagħhom, lil organizzazzjoni waħda jew aktar li jidhru fuq il-lista b’xogħlijiet li għandhom il-għan li jagħtuha kontribuzzjoni xjentifika u teknika.

    2.   Il-forum konsultattiv għandu jieħu ħsieb li jaċċerta adegwatezza ġenerali tajba bejn it-talbiet għal kontribuzzjoni lill-Awtorità għall-organizzazzjonijiet li jidhru fuq il-lista u l-possibilitajiet li għandhom l-organizzazzjonijiet biex jirrispondu favorevolment. Għal dan l-iskop, id-direttur eżekuttiv għandu jqiegħed l-informazzjoni kollha meħtieġa għad-dispożizzjoni tal-forum konsultattiv.

    3.   Ix-xogħlijiet li jistgħu jkunu fdati lill-organizzazzjonijiet li jidhru fuq il-lista kemm jekk jaħdmu wieħed jew bosta flimkien huma dawk li:

    jħallu li jinxterdu prattiċi tajbin u li jtejbu l-metodoloġiji fejn jidħol ġbir u analiżi ta’ informazzjoni xjentifika u teknika, l-aktar sabiex jitħaffef it-tqabbil bejniethom u b’hekk tkun tista’ ssir is-sintesi tagħhom fuq livell komunitarju;

    jimmiraw li jiġbru u janalizzaw informazzjoni speċifika, li tikkorrispondi ma’ prijorità ġenerali, l-aktar il-prijoritajiet komunitarji mniżżla fil-programmi ta’ xogħol ta’ l-Awtorità u l-każijiet fejn l-għajnuna xjentifika ta’ l-Awtorità tkun mitluba mill-Kummissjoni b’mod urġenti, l-aktar fil-qafas tal-pjan ġenerali ta’ l-immaniġġjar tal-kriżijiet previst fl-Artikolu 55 tar-Regolament 178/2002 imsemmi hawn fuq;

    jimmiraw li jiġbru u janalizzaw informazzjoni li tippermetti li tħeffef l-evalwazzjoni tar-riskji mill-Awtorità, li tinkludi l-funzjonijiet ta’ evalwazzjoni fil-qasam ta’ nutriment tal-bniedem relatati mal-leġislazzjoni komunitarja, l-aktar il-ġbir u/jew it-trattament ta’ l-informazzjoni xjentifika disponibbli fuq kull sustanza, trattament, prodott ta’ l-ikel jew għalf għall-annimali, preparazzjoni, organiżmu jew kontaminant li jistgħu jkollhom xi rabta ma’ xi riskju għas-saħħa kif ukoll il-ġbir u/jew l-analiżi ta’ informazzjoni dwar kemm xi popolazzjonijiet ta’ l-Istati Membri huma esposti għal xi riskju għas-saħħa li hu marbut mal-prodotti ta’ l-ikel jew ma’ l-għalf għall-annimali;

    jimmiraw li jagħtu informazzjoni jew joffru xogħlijiet xjentifiċi li jagħtu sehemhom fil-ħidma ta’ evalwazzjoni tar-riskji, li tinkludi l-funzjonijiet ta’ evalwazzjoni fil-qasam ta’ nutriment tal-bniedem relatati mal-legislazzjoni komunitarja, li hi responsabbli għaliha l-Awtorità; din ix-xorta ta’ ħidma għandha tikkorrispondi ma’ problemi preċiżi li jkunu identifikati waqt ix-xogħlijiet ta’ l-Awtorità, b’mod speċjali dawk tal-Kumitati tagħha u tal-gruppi xjentifiċi permanenti, u ma tagħmilx xogħol doppju kemm mal-pjanijiet ta’ riċerka komunitarja kif ukoll mal-ġbir ta’ informazzjoni jew xogħlijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ l-industrija biex tipprovdihom, l-aktar fil-qafas ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni;

    jimmiraw li jwettqu xogħlijiet preparatorji fuq l-opinjonijiet xjentifiċi ta’ l-Awtorità, li jinkludu xogħlijiet preparatorji relativi għall-evalwazzjoni ta’ l-inkartamenti ta’ l-awtorizzazzjoni;

    jimmiraw li jwettqu xogħlijiet preparatorji għall-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji fil-qasam ta’ l-evalwazzjoni tar-riskji;

    jimmiraw li jaqsmu l-informazzjoni ta’ interess ġenerali, bħal ma hu t-twaqqif ta’ databases;

    dawk previsti fl-Artikoli 6 u 18(3)(b) tar-Regolament Nru 1829/2003 imsemmi aktar ’l fuq.

    Artikolu 5

    Għajnuna finanzjarja

    1.   L-Awtorità tista’ tiddeċiedi li tagħti xi għajnuna finanzjarja għax-xogħlijiet fdati lill-organizzazzjonijiet li jidhru fuq il-lista, meta dawn juru interess partikulari li jgħinu fit-twettiq tax-xogħlijiet ta’ l-Awtorità jew fis-seħħ tal-prijoritajiet imsemmija fil-programmi tagħha ta’ xogħol jew fil-każijiet fejn l-għajnuna ta’ l-Awtorità tkun mitluba b’mod urġenti mill-Kummissjoni, b’mod speċjali biex tkun tista’ tħabbat wiċċha ma’ xi sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

    2.   L-għajnuna finanzjarja tieħu forma ta’ għotjiet ta’ sussidji stabbiliti u mogħtija konformi mar-Regolament finanzjarju ta’ l-Awtorità u mar-regoli ta’ applikazzjoni tiegħu.

    Artikolu 6

    Kriterji ta’ kwalità miftehma u kundizzjonijiet ta’ twettiq

    1.   Wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, l-Awtorità tiddetermina xi kriterji ta’ kwalità li sar qbil dwarhom għat-twettiq tax-xogħlijiet li hi tafda lill-organizzazzjonijiet li jidhru fuq il-lista u l-aktar:

    a)

    kriterji tajbin sabiex ikun żgurat it-twettiq tax-xogħlijiet b’livell għoli ta’ kwalità xjentifika u teknika, l-aktar f`dak li għandu x’jaqsam mal-kwalifiki xjentifiċi u/jew tekniċi tal-persunal li jkun appuntat għax-xogħlijiet;

    b)

    kriterji relatati mar-riżorsi u l-mezzi li jistgħu jkunu msemmija għat-twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet, l-aktar dawk li jwasslu li xi biċċa tax-xogħol tkun imwettqa fi żmien miftiehem minn qabel;

    c)

    kriterji marbuta ma’ l-eżistenza ta’ regoli u proċeduri li jiżguraw li xi kategorija ta’ xogħlijiet partikulari, jkunu ser isiru b’mod indipendenti u b’integrità, u b’rispett tal-kunfidenzjalità.

    2.   Il-kundizzjonijiet preċiżi ta’ twettiq tax-xogħlijiet fdati lill-organizzazzjonijiet li jidhru fuq il-lista huma mniżżla fl-arranġamenti speċifiċi mgħoddija bejn l-Awtorità u bejn kull waħda mill-organizzazzjonijiet konċernati.

    Artikolu 7

    Kontroll tat-twettiq tax-xogħlijiet

    L-Awtorità tara li jsir twettiq tajjeb tax-xogħlijiet li hi tafda lill-organizzazzjonijiet li jidhru fuq il-lista. Hi tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-kriterji u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 jkunu rispettati. F`każ fejn dawn l-imsemmija kriterji u kundizzjonijiet ma jkunux rispettati, l-Awtorità tapplika xi miżuri korrettivi. Jekk ikun hemm bżonn, hi tista’ tipproċedi biex tbiddel l-organizzazzjoni.

    Fil-każ ta’ xogħlijiet li jaqgħu taħt sussidji, jiġu applikati l-pieni previsti mir-Regolament finanzjarju ta’ l-Awtorità u mir-regoli ta’ applikazzjoni tiegħu.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fi […] jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament f`kull Stat Membru.

    Magħmul fi Brussel, nhar it-23 ta' Diċcembru 2004.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 31 ta’ l-1.2.2002, p. 1 Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru 1642/2003 (ĠU L 245 tad- 29.9.2003, p. 4)

    (2)  ĠU L 268, tat-18.10.2003, p. 1.


    Top