Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0461

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 tat-8 ta' Marzu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea u r-Regolament (KE) Nru 2026/97 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet ta' oġġetti sussidjati minn pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea

    ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12–20 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/01/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/461/oj

    32004R0461



    Official Journal L 077 , 13/03/2004 P. 0012 - 0020


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004

    tat-8 ta' Marzu 2004

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea u r-Regolament (KE) Nru 2026/97 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet ta' oġġetti sussidjati minn pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Billi:

    (1) Bir-Regolament (KE) Nru 384/96 [1] (ir-Regolament Bażilku kontra d-dumping) u r-Regolament (KE) Nru 2026/97 [2] (ir-Regolament Bażiku kontra s-sussidju) il-Kunsill adotta regoli komuni għall-protezzjoni kontra importazzjoni li hi l-oġġett ta' dumping u, rispettivament, importazzjonijiet ta' oġġetti sussidjati minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunitajiet Ewropej (ir-Regolament Bażiku kontra d-dumping u r-Regolament Bażiku kontra s-sussidju huma hawnhekk iżjed 'il quddiem flimkien imsejħa ir-Regolamenti Bażiċi).

    (2) Ir-Regolamenti Bażiċi jippreskrivu, għall-imposizzjoni ta' miżuri definittivi kontra d-dumping u dwar taxxi kompensatorji, proċedura li taħtha il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi fuq proposta mill-Kummissjoni, jimponi miżuri definittivi.

    (3) Fid-dawl ta' l-esperjenza reċenti ta' l-applikazzjoni tar-Regolamenti Bażiċi u biex tiġi preservata t-trasparenza u l-effikaċja ta' l-istrumenti għad-difiża tan-negozju, hu meqjus neċessarju li wieħed jerġa' jara kif l-istituzzjonijiet Komunitarji jaħdmu flimkien fil-proċess ta' l-imposizzjoni ta' miżuri definittivi kontra d-dumping u dwar taxxi kompensatorji.

    (4) Taħt l-approċċ preżenti, proposta mill-Kummissjoni tiġi adottata biss jekk maġġoranza sempliċi ta' l-Istati Membri tivvota favur dik il-proposta. Dan għandu l-effett li astensjonijiet effettivament jgħoddu kontra l-proposta tal-Kummissjoni. Dan imbagħad jista' jirriżulta f'li proposta tal-Kummissjoni ma tiġix adottata minħabba fin-numru ta' astensjonijiet.

    (5) Biex din il-problema tiġi indirizzata b'mod effettiv, ir-Regolamenti Bażiċi għandhom jiġu emendati billi jeħtieġu maġġoranza sempliċi ta' l-Istati Membri fil-Kunsill biex tiġi rifjutata proposta tal-Kummissjoni biex jiġu imposti miżuri definittivi. Taħt din il-proċedura, il-miżuri jiġu adottati mill-Kunsill kemm-il darba il-Kunsill ma jiddeċidix b'maġġoranza sempliċi li jirrifjuta l-proposta, fi żmien xahar wara s-sottomissjoni tal-proposta mill-Kummissjoni.

    (6) Hu spedjenti li tiġi applikata din il-proċedura biex jiġi faċilitat il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Komunità mingħajr ma jinbidlu r-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fl-applikazzjoni tar-Regolamenti Bażiċi, u mingħajr ma jimplikaw xi tibdil fil-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'oqsma oħra tal-politika kummerċjali komuni jew setturi oħra.

    (7) Għar-raġunijiet ta' l-applikazzjoni konsistenti tal-proċeduri dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet taħt ir-Regolamenti Bażiċi, għandhom ukoll jiġu allinjati l-proċeduri għal deċiżjonijiet oħra mill-Kunsill taħt ir-Regolamenti Bażiċi li essenzalment jippreskrivu l-istess proċedura għall-imposizzjoni ta' miżuri definittivi. Għalhekk, l-approċċ fuq imsemmi għandu jiġi adottat ukoll għall-proċeduri rigward ir-reviżjoni, l-investigazzjoni mill-ġdid, il-ħelsien mir-restrizzjonijiet u s-sospensjoni tal-miżuri.

    (8) Ir-Regolament Bażiku kontra d-dumping jistabbilixxi limiti ta' żmien obbligatorji għat-temm tal-proċeduri ta' investigazzjoni mibdija skond l-Artikolu 5(9) tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping filwaqt li investigazzjonijiet ta' reviżjoni, mibdija skond l-Artikolu 11(2), (3) u (4) u investigazzjonijiet mill-ġdid skond l-Artikolu 12 tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping, huma soġġetti għal limitu ta' żmien indikattiv biss.

    (9) Miżuri kontra d-dumping jibgħu fis-seħħ sakemm ikun hemm ir-riżultat tar-reviżjoni skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping. Konsegwentement, investigazzjonijiet ta' reviżjoni li jieħdu t-tul b'mod mhux normali skond dak l-Artikolu jistgħu inaqqsu miċ-ċertezza legali u jikkawżaw effetti negattivi għall-partijiet interessati. Effetti simili mhux mixtieaqa jistgħu jirriżultaw minn investigazzjonijiet fit-tul bla bżonn fil-kuntest ta' reviżjonijiet skond l-Artikoli 11(3) u (4) u investigazzjoninijiet mill-ġdid skond l-Artikolu 12 tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping.

    (10) Hu għalhekk xieraq li jiġu introdotti limiti ta' żmien obbligatorji ukoll għat-temm u ta' investigazzjonijiet ta' reviżjoni skond l-Artikoli 11(2), (3) u (4) u investigazzjonijiet mill-ġdid skond l-Artikolu 12 tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping.

    (11) Id-diversi tipi ta' investigazzjonijiet ta' reviżjoni għandhom skopijiet potenzali u gradi ta' kumplessità differenti. Dawn id-differenzi għandhom jitqiesu meta jiġu ffissati limiti ta' żmien xierqa għat-temm ta' l-investigazzjonijiet.

    (12) L-ewwel, reviżjonijiet skond l-Artikoli 11(2) u (3) tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping jistgħu, f'ċerti ċirkostanzi, joħolqu l-istess kumplessità bħal proċeduri ġodda skond l-Artikolu 5(9), per eżempju rigward l-iskop ta' l-investigazzjoni jew l-għadd ta' partijiet interessati. Konsegwentement, waqt li dawn l-investigazzjonijiet ta' reviżjoni għandhom normalment jintemmu fil-limitu ta' żmien eżistenti indikattiv ta' 12-il xahar, il-limitu ta' żmien obbligatorju għat-temm għandu jkun l-istess bħal, iżda mhux itwal minn, il-perjodu ta' 15-il xahar għat-temm ta' proċedimenti ġodda.

    (13) It-tieni, reviżjonijiet skond l-Artikolu 11(4) u investigazzjonijiet mill-ġdid skond l-Artikolu 12 tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping skond l-Artikolu 12 tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping joħolqu grad ta' kumplessità iżgħar minn reviżjonijiet skond l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping. Għalhekk il-limitu ta' żmien għat-temm ta' dawn ir-reviżjonijiet għantu jkun iqsar. Għal investigazzjonijiet ta' reviżjoni skond l-Artikolu 11(4), hu kkunsidrat li l-limitu ta' żmien għat-temm għandu jiġi ffissat għal disa' xhur. Dan il-limitu hu konformi mal-perjodu massimu permess għar-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet taħt l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping. Billi importazzjonijiet huma reġistrati sakemm tintemm reviżjoni skond l-Artikolu 11(4), il-limitu ta' żmien għat-temm ta' reviżjoni bħal dik ma għandux ikun itwal mill-perjodu ta' żmien li fih l-importazzjonijiet li huma l-oġġett tar-reviżjoni jistgħu jkunu suġġetti għar-reġistrazzjoni.

    (14) It-tielet, waqt li normalment investigazzjonijiet mill-ġdid skond l-Artikolu 12 għandhom jintemmu fil-limitu ta' żmien indikattiv eżistenti ta' sitt xhur, hu kkunsidrat xieraq li jiġi ffissat limitu ta' żmien obbligatorju ta' disa' xhur, billi perjodu itwal lista' jkun neċessarju biex tintemm investigazzjoni jekk għandhom jiġu kkunsidrati valuri normali ta' reviżjoni. B'żieda ma' dan, importazzjonijiet li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-ġdid skond l-Artikolu 12 jistgħu, bħal importazzjonijiet soġġetti għal reviżjonijiet taħt il-11(4), ukoll ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5). Konsegwentement, l-istess limitu ta' żmien massimu ta' disa' xhur għal reġistrazzjoni għandu jgħodd għal investigazzjonijiet mill-ġdid skond l-Artikolu 12.

    (15) Il-premessi 8 sa 14 jgħoddu, mutatis mutandis, għal reviżjonijiet taħt l-Artikolu 18, 19 u 20 tar-Regolament Bażiku kontra s-sussidju.

    (16) Hu kkunsidrat prudenti li jsir provvediment għall-introduzzjoni gradwali ta' limiti ta' żmien għar-reviżjonijiet, in vista tal-pressjoni li tirriżulta fuq ir-riżorsi umani biex jiġu osservati dawn il-limiti ta' żmien. Intoduzzjoni gradwali bħal din tiffaċilita l-allokazzjoni xierqa ta' riżorsi fuq medda ta' żmien.

    (17) L-informazzjoni li tingħata lill-Istati Membri fil-Kumitat Konsultattiv hi ħafna drabi ta' natura teknika ferm u tinvolvi analisi ekonomika u legali elaborata. Biex tagħti biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jikkunsidraw din l-informazzjoni, għandha tintbagħat għall-inqas 10 ijiem qabel id-data tal-laqgħa ffissata mill-President tal-Kumitat Konsultattiv.

    (18) L-Artikolu 8(9) tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping jistipula, inter alia, li fil-każ ta' l-irtitar ta' garanziji minn xi parti, għandu jiġi impost dritt definittiv skond l-artikolu 9 fuq il-bażi tal-fatti stabbiliti fil-kuntest ta' l-investigazzjoni li wasslet għall-garanziji. Din id-disposizzjonijiet ħolqot proċeduri doppji li jtellfu l-ħin, li jikkonsistu kemm f'Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-aċċettazzjoni tal-garanzija u Regolament tal-Kunsill li jerġa' jimponi dak id-dritt. Meta wieħed iqis li din id-disposizzjoni ma tħalli l-ebda diskrezzjoni lill-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' dritt li għandu jiġi impost wara l-ksur jew l-irtirar ta' garanzija jew dwar il-livell tahħha, hu kkunsidrat xieraq li jiġu mmodifikati l-Artikoli 8(1), (5) u (9) biex tiġi ċċarata r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u biex tippermett li l-irtirar ta' garanzija u l-applikazzjoni tad-dritt jsiru b'att legali wieħed. Hu neċessarju ukoll li jiġI żgurat li l-proċedura ta' l-irtirar tintemm f'limitu ta' żmien normalment ta' sitt xhur u f'ebda każar minn disa' xhur sabiex jiġi żgurat l-infurzar xieraq tal-miżura fis-seħħ.

    (19) Il-premessa 18 tgħodd, mutatis mutandis, għal garanziji taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament Bażiku kontra s-sussidju.

    (20) L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping jistipula li l-investigazzjonijiet mill-ġdid skond dak l-Artikolu jinbdew abbażi ta' xiedha sottomessa mill-industrija Komunitarja. Partijiet interessati oħra jistgħu bl-istess mod ikollhom interess f'dawl l-investigazzjonijiet mill-ġdid li jkunu jimmirraw biex jikkoreġu l-effetti ta' l-assorbiment tad-dazju mill-esportatur. Hu għalhekk neċessarju li dak l-Artikolu jiġi emendat sabiex titkabbar il-possibbiltà li xi parti oħra interessata tiġI mitluba tibda investigazzjonijiet ta' kontra l-assorbiment. Hu neċessarju ukoll, biex jiġi valutat jeżistix jew le assorbiment, li jiġi inkluż fin-nozzjoni tal-moviment tal-prezzijiet it-tnaqqis tal-prezzijiet ta' l-esportazzjoni ladarba din hi waħda mis-sitwazzjonijiet possibbli li fiha, bir-riduzzjoni tal-livell tal-prezz fis-suq Komunitarju, jista' jiġI fix-xejn l-effett tal-miżura ta' rimedju.

    (21) Il-premessa 20 tgħodd, mutatis mutandis, għall-Artikolu 19(3) tar-Regolament Bażiku kontra s-sussidju.

    (22) Barra minn dan, għandu jiġi ċċarat li ż-żieda fl-ammont tad-dazju għal importazzjoni li hi l-oġġett ta' dumping wara li tkun saret investigazzjoni mill-ġdid skond l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping għandha tkun limitata għall-ammont massimu li possibilment seta' ġie assorbit, li hu l-ammont ta' dazju fis-seħħ qabel dik l-investigazzjoni mill-ġdid.

    (23) Premess li l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping ma jsemmix espressament il-partijiet li għandhom id-dritt li jitolbu li jinbdew investigazzjonijiet kontra ħelsien mir-restrizzjonijiet, hu desiderabbli li jiġi ċċarat liema huma l-partijiet li għandhom dan id-dritt.

    (24) L-esperjenza tal-passat uriet li hu desiderabbli li jiġi ċċarat liema huma l-prattiċi li jikkostitwixxu ħelsien mir-restrizzjonijiet tal-miżuri fis-seħħ. Il-prattiċi ta' ħelsien mir-restrizzjonijiet jistgħu jitwettqu kemm ġewwa kif ukoll barra l-Komunità. Hu għalhekk neċessarju li jsir provvediment sabiex l-eżenzjonijiet mid-dazji estiżi li jistgħu diġà qed jingħataw lil importaturi taħt ir-Regolament Bażiku kontra d-dumping jistgħu ukoll jingħataw lil esportaturi meta d-dazji jkunu estiżi biex jindirizzaw ħelsien mir-restrizzjonijiet li jitwettaq barra l-Komunità.

    (25) Sabiex jiġi żgurat l-infurzar xieraq tal-miżuri, hu tajjeb li jiġu emendatu d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 19(6) tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping rigward l-użu ta' informazzjoni miġbura fil-kuntest ta' investigazzjoni għall-għan li tinbeda investigazzjoni oħra fl-istess proċediment.

    (26) Il-premessi 23 sa 25 ta' hawn fuq jgħoddu, mutatis mutandis, għall-Artikoli 23 u 29(6) tar-Regolament Bażiku kontra s-sussidju.

    (27) Biex jiġi żgurat infurzar aħjar tal-miżuri, hu neċessarju li jsir provvediment, fil-paragrafu ġdid ta' l-Artikolu 14 tar-Regolament Bażiku kontra d-dumping, għall-possibbiltà li l-Kummissjoni titlob li l-Istati Membri jissupplixxu, bla ħsara għall-osservanza tar-regoli dwar il-kunfidenzalità li jinsabu fir-Regolamenti Bażiċi, informazzjoni li tintuża għall-monitoraġġ ta' tal-garanziji fuq il-prezzijiet u biex jiġi verifikat il-livell ta' effettività tal-miżuri fis-seħħ. Għandhom jiġu introdotti disposizzjonijiet simili b'paragrafu ġdid fi ħdan l-Artikolu 24 tar-Regolament Bażiku kontra s-sussidju,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 384/96 huwa b'dan emendat kif ġej:

    1. L-Artikolu 8(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "1. Bil-kondizzjoni li tkun saret determinazzjoni provviżorja affermattiva ta' dumping u ta' ħsara, il-Kummissjoni tista' taċċetta offerti ta' garanziji volontarji sodisfaċenti sottomessi minn esportatur biex jirrevedi l-prezzijiet tiegħu jew biex iwaqqaf l-esportazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta' prezzijiet bid-dumping, jekk, wara konsultazzjoni speċifika mal-Kumitat Konsultattiv, tkun sodisfatta li b'hekk jiġi eliminat l-effett ta' ħsara li jġib miegħu d-dumping. F'każ bħal dan u sakemm jibqu jseħħu dawk il-garanziji, id-dażji provviżorji imposti mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7(1) jew id-dazji definittivi imposti mill-Kunsill skond l-Artikolu 9(4) kif ikun il-każ ma għandhomx jgħoddu għall-importazzjonijiet rilevanti tal-prodott in kwistjoni manifatturat mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta garanziji, kif sussegwentement emendata. Iż-żidiet fil-prezzijiet taħt dawn il-garanziji ma għandhomx ikunu ogħla milli jkun neċessarju biex jiġi eliminat il-marġni tad-dumping u għandhom ikunu anqas mill-marġni tad-dumping jekk dawk iż-żidiet ikunu adegwati għat-tneħħija tal-ħsara lill-industrija Komunitarja.";

    2. L-Artikolu 8(9) għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

    "9. Fil-każ ta' ksur jew irtirar ta' garanziji minn xi parti f'dawk il-garanziji, jew fil-każ ta' l-irtirar ta' l-aċċettazzjoni tal-garanzija mill-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni tal-garanzija tista', wara konsultazzjoni, tiġi rtirata b'Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew Regolament tal-Kummissjoni, kif ikun xieraq, u d-dazju provviżorju li jkun ġie impost mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7 jew id-dazji definittiv li jkun ġie impost mill-Kunsill skond l-Artikolu 9(4) għandu jgħodd awtomatikament, sakemm l-esportatur interessat ikun ingħata, ħlief fejn hu stess ikun irtira l-garanzija, opportunità biex jikkummenta.

    Kull parti interessata jew Stat Membru jistgħu jissottomettu informazzjoni li prima facie hi prova ta' ksur ta' garanzija. Il-valutazzjoni sussegwenti jekk ikunx sar ksur ta' garanzija normalment tintemm fi żmien sitt xhur, iżda f'ebda każ f'aktar minn disa' xhur wara talba debitament sostanzjata. Il-Kummissjoni tista' titlob l-assistenza ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-monitoraġġ fuq il-garanziji.";

    3. L-Artikolu 9(4) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "4. Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess Komunitarju jitlob li jkun hemm intervent skond l-Artikolu 21, dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kunsill, sakemm ma jiddeċidix b'maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xhar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. Fejn ikunu jseħħu dazji provviżorji, għandha tiġi sottomessa proposta għal azzjoni definittiva mhux aktar tard minn xhar qabel ma jiskadu dawn id-dazji. L-ammont tad-dazju ta' kontra d-dumping ma għandux ikun ogħla mill-marġni tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun anqas mill-marġni jekk dan id-dazju inqas ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija Komunitarja.";

    4. L-Artikolu 11(5) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "5. Id-disposizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament rigward proċeduri u t-twettieq ta' investigazzjonijiet, ħlief dawk li għandhom x'jaqsmu ma' limiti ta' żmien, jgħoddu għal kull reviżjoni li titwettaq skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu. Ir-reviżjonijiet li jitwettqu skond il-paragrafi 2 u 3 għandhom jitwettqu malajr u normalment għandhom jintemmu fi 12-il xahar mill-bidu tar-reviżjoni. F'kull ċirkostanza, reviżjonijiet skond il-paragrafi 2 u 3 għandhom f'kull każ jintemmu fi 15-il xahar minn meta jinbdew. Reviżjonijiet skond il-paragrafu 4 għandhom f'kull każ jintemmu fi żmien disa' xhur mid-data ta' meta jinbdew. Jekk tinbeda reviżjoni skond il-paragrafu 2 waqt li tkun għaddejja reviżjoni skond il-paragrafu 3 fl-istess proċediment, ir-reviżjoni skond il-paragrafu 3 għandha tintemm fl-istess ħin kif stabbilit hawn fuq għar-reviżjoni skond il-paragrafu 2.

    Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta għal azzjoni lill-Kunsill mhux aktar tard minn xahar qabel l-iskadenza tat-termini perentorji fuq imsemmija.

    Jekk l-investigazzjoni ma tintemmx fit-terminu perentorju fuq imsemmi, il-miżura għandha:

    - tiskadi f'investigazzjonijiet skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu,

    - tiskadi fil-każ ta' investigazzjonijiet imwettqa skond il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu b'mod parallel, fejn jew l-investigazzjoni skond il-paragrafu 2 kienet inbdiet waqt li kienet għaddejja reviżjoni skond il-paragrafu 3 fl-istess proċediment jew fejn dawn ir-reviżjonijiet inbdew fl-istess ħin, jew

    - tibqa' l-istess f'investigazzjonijiet skond il-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.

    Avviż li jxandar l-iskadanza fattwali jew iż-żamma tal-miżuri skond dan il-paragrafu għandu imbagħad jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.";

    5. L-Artikolu 12(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "1. Meta l-industrija Komunitarja jew xi parti oħra interessata jissottomettu, normalment fi żmien sentejn mill-bidu fis-seħħ tal-miżuri, informazzjoni biżżejjed li turi li, wara l-perjodu oriġinali ta' l-investigazzjoni u qabel jew wara l-imposizzjoni ta' miżuri, l-prezzijiet ta' l-esportazzjoni naqqsu jew li ma kien hemm l-ebda moviment jew moviment insuffiċjenti fil-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid jew prezzijiet ta' bejgħ sussegwenti tal-prodott importat fil-Komunità, l-investigazzjoni tista', wara konsultazzjoni, terġa' tinfetaħ biex jiġi eżaminat jekk il-miżura kelliex effett fuq il-prezzijiet fuq imsemmija.

    L-investigazzjoni tista' ukoll terġa' tinfetaħ, taħt il-kondizzjonijiet fuq imsemmija, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' Stat Membru.";

    6. L-Artikolu 12(2), l-aħħar sentenza, għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "Meta jiġi kkunsidrat li jinqtlaqgħu l-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 12(1) minħabba f'riduzzjoni fil-prezzijiet ta' esportazzjoni li tkun ġrat wara l-perjodu oriġinali ta' investigazzjoni u qabel jew wara l-imposizzjoni ta' miżuri, jistgħu jiġu kalkolati mill-ġdid marġini tad-dumping biex jitqiesu dawn il-prezzijiet imnaqqsa ta' l-esportazzjoni.";

    7. L-Artikolu 12(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "3. Meta investigazzjoni mill-ġdid skond dan l-Artikolu turi li jkun żdied id-dumping, il-miżuri fis-seħħ jistgħu, wara konsultazzjoni, jiġu emendati mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni skond is-sejbiet il-ġodda dwar prezzijiet ta' esportazzjoni. Il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kunsill sakemm ma jiddeċiedix b'maġġoranza sempliċi li ma jilqax il-proposta, fi żmien xahar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni..L-ammont ta' dazju kontra d-dumping impost bis-saħħa ta' dan l-Artikolu ma għandux ikun iżjed mid-doppju tad-dazju impost inizjalment mill-Kunsill.";

    8. L-Artikolu 12(4) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "4. Id-disposizzjonijiet rilevanti ta' l-Artikolu 5 u 6 għandhom jgħoddu għal kull investigazzjoni mill-ġdid li titwettaq bis-saħħa ta' dan l-Artikolu, ħlief li dik l-investigazzjoni mill-ġdid titwettaq malajr u normalment tintemm fi żmien sitt xhur mid-data tal-bidu ta' l-investigazzjoni mill-ġdid. Fi kwalunkwe każ, dawn l-investigazzjonijiet mill-ġdid għandhom fil-każijiet kollha jintemmu fi żmien disa' xhur mill-bidu ta' l-investigazzjoni mill-ġdid.

    Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta għall-azzjoni lill-Kunsill mhux aktar tard minn xahar qabel jiskadi t-terminu perentorju fuq imsemmi.

    Jekk l-investigazzjoni mill-ġdid ma tintemmx fit-termini perentorji fuq imsemmija, il-miżuri jibqgħu ma jinbidlux. Għandu jiġi ppubblikat avviż li jgħarraf iż-żamma tal-miżuri skond dan il-paragrafu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.";

    9. L-Artikolu 13(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "1. Id-dazji ta' kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta' prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kemm jekk le; jew għal importazzjonijiet ta' prodotti simili ftit modifikati mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew għal partijiet minnhom, meta jkun qed isir ħelsien mir-restrizzjonijiet tal-miżuri fis-seħħ. Id-dazji ta' kontra d-dumping li ma jeċċedux d-dazju residwu ta' kontra d-dumping impost skond l-Artikolu 9(5) ta' dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjkiżi li huma suġġetti għall-miżuri fejn qed jitwettaq il-ħelsien mir-restrizzjonijiet. Ħelsien mir-restrizzjonijiet għandu jiġi mfisser bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Komunità, li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom hemm raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta' dazju, u fejn ikun hemm xiedha ta' ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta' prodott simili, u fejn ikun hemm xiedha ta' dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 2.

    Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu, inter alia, il-modifika żgħira tal-prodott konċernat biex jaqa' taħt kodiċijiet doganali li normalment ma humiex soġġetti għall-miżuri, sakemm il-modifika ma tibdilx il-karatteristiċi essenzali tiegħu; il-kunsinna tal-prodott soġġett għall-miżuri permezz ta' pajjiżi terzi; l-organizzazzjoni mill-ġdid mill-esportaturi u l-produtturi tax-xejriet tagħhom u tal-kanali tal-bejgħ fil-pajjiż soġġett għall-miżuri sabiex eventwalment il-prodotti tagħhom jiġu esportati lejn il-Komunità permezz ta' produtturi li jibbenefikaw minn dazju individwali li hu inqas minn dak li japplika għall-prodotti tal-fabbrikanti; u, fiċ-ċirkostanzi hawn taħt imsemmija skond l-Artikolu 13(2), l-assemblaġġ ta' partijiet minn operazzjoni ta' l-assemblaġġ fil-Komunità jew f'pajjiż terz.";

    10. L-Artikolu 13(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "3. L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' l-Istati Membri jew xi parti interessata fuq il-bażi ta' xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu ta' l-investigazzjonijiet għandu jsir, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jista' ukoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li jitolbu garanziji. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista' tkun assistita minn awtoritajiet doganali u għandhom jintemmu fi żmien disa' xhur. Meta l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta tiġi adottata mill-Kunsill kemm-il darba ma jiddeċiedix b'maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xahar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. L-estensjoni tibda' sseħħ mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li fiha ġew mitluba l-garanziji. Id-disposizzjonijiet rilevanti dwar proċedura ta' dan ir-Regolament rigward il-bidu u t-tmexxija ta' investigazzjonijiet għandhom jgħoddu bis-saħħa ta' dan l-Artikolu.";

    11. L-Artikolu 13(4) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "4. L-importazzjonijiet ma jkunux suġġetti għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew għal miżuri meta jkunu negozjati minn kumpanniji li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet. It-talbiet għall-eżenzjonijiet debitament sostnuti minn xiedha għandhom jiġu sottomessi fit-termini perentorji stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni li jibda' l-investigazzjoni. Meta l-prattika, proċess jew ħidma li ġġib ħelsien mir-restrizzjonijiet issir barra mill-Komunità, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma' xi produttur li hu suġġett għall-miżuri li li jinstabu li ma humiex iwettqu prattiċi ta' ħelsien mir-restrizzjonijiet kif imfisser fl-Artikolu 13(1) u 13(2). Meta l-prattika, proċess jew ħidma li ġġib ħelsien mir-restrizzjonijiet issir ġewwa l-Komunità, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-importaturi li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma' produtturi li huma soġġetti għall-miżuri.

    Dawn l-eżenzjonijiet jingħataw b'deċiżjoni tal-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Kunsultattiv jew b'deċiżjoni tal-Kunsill li timponi l-miżuri u għandhom jibqhħu validi għall-perjodu u skond il-kondizzjonijiet hemm stabbiliti.

    Sakemm jiġu osservati l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(4), l-eżenzjonijiet jistgħu ukoll jingħataw wara li tintemm l-investigazzjoni li twassal għall-estensjoni tal-miżuri.

    Sakemm tgħaddi għall-inqas sena mill-estensjoni tal-miżuri, u fil-każ fejn in-numru ta' partijiet li jitolbu jew x'aktarx jitolbu eżenzjoni jkun sinjifikattiv, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi tibda' reviżjoni ta' l-estensjoni tal-miżuri. Kull reviżjoni bħal dik għandha titwettaq skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(5) kif applikabbli rigward reviżjonijiet bis-saħħa ta' l-Artikolu 11(3).";

    12. L-Artikolu 14(4) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "4. Fl-interess tal-Komunità, il-miżuri imposti skond dan ir-Regolament jistgħu, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, jiġu sospiżi b'deċiżjoni tal-Kummissjoni għal perjodu ta' disa' xhur. Is-sospensjoni tista' tiġġedded għal perjodu ieħor, li ma jeċċedix sena, jekk il-Kunsill hekk jiddeċiedi, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-proposta tiġi adottata mill-Kunsill kemm-il darba ma jiddeċiedix b'maġġoranza sempliċi li jirrifjuta l-proposta, fi żmien xahar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. Il-miżuri jistgħu biss jiġu sospiżi meta l-kondizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu temporanjament sa dak il-livell li mhux probabbli li jerġa' jkun hemm ħsara bħala riżultat tas-sospensjoni, u kemm-il darba l-industrija Komunitarja tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta u dawn il-kummenti jkunu ġew meqjusa. Il-miżuri jistgħu, f'kull ħin u wara konsultazzjoni, jerġgħu jitqiegħdu mill-ġdid jekk ir-raġuni għas-sospensjoni ma tkunx tgħodd aktar.";

    13. fl-Artikolu 14 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    "7. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista' titlob l-Istati Membri, fuq bażi ta' każ b'każ, li jagħtu l-informazzjoni neċessarja biex isir monitoraġġ effiċjenti fuq l-applikazzjoni tal-miżuri. Għal dan ir-rigward jgħoddu d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(3) u 6(4). Kull data sottomessa mill-Istati Membri skond dan l-Artikolu tkun koperta bid-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 19(6).";

    14. L-Artikolu 15(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "2. Il-Kumitat jiltaqa' meta jiġi msejjaħ mill-president tiegħu. Għandu jibgħat lill-Istati Membri, kemm jista' jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem utli qabel il-laqgħa, l-informazzjoni rilevanti kollha.";

    15. L-Artikolu 19(6) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "6. L-informazzjoni riċevuta skond dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih tkun ġiet mitluba. Din id-disposizzjoni ma għandhiex tipprekludi l-użu ta' informazzjoni riċevuta fil-kuntest ta' investigazzjoni waħda għall-għan tal-bidu ta' investigazzjonijiet oħra fl-istess proċediment rigward il-prodott ikkonċernat."

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (KE) Nru 2026/97 huwa b'dan emendat kif ġej:

    1. L-Artikolu 13(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "1. Bil-kondizzjoni li tkun saret determinazzjoni affermattiva provviżorja dwar l-għoti ta' sussidju u l-ħsara, il-Kummissjoni tista' taċċetta offerti ta' garanziji sodisfaċenti volontarji li taħthom:

    (a) il-pajjiż ta' l-oriġini u/jew ta l-esportazzjoni jaqbel li jelimina jew jillimita s-sussidju jew jieħu miżuri oħra dwar l-effetti tiegħu; jew

    (b) xi esportatur jintrabat li jirrevedi l-prezzijiet tiegħu jew iwaqqaf l-esportazzjonijiet lejn iż-żona inkwistjoni sakemm dawn l-esportazzjonijiet jibbenefikaw minn sussidji li tagħmel tajjeb għalihom permezz ta' taxxi kompensatorji, sabiex il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni speċifika mal-Kumitat Konsultattiv, tkun sodisfatta li l-effett dannuż tas-sussidji jkun b'hekk eliminat.

    F'każ bħal dan u sakemm jibqgħu fis-seħħ dawk il-garanziji, d-dazji provviżorji imposti mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 12(3) u d-dazji definittivi imposti mill-Kunsill skond l-Artikolu 15(1) ma għandhomx jgħoddu għall-importazzjonijiet rilevanti tal-prodott inkwistjoni manifatturat mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-garanziji u f'kull emenda sussegwenti ta' dik id-deċiżjoni.

    Iż-żidiet fil-prezzijiet taħt dawk il-garanziji ma għandhomx ikunu ogħla milli hu neċessarju biex jagħmlu tajjeb għall-ammont ta' sussidji li tagħmel tajjeb għalihom permezz ta' taxxi kompensatorji, u għandhom ikunu inqas mill-ammont ta' sussidji li li tagħmel tajjeb għalihom permezz ta' taxxi kompensatorji jekk dawn iż-żidiet ikunu biżżejjed biex ineħħu l-ħsara lill-industrija Komunitarja.";

    2. L-Artikolu 13(9) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "9. Fil-każ ta' ksur jew irtirar ta' garanziji minn parti f'dawk il-garanziji, jew fil-każ ta' l-irtirar ta' l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni tal-garanzija għandha, wara konsultazzjoni, tiġi rtirata permezz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew Regolament tal-Kummissjoni, kif ikun xieraq, u għandu jgħodd id-dazju provviżorju li jkun ġie impost mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 12 jew id-dazju definittiv li jkun ġie impost mill-Kunsill skond l-Artikolu 15(1), kemm-il darba l-importatur interessat, jew il-pajjiż ta' l-oriġini u/jew ta' l-esportazzjoni jkun ingħata, ħlief fil-każ ta' l-irtirar tal-garanzija mill-esportatur jew minn dak il-pajjiż, opportunità biex jikkumenta.

    Kull parti interessata jew Stat Membru jistgħu jagħtu informazzjoni, billi juru prima facie li jkun sar ksur ta' garanzija. Il-verifika sussegwenti dwar jekk ikunx sar ksur ta' garanzija jew le għandha normalment tintemm fi żmien sitt xhur, iżda f'ebda każ aktar tard minn disa' xhur wara li tkun saret talba debitament bil-provi. Il-Kummissjoni tista' titlob l-assistenza ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-garanziji.";

    3. L-Artikolu 15(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "1. Meta l-fatti kif finalment stabbiliti juru l-eżistenza ta' sussidji li tagħmel tajjeb għalihom permezz ta' taxxi kompensatorji u ħsara li tiġi kkaġunata bihom, u l-interess Komunitarju jitlob intervent skond l-Artikolu 31, għandha tiġi imposta taxxa kompensatorja definittiva mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta tiġi adottata mill-Kunsill kemm-il darba ma jiddeċiedix b'maġġoranza sempliċi li jirrifjuta l-proposta, fi żmien xahar mis-sottomissjoni tagħha mill-Kummissjoni. Meta jkunu fis-seħħ dazji provviżorji, proposta dwar azzjoni definittiva għandha tiġi sottomessa mhux aktar tard minn xahar qabel l-iskadenza ta' dawk id-dazji. Ma tiġi imposta l-ebda miżura jekk is-sussidju jew is-sussidji jiġu rtirati jew jiġi muri li s-sussidju ma għadhomx jagħtu xi benefiċċju lill-esportaturi interessati. L-ammont tat-taxxa kompensatorja dma għandux jeċċedi s-sussidji stabbiliti li tagħmel tajjeb għalihom b'taxxi kompensatorji iżda għandu jkun inqas mill-ammont totali tas-sussidji li tagħmel tajjeb għalihom b'taxxi kompensatorji jekk dan id-dazju inqas ikun adegwat għat-tneħħija tal-ħsara lill-industrija Komunitarja.";

    4. L-Artikolu 19(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "3. Meta t-taxxi kompensatorji imposti huma inqas mill-ammont ta' sussidji li tagħmel tajjeb għalihom b'taxxi kompensatorji, tista' tinbeda' reviżjoni interim jekk il-produtturi Komunitarji jew xi parti oħra interessata jissottomettu, normalment fi żmien sentejn mill-bidu fis-seħħ tal-miżuri, xiedga suffiċjenti li, wara l-perjodu oriġinali ta' l-investigazzjoni u qabel jew wara l-imposizzjoni tal-miżuri, il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni naqqsu jew li ma kien hemm l-ebda moviment, jew moviment insuffiċjenti, ta' prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid tal-prodott impurtat fil-Komunità. Jekk l-investigazzjoni tipprova li l-allegazzjonijiet kienu korretti, jistgħu jiżdiedu t-taxxi kompensatorji biex tinkiseb Iż-żieda fil-prezz meħtieġa biex titneħħa l-ħsara; madankollu, l-livell ta' dazju miżjud ma għandux jeċċedi l-ammont ta' sussidji li tagħmel tajjeb għalihom b'taxxi kompensatorji.

    Ir-reviżjoni interim tista' tinbeda wkoll, taħt il-kondizzjonijiet fuq imsemmija, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' l-Istati Membri.";

    5. L-Artikolu 22(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "1. Id-disposizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament rigward proċeduri u t-twettieq ta' investigazzjonijiet, esklużi dawk li għandhom x'jaqsmu ma' termini perentorji, għandhom jgħoddu għal kull reviżjoni mwettqa skond l-Artikolu 18, 19 u 20. Ir-reviżjonijiet mwettqa skond l-Artikoli 18 u 19 għandhom jitwettqu b'mod mgħaġġel u normalment jintemmu fi żmien 12-il xahar mid-data tal-bidu tar-reviżjoni. Fi kwalunkwe każ, reviżjonijiet skond l-Artikolu 18 u 19 għandhom jintemmu fil-każijiet kollha fi żmien 15-il xahar minn meta jinbdew. Reviżjonijiet skond l-Artikolu 20 għandhom f'kull jintemmu fi żmien disa' xhur minn meta jinbdew. Jekk reviżjoni mwettqa skond l-Artikolu 18 tinbeda waqt li tkun għaddejja reviżjoni taħt l-Artikolu 19 fl-istess proċediment, ir-reviżjoni skond l-Artikolu 19 għandha tintemm fl-istess ħin kif mfisser hawn fuq għar-reviżjoni skond l-Artikolu 18.

    Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta għal azzjoni lill-Kunsill mhux aktar tard minn xahar qabel ma jiskadi t-terminu perentorju fuq imsemmi.

    Jekk l-investigazzjoni ma tintemmx fit-termini perentorji fuq imsemmija, il-miżuri:

    - jiskadu f'investigazzjonijiet skond l-Artikolu 18,

    - jiskadu fil-każ ta' investigazzjonijiet mwettqa skond l-Artikoli 18 u 19 b'mod parallel, fejn jew l-investigazzjoni skond l-Artikolu 18 kienet inbdiet waqt li kienet għaddejja reviżjoni skond l-Artikolu 19 fl-istess proċediment jew fejn dawk ir-reviżjonijiet inbdew fl-istess ħin, jew

    - jibqgħu l-istess f'investigazzjonijiet skond l-Artikoli 19 u 20.

    Avviż li jxandar it-temm jew iż-żamma tal-miżuri skond dan il-paragrafu għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.";

    6. L-Artikolu 23(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "1. It-taxxi kompensatorji imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, tal-prodott simili, kemm jekk ftit modifikat kemm jekk le; jew għal importazzjonijiet tal-prodott simili ftit modifikat mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew partijiet minnu meta jkun qed isir ħelsien mir-restrizzjonijiet tal-miżuri fis-seħħ. It-taxxi kompensatorji li ma jeċċedux id-dazju kompensatorju residwu impost skond l-Artikolu 15(2) ta' dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għall-importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjiżi soġġetti għall-miżuri meta jkun qed isir ħelsien mir-restrizzjonijiet tal-miżuri fis-seħħ. Ħelsien mir-restrizzjonijiet għandu jiġi mfisser bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Komunità, li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom hemm raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta' dazju, u fejn ikun hemm xiedha ta' ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta' prodott simili u li l-prodott simili impurtat u/jew partijiet minnu għadhom jibbenefikaw mis-sussidju.

    Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu, inter alia, il-modifika żgħira tal-prodott konċernat biex jaqa' taħt kodiċijiet doganali li normalment ma humiex soġġetti għall-miżuri, sakemm il-modifika ma tibdilx il-karatteristiċi essenzali tiegħu; il-kunsinna tal-prodott soġġett għall-miżuri permezz ta' pajjiżi terzi; u l-organizzazzjoni mill-ġdid mill-esportaturi u l-produtturi tax-xejriet tagħhom u tal-kanali tal-bejgħ fil-pajjiż soġġett għall-miżuri sabiex eventwalment il-prodotti tagħhom jiġu esportati lejn il-Komunità permezz ta' produtturi li jibbenefikaw minn dazju individwali li hu inqas minn dak li japplika għall-prodotti tal-fabbrikanti.";

    7. L-Artikolu 23(2) u (3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "2. -L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' Stat Membru jew xi parti interessata fuq il-bażi ta' xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu ta' l-investigazzjonijiet għandu jsir, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jista' ukoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 24(5) jew li jitolbu garanziji. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista' tkun assistita minn awtoritajiet doganali u għandhom jintemmu fi żmien disa' xhur. Meta l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta tiġi adottata mill-Kunsill kemm-il darba ma jiddeċiedix b'maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xahar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. L-estensjoni tibda' sseħħ mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 24(5) jew li fiha ġew mitluba l-garanziji. Id-disposizzjonijiet rilevanti dwar proċedura ta' dan ir-Regolament rigward il-bidu u t-tmexxija ta' investigazzjonijiet għandhom jgħoddu bis-saħħa ta' dan l-Artikolu.

    3. L-importazzjonijiet ma jkunux suġġetti għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 24(5) jew għal miżuri meta jkunu negozjati minn kumpanniji li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet. It-talbiet għall-eżenzjonijiet debitament sostnuti minn xiedha għandhom jiġu sottomessi fit-termini perentorji stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni li jibda' l-investigazzjoni. Meta l-prattika, proċess jew ħidma li ġġib ħelsien mir-restrizzjonijiet issir barra mill-Komunità, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma' xi produttur li hu suġġett għall-miżuri li li jinstabu li ma humiex iwettqu prattiċi ta' ħelsien mir-restrizzjonijiet kif imfisser fl-Artikolu 23(1). Meta l-prattika, proċess jew ħidma li ġġib ħelsien mir-restrizzjonijiet issir ġewwa l-Komunità, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-importaturi li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma' produtturi li huma soġġetti għall-miżuri.

    Dawn l-eżenzjonijiet jingħataw b'deċiżjoni tal-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Kunsultattiv jew b'deċiżjoni tal-Kunsill li timponi l-miżuri u għandhom jibqhħu validi għall-perjodu u skond il-kondizzjonijiet hemm stabbiliti.

    Sakemm jiġu osservati l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20, l-eżenzjonijiet jistgħu ukoll jingħataw wara li tintemm l-investigazzjoni li twassal għall-estensjoni tal-miżuri.

    Sakemm tgħaddi għall-inqas sena mill-estensjoni tal-miżuri, u fil-każ fejn in-numru ta' partijiet li jitolbu jew x'aktarx jitolbu eżenzjoni jkun sinjifikattiv, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi tibda' reviżjoni ta' l-estensjoni tal-miżuri. Kull reviżjoni bħal dik għandha titwettaq skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 22(1) kif applikabbli rigward reviżjonijiet bis-saħħa ta' l-Artikolu 19.";

    8. L-Artikolu 24(4) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "4. Fl-interess tal-Komunità, il-miżuri imposti skond dan ir-Regolament jistgħu, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, jiġu sospiżi b'deċiżjoni tal-Kummissjoni għal perjodu ta' disa' xhur. Is-sospensjoni tista' tiġġedded għal perjodu ieħor, li ma jeċċedix sena, jekk il-Kunsill hekk jiddeċiedi, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-proposta tiġi adottata mill-Kunsill kemm-il darba ma jiddeċiedix b'maġġoranza sempliċi li jirrifjuta l-proposta, fi żmien xahar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. Il-miżuri jistgħu biss jiġu sospiżi meta l-kondizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu temporanjament sa dak il-livell li mhux probabbli li jerġa' jkun hemm ħsara bħala riżultat tas-sospensjoni, u kemm-il darba l-industrija Komunitarja tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta u dawn il-kummenti jkunu ġew meqjusa. Il-miżuri jistgħu, f'kull ħin u wara konsultazzjoni, jerġgħu jitqiegħdu mill-ġdid jekk ir-raġuni għas-sospensjoni ma tkunx tgħodd aktar.";

    9. Fl-Artikolu 24 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    "7. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista' titlob l-Istati Membri, fuq bażi ta' każ b'każ, li jagħtu l-informazzjoni neċessarja biex isir monitoraġġ effiċjenti fuq l-applikazzjoni tal-miżuri. F'dan ir-rigward jgħoddu d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(3) u (4). Kull data sottomessa mill-Istati Membri skond dan l-Artikolu tkun koperta bid-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 29(6).";

    10. L-Artikolu 25(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "2. Il-Kumitat jiltaqa' meta jiġi msejjaħ mill-president tiegħu. Għandu jibgħat lill-Istati Membri, kemm jista' jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem utli qabel il-laqgħa, l-informazzjoni rilevanti kollha."

    11. L-Artikolu 29(6) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    "6. L-informazzjoni riċevuta skond dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih tkun ġiet mitluba. Din id-disposizzjoni ma għandhiex tipprekludi l-użu ta' informazzjoni riċevuta fil-kuntest ta' investigazzjoni waħda għall-għan tal-bidu ta' investigazzjonijiet oħra fl-istess proċediment rigward il-prodott ikkonċernat."

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jgħodd għall-investigazzjonijiet kollha mibdija bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 384/96 u r-Regolament (KE) Nru 2026/97 wara l-bidu fis-seħħ ta' dan ir-Regolament ħlief:

    (a) l-Artikolu 1(3), (7), (10), (12) u (14) u l-Artikolu 2(3), (7), (8) u (10) ta' dan ir-Regolament li għandhom jgħoddu wkoll għal investigazzjonijiet pendenti; u

    (b) l-Artikolu 1(4) u (8) u l-Artikolu 2(5) ta' dan ir-Regolament li għandu jgħodd biss sentejn wara l-bidu fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għal investigazzjonijiet mibdija bis-saħħa ta' l-Artikoli 11(3), 11(4) u 12 tar-Regolament (KE) Nru 384/96 u l-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jibda jseħħ fis-7 ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fit-8 ta' Marzu 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. Ahern

    [1] ĠU L 56, 06.03.96, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1972/2002 (ĠU L 305, 07.11.02, p. 1).

    [2] ĠU L 288, 21.10.97, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1973/2002 (ĠU L 305, 07.11.02, p. 4).

    --------------------------------------------------

    Top