EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001L0105

Id-Direttiva 2001/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE dwar ir-regoli u n-normi komuni għall-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u l-perizja tal-bastimenti u għall-attivitajiet rilevanti ta' l-amministrazzjonijiet marittimiTest b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 19, 22.1.2002, p. 9–16 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/06/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/105/oj

32001L0105



Official Journal L 019 , 22/01/2002 P. 0009 - 0016


Id-Direttiva 2001/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tad-19 ta' Diċembru 2001

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE dwar ir-regoli u n-normi komuni għall-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u l-perizja tal-bastimenti u għall-attivitajiet rilevanti ta' l-amministrazzjonijiet marittimi

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li kienu qed jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4] fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat tal-Konċiljazzjoni fit-13 ta' Novembru 2001,

Billi:

(1) Il-prevenzjoni tas-sigurtà u t-tniġġis tal-baħar tista' tittejjeb permezz ta' l-implimentazzjoni xierqa u obbligatorja mill-Istati tal-bandiera tal-konvenzjonijiet eżistenti rilevanti li qegħdin fis-seħħ f'livell internazzjonali.

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE [5] stabbiliet sistema għar-rikonoxximent mill-Komunità kollha ta' l-organizzazzjonijiet li, b'konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali, jistgħu jiġu awtorizzati sa ċertu limitu biex jispezzjonaw il-bastimenti u joħorġu ċ-ċertifikati rilevanti ta' sigurtà għan-nom ta' l-Istati Membri.

(3) L-implimentazzjoni fil-prattika ta' dik id-Direttiva wriet li xi aġġustamenti għar-rikonoxximent mal-Komunità kollha ta' l-organizzazzjonijiet setgħu kkontribwew bil-kbir favur it-tisħiħ ta' dik is-sistema waqt li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tas-sorveljanza u r-rapportaġġimposti mill-Istati Membri.

(4) Mill-adozzjoni tad-Direttiva 94/57/KE seħħew xi żviluppi fil-leġislazzjoni rilevanti f'livell Komunitarju u internazzjonali li jeħtieġu li jsiru aktar aġġustamenti għad-Direttiva 94/57/KE.

(5) B'mod partikolari, għall-finijiet tad-Direttiva 94/57/KE, huwa xieraq li jiġu applikati l-emendi għall-konvenzjonijiet internazzjonali flimkien mal-protokolli u l-kodiċi relatati ta' status mandatorju, msemmi fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 94/57/KE, li daħlet fis-seħħ wara l-adozzjoni tad-Direttiva kif ukoll ir-Riżoluzzjonijiet rilevanti ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO).

(6) Bil-ħsieb li tiġi promossa l-implimentazzjoni effettiva ta' l-obbligazzjonijiet ta' l-Istati tal-bandiera stabiliti fil-konvenzjonijiet internazzjonali, l-Assemblea ta' l-IMO adottat fis-27 ta' Novembru 1997 ir-Riżoluzzjoni A.847(20) dwar il-linji gwida biex jgħinu lill-Istati tal-bandiera fl-implimentazzjoni ta' l-istrumenti ta' l-IMO.

(7) L-IMO adottat il-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Immaniġġar tas-Sigurtà (IMS) permezz tar-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea A.741(18) ta' l-4 ta' Novembru 1993 li saret mandatorja permezz tal-Kapitolu IX l-ġdid tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar (SOLAS).

(8) Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tal-Kodiċi IMS, il-linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi IMS mill-amministrazzjonijiet marittrimi ġew adottati fit-23 ta' Novembru 1995 permezz tar-Riżoluzzjoni IMO A.788(19).

(9) Bil-ħsieb li jiġu armonizzati l-perizji u l-ispezzjonijiet statutorji li għandhom jitwettqu mill-amministrazzjonijiet tal-bandiera bis-saħħa tal-konvenzjonijiet internazzjonali, l-IMO adottat ir-Riżoluzzjoni A.746(18) ta' l-4 ta' Novembru 1993 dwar il-Linji Gwida għall-Perizji taħt is-Sistema Armonizzata tal-Perizji u ċ-Ċertifikazzjoni.

(10) Rekord tajjeb ta' osservanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis — imkejjel fil-każ tal-bastimenti kollha kklassifikati minn organizzazzjoni, irrispettivament mill-bandiera li dawn itajru — huwa indikazzjoni importanti dwar il-funzjonalità ta' l-organizzazzjoni u huwa għalhekk essenzjali għall-għoti tar-rikonoxximent inizjali u ż-żamma tiegħu.

(11) Biex jingħata r-rikonoxximent inizjali lill-organizzazzjonijiet li jixtiequ li jkunu awtorizzati biex jaħdmu għan-nom ta' l-Istati Membri, il-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/57KE tista' tiġi vvalutata b'aktar effettività b'maniera armonizzata u ċċentralizzata mill-Kummissjoni flimkien ma' l-Istati Membri li jitolbu r-rikonoxximent.

(12) Bl-istess mod, is-sorvelja kontinwa a posteriori ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti biex tiġi valutata l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/57/KE tista' titwettaq b'mod aktar effettiv b'maniera armonizzata u ċċentralizzata. Huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni, flimkien ma'l-Istati Membri li jitolbu r-rikonoxximent, tiġi fdata b'dan ix-xogħol għan-nom tal-Komunità kollha.

(13) B'żieda ma' l-awtorità ta' l-Istati Membri li jissospendu l-awtorizzazzjoni ta' organizzazzjoni li taħdem għan-nom tagħhom, awtorità simili għandha tgħodd f'livell tal-Komunità, waqt li l-Kummissjoni tkun permessa, fuq il-bażi ta' proċedura tal-Kumitat, li tissospendi r-rikonoxximent ta' organizzazzjoni għal perijodu ta' żmien limitat fejn l-osservanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis ta' l-organizzazzjoni jmur għall-agħar u din tonqos li tieħu l-miżuri korrettivi kif imiss.

(14) B'konformità mal-metodu użat fil-Komunità kollha kemm hi, id-deċiżjoni li jiġi rtirat rikonoxximent lil organizzazzjoni li tonqos li tħares id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva, inklużi l-każi fejn l-osservanza tas-sigurtà u tal-prevenzjoni ta' tniġġis issir mhux sodisfaċenti, għandha tittieħed f'livell tal-Komunità, u għalhekk mill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-proċedura tal-Kumitat.

(15) Billi d-Direttiva 94/57/KE tiżgura l-libertà għall-provvista ta' servizzi fil-Komunità, il-Komunità għandu jkollha d-dritt li tinnegozja ma' dawk il-pajjiżi terzi fejn ikunu qegħdin uħud mill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti t-trattament ugwali għall-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jinsabu fil-Komunità.

(16) Id-diverġenza fis-sistemi ta' debitu finanzjarju ta' l-organizzazzjonijiet li jaħdmu għan-nom ta'l-Istati Membri kienet ta'diffikultà fl-implimentazzjoni kif imiss tad-Direttiva 94/57/KE. Bħala kontribut biex tissolva din il-problema hija ħaġa xierqa li jkun hemm grad ta' armonizzazzjoni f'livell Komunitarju dwar id-debitu li jinħoloq minn kwalunkwe inċident ikkawżat minn organizzazzjoni rikonoxxuta, kif deċiż minn qorti, inkluż l-issetiljar ta' tilwima permezz ta' proċeduri arbitrali.

(17) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 94/57/KE għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni [6].

(18) Billi t-trasparenza u l-bdil ta' tagħrif bejn il-partijiet interessati, kif ukoll id-dritt pubbliku għall-aċċess tat-tagħrif, huma għodda fundamentali għall-prevenzjoni ta' l-aċċidenti fuq il-baħar, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jipprovdu t-tagħrif kollu statutorju rilevanti dwar il-kondizzjonijiet tal-bastimenti fil-klassi tagħhom lill-awtoritajiet ta' l-Istat tal-kontroll tal-port u jagħmluh disponibbli għall-publiku inġenerali.

(19) Fi sforz sabiex il-bastimenti ma jitħallewx jibdlu l-klassi biex jevitaw li jwettqu t-tiswijiet meħtieġa, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jiskambjaw bejniethom it-tagħrif kollu rilevanti dwar il-kondizzjonijiet tal-bastimenti li jibdlu l-klassi.

(20) Organizzazzjoni m'għandhiex tkun kontrollata minn proprjetarji jew bennejja tal-bastimenti jew minn oħrajn li jaħdmu kummerċjalment fil-manifattura, fit-tagħmir, fit-tiswija jew fl-operazzjoni tal-bastimenti. Organizzazzjoni m'għandhiex tkun sostanzjalment dipendenti fuq intrapriża kummerċjali waħda għad-dħul tagħha. Meta jressqu t-talba tagħhom biex jiġu rikonoxxuti, is-soċjetajiet tal-klassifika u l-periti tagħhom għandhom jintrabtu bil-miktub fuq bażi individwali li ma jaċċettawx xogħol statutorju fejn x'aktarx jista' jkun hemm konflitt ta' interessi, jiġifieri fejn ikun hemm identità mal-proprjetarju jew l-operatur tal-bastiment li jkun sa jiġi spezzjonat, jew ikun hemm rabtiet ta' negozju, personali jew familjari, mal-proprjetarju jew ma' l-operatur tal-bastiment.

(21) Il-kriterji kwalitattivi li għandhom jintlaħqu mill-organizzazzjonijiet tekniċi sabiex jiġu rikonoxxuti f'livell Komunitarju u biex jinżamm dak ir-rikonoxximent għandhom jinkludu dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-periti esklusivi biss ikunu jistgħu jagħmlu l-ispezzjonijiet u l-perizji meħtieġa mill-konvenzjonijiet internazzjonali, jiġifieri x-xogħlijiet statutorji relatati mal-ħruġ taċ-ċertifikati rilevanti tas-sigurtà. Dawk l-organizzazzjonijiet għandu jkollhom kontroll strett fuq l-impjegati u l-uffiċċji tagħhom, inklużi l-fergħat u l-uffiċċji kollha ġewwa u barra l-Komunità u dawn għandhom jistabilixxu l-miri u l-indikaturi tagħhom għall-osservanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis. Dawk l-organizzazzjonijiet għandu jkollhom sistema stabilita biex ikejlu l-kwalità tas-servizzi tagħhom.

(22) Id-Direttiva 94/57/KE għandha tiġi hekk emendata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 94/57/KE qiegħda b'dan tiġi emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 2, il-punti (b), (ċ), (d), (i) u (j) għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

"(b) "bastiment li jtajjar il-bandiera ta" Stat Membru' tfisser bastiment irreġistrat fi u li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru skond il-leġislazzjoni tiegħu. Il-bastimenti li ma jaqblux ma' din it-tifsira huma assimilati mal-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' pajjiż terz;

(ċ) "spezzjonijiet u perizji" tfisser spezzjonijiet u perizji li jkunu mandatorji li jsiru skond il-konvenzjonijiet internazzjonali;

(d) "konvenzjonijiet internazzjonali" tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1974 dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar (SOLAS), il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1966 dwar il-Linji tal-Ġarr u l-Konvenzjoni Internazzjonali 1973/1978 dwar il-Prevenzjoni ta' Tniġġis mill-Bastimenti, flimkien mal-protokolli u l-emendi tagħhom, u l-kodiċi relatati ta' status mandatorju fl-Istati Membri kollha, fis-seħħ fis-19 ta' Diċembru 2001;

(i) "ċertifikat tal-klassi" tfisser dokument maħruġ minn soċjetà ta' klassifika li jiċċertifika s-saħħa strutturali u mekkanika ta' bastiment għal użu jew servizz partikolari skond ir-regoli u r-regolamenti stabiliti u ppubblikati minn dik is-soċjetà;

(j) "ċertifikat tar-radju ta" sigurtà ta' bastiment tat-tagħbija' tfisser iċ-ċertifikat introdott mir-Regolamenti tar-radju SOLAS 1974/1978 kif emendati, adottati mill-IMO;"

2. fl-Artikolu 3, is-sentenza li ġejja għandha tiżdied wara l-paragrafu 1:

"L-Istati Membri għandhom jaġixxu skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-Anness u l-Appendiċi li jinsabu mar-Riżoluzzjoni IMO A.847(20) dwar il-linji gwida biex jgħinu lill-Istati tal-bandiera fl-implimentazzjoni ta' l-istrumenti ta' l-IMO.";

3. L-Artikolu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri li jixtiequ jagħtu awtorizzazzjoni lil xi organizzazzjoni li tkun għadha mhix rikonoxxuta, għandhom iressqu talba għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni flimkien mat-tagħrif sħiħ u l-evidenza tal-konformità mal-kriterji stabiliti fl-Anness u dwar il-ħtieġa u r-rabta li din ħa tkun tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15(2), (4) u (5). Il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri rispettivi li iressqu t-talba, għandha twettaq valutazzjonijiet dwar l-organizzazzjonijiet li dwarhom tkun irċeviet it-talba għar-rikonoxximent biex tivverifika li l-organizzazzjonijiet ikunu jikkonformaw u jintrabtu li jikkonformaw mal-ħtiġiet imsemmija hawn fuq. Deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent għandha tqis ir-rekords ta' l-osservanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis ta' l-organizzazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 9. Ir-rikonoxximent għandu jingħata mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2).

2. L-Istati Membri jistgħu jressqu quddiem il-Kummissjoni talbiet speċjali għal rikonoxximent limitat għal tliet snin għal organizzazzjonijiet li jilħqu l-kriterji kollha ta' l-Anness ħlief għal dawk stabiliti taħt il-paragrafi 2 u 3 tat-taqsima A. L-istess proċedura bħal dik imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tgħodd fil-każ ta' dawn it-talbiet speċjali bl-eċċezzjoni li l-kriterji ta' l-Anness li dwarhom il-konformità għandha tiġi stmata matul il-valutazzjoni li ssir mill-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istat Membru jkunu l-kriterji kollha barra minn dawk stabiliti taħt il-paragrafi 2 u 3 tat-taqsima A. L-effetti ta' dan ir-rikonoxximent limitat għandhom ikunu limitati esklussivament għall-Istat Membru jew l-Istati Membri li jkunu ressqu talba għal dak ir-rikonoxximent.

3. L-organizzazzjonijiet kollha li jingħataw rikonoxximent għandhom jiġu ssorveljati mill-qrib mill-kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 7, partikolarment dawk imsemmija fil-paragrafu 2 hawn fuq, bl-iskop tal-possibiltà ta' deċiżjonijiet dwar jekk għandux jiġi estiż jew le r-rikonoxximent limitat. Fir-rigward ta' dawn l-organizzazzjonijiet ta' l-aħħar, deċiżjoni dwar l-estensjoni ta' dak ir-rikonoxxinment m'għandhiex tqis il-kriterji stabbiliti taħt il-paragrafi 2 u 3 tat-taqsima A ta' l-Anness iżda għandha tqis ir-rekord ta' l-osservanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis ta' l-organizzazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 9(2). Kull deċiżjoni dwar l-estensjoni tar-rikonoxximent limitat għandha tispeċifika taħt liema kondizzjonijiet, jekk ikun hemm, tingħata dik l-estensjoni.

4. Il-Kummissjoni għandha tħejji u taġġorna lista ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3. Il-lista għandha tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5. L-organizzazzjonijiet li fit-22 ta' Jannar 2002 diġà kienu rikonoxxuti fuq il-bażi ta' din id-Direttiva għandhom jibqgħu jiġu rikonoxxuti. Madankollu, dawk l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu meħtieġa jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet il-ġodda stabiliti f'din id-Direttiva u l-konformità tagħhom għandha tiġi vvalutata matul l-ewwel stimi msemmija fl-Artikolu 11.";

4. L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"1. Waqt l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(2), l-Istati Membri m'għandhomx fil-prinċipju jirrifjutaw li jawtorizzaw xi waħda mill-organizzazzjonijiet li jkollhom ir-rikonoxximent biex iwettqu dawk il-funzjonijiet, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 u l-Artikoli 6 u 11. Iżda, dawn jistgħu jirrestrinġu l-għadd ta' l-organizzazzjonijiet li huma jawtorizzaw skond il-ħtiġiet tagħhom basta jkun hemm raġunijiet trasparenti u oġġettivi biex isir dan. Fuq it-talba ta' Stat Membru, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 7, tadotta l-miżuri adattati.";

(b) il-paragrafu 2 għandu jitħassar;

(ċ) il-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"3. Biex Stat Membru jaċċetta li organizzazzjoni rikonoxxuta stabilita fi Stat terz tkun tista' twettaq id-dmirijiet imsemmija fl-Artikolu 3 jew parti minnhom din tista' titlob lill-Istat terz inkwistjoni biex jagħti trattament reċiproku lil dawk l-organizzazzjonijiet li jkun stabbiliti fil-Komunità. B'żieda ma' dan, il-Komunità tista' titlob lil Stat terz fejn tkun qiegħda organizzazzjoni rikonoxxuta biex jagħti trattament reċiproku lil dawk l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jkunu qiegħda fil-Komunità.";

5. L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"2. Ir-relazzjoni tax-xogħol għandha tiġi rregolata bi ftehim bil-miktub ifformalizzat u mhux diskriminatorju jew b'arranġamenti legali ekwivalenti li jkun fihom id-dmirijiet u l-funzjonijiet speċifiċi assunti mill-organizzazzjonijiet u li jkunu jinkludu ta' l-anqas:

(a) id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Appendiċi II tar-Riżoluzzjoni IMO A.739(18) dwar il-linji gwida għall-awtorizzazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet li jaġixxu għan-nom ta' l-amministrazzjoni, waqt li dawn jiġu ispirati mill-Anness, l-Appendiċi u d-Dokument Mehmuż maċ-Ċirkolari 710/ ta' l-IMO MSC u ċ-Ċirkolari 307 tal-MEPC dwar il-ftehim mudell għall-awtorizzazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti biex jaġixxu għan-nom ta' l-amministrazzjoni;

(b) id-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar id-debitu finanzjarju:

(i) jekk id-debitu li jirriżulta minn xi aċċident jiġi finalment u definittivament impost fuq l-amministrazzjoni minn qorti jew bħala parti mill-issetiljar ta' kwistjoni permezz ta' proċeduri ta' arbitraġġ, flimkien ma' l-obbligu ta' kumpens lill-partijiet li jsofru d-dannu, għal telf jew għal ħsara fil-proprjetà jew għal korriment personali jew għall-mewt, li jiġi ppruvat f'dik il-qorti li jkun ġie kkawżat minn att volontarju jew minn ommissjoni jew negliġenza kbira ta' l-organizzazzjoni rikonoxxuta, l-amministrazzjoni għandu jkollha d-dritt għall-kumpens finanzjarju mill-organizzazzjoni li jkollha r-rikonoxximent safejn l-imsemmi telf, ħsara, korriment jew mewt ikunu, skond kif deċiż minn dik il-qorti, ikkawżat mill-organizzazzjoni rikonoxxuta;

(ii) jekk debitu li jirriżulta minn xi inċident jiġi finalment u definittivament impost fuq l-amministrazzjoni minn qorti jew bħala parti mill-issetiljar ta' kwistjoni permezz ta' proċeduri ta' arbitraġġ, flimkien ma'l-obbligu għall-kumpens lill-partijiet li jsofru d-dannu, il-korriment personali jew il-mewt, li jiġi ppruvat f'dik il-qorti li jkunu ġew ikkawżati minn xi negliġenza jew traskuraġni jew minn ommissjoni ta' l-organizzazzjoni rikonoxxuta, l-impjegati tagħha, l-aġenti jew il-persuni li jaġixxu għan-nom ta' l-organizzazzjoni rikonoxxuta, l-amministrazzjoni għandu jkollha d-dritt għall-kumpens finanzjarju mill-organizzazzjoni rikonoxxuta safejn l-imsemmi korriment personali jew mewt ikunu, kif deċiż minn dik il-qorti, ikkawżati mill-organizzazzjoni rikonoxxuta; l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-ammont massimu li għandu jitħallas mill-organizzazzjoni rikonoxxuta, iżda li għandu, ta' l- anqas, ikun egwali għal EUR 4 miljun;

(iii) jekk id-debitu li jirriżulta minn xi inċident ikun finalment u definittivament impost fuq l-amministrazzjoni minn qorti jew bħala parti mill-issetiljar ta' kwistjoni permezz ta' proċeduri ta' arbitraġġ, flimkien ma' l-obbligu tal-kumpens lill-partijiet li jsofru d-dannu, għal telf jew ħsara fil-proprjetà, li jkun ġie ppruvat f'dik il-qorti li jkunu ġew ikkawżati minn negliġenza jew minn att ta' traskuraġni jew minn ommissjoni ta' l-organizzazzjoni rikonoxxuta, l-impjegati tagħha, l-aġenti jew il-persuni li jaġixxu għan-nom ta' l-organizzazzjoni rikonoxxuta, l-amministrazzjoni għandu jkollha d-dritt għall-kumpens finanzjarju mill-organizzazzjoni rikonoxxuta safejn l-imsemmi telf jew ħsara jkunu, kif deċiż minn dik il-qorti, ikkawżati mill-organizzazzjoni rikonoxxuta; l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-ammont massimu li għandu jitħallas mill-organizzazzjoni rikonoxxuta, iżda li għandu, ta' l- anqas ikun egwali għal 2 miljun EUR;

(ċ) dispożizzjonijiet għall-verifika perjodika mill-amministrazzjoni, jew minn korp imparzjali estern maħtur mill-amministrazzjoni, tad-dmirijiet li l-organizzazzjoni twettaq għan-nom tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 11(1);

(d) il-possibiltà ta' spezzjonijiet dettaljati għal għarrieda tal-bastimenti;

(e) dispożizzjonijiet għar-rapportaġġ ta' tagħrif essenzjali dwar il-flotta kklassifikata tagħhom, il-bidliet, is-sospensjonijiet u l-irtirar tal-klassi kif imsemmi fl-Artikolu 15(3).";

(b) il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

"5. Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mit-22 ta' Lulju 2006, tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-impatt ekonomiku tal-metodu tad-debitu previst minn dan l-Artikolu fuq il-partijiet ikkonċernati u, b'mod aktar partikolari, il-konsegwenzi tiegħu fuq il-bilanċ finanzjarju ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

Dan ir-rapport għandu jitħejja b'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti/s-soċjetajiet tal-klassifika. Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, tressaq proposti għall-emenda ta' din id-Direttiva b'referenza aktar speċifika għall-prinċipju tad-debitu u d-debiti massimi.";

6. L-Artikolu 7 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 7

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jgħoddu, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabilit bħala ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jaddotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.";

7. L-Artikolu 8 (1) għand jinbidel b'dan li ġej:

"1. Din id-Direttiva tista', mingħajr ma jitwessa' l-ambitu tagħha, tiġi emendata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(2), sabiex:

- tgħodd, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, ta' l-emendi sussegwenti għall-konvenzjonijiet, tal-protokolli, tal-kodiċi u tar-riżoluzzjonijiet internazzjonali, relatati magħhom imsemmija fl-Artikoli 2(d), 3(1) u 6(2), li jkunu daħlu fis-seħħ,

- taġġorna l-kriterji ta'l-Anness waqt li jitqiesu, b'mod partikolari, id-deċiżjonijiet rilevanti ta' l-IMO,

- tibdel l-ammonti speċifikati fil-punti (ii) u (iii) ta' l-Artikolu 6(2)(b).";

8. L-Artikolu 9 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 9

1. Ir-rikonoxximent ta' l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 li ma jibqgħux aktar jikkonformaw mal-kriterji stabiliti fl-Anness jew li jonqsu li jikkonformaw mar-rekords ta' l-osservanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jiġi rtirat. L-irtirar tar-rikonoxximent għandu jiġi deċiż mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2), wara li l-organizzazzjoni kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità li tibgħat l-osservazzjonijiet tagħha.

2. Waqt it-tħejjija ta' l-abbozzi tad-deċiżjoni relatata ma' l-irtirar tar-rikonoxximent kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis ir-riżultat tal-valutazzjonijiet ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti msemmija fl-Artikolu 11 kif ukoll ir-rekords ta' l-osservanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis ta' l-organizzazzjonijiet, imkejla għall-bastimenti kollha li jkollhom fil-klassi irrispettivament mill-bandiera li jtajru l-bastimenti.

Ir-rekords ta' l-osservanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis ta' l-organizzazzjonijiet għandhom jinħarġu mit-tagħrif li jirriżulta mill-Memorandum tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Kontroll tal-Port mill-Istat u/jew minn skemi simili. Indikazzjonijiet oħra jistgħu jinħarġu mill-analiżi tal-korrimenti li jinvolvu l-bastimenti klassifikati mill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

Ir-rapporti magħmula mill-Istati Membri fuq il-bażi ta'l-Artikolu 12 għandhom ukoll jitqiesu biex jiġu stmati r-rekords ta' l-osservanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis ta' l-organizzazzjonijiet.

Il-kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 7 għandu jistabbilixxi l-kriterji li għandhom jiġu segwiti biex jiġi deċiż, fuq il-bażi tat-tagħrif imsemmi f'dan il-paragrafu, meta l-osservanza ta' organizzazzjoni li taġixxi għan-nom ta' Stat tal-bandiera jista' jitqies bħala theddida mhux aċċettabbli għas-sigurtà u l-ambjent.

L-abbozz tad-deċiżjonijiet relatati ma' l-irtirar tar-rikonoxximent kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jintbagħat mill-Kumitat lill-Kummissjoni fuq iniżjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba ta' l-Istat Membru.";

9. L-Artikolu 10 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 10

1. Minkejja l-kriterji speċifikati fl-Anness, fejn Stat Membru jqis li organizzazzjoni rikonoxxuta ma tistax aktar tkun awtorizzata biex twettaq għan-nom tagħha x-xogħlijiet speċifikati fl-Artikolu 3 dan jista' jissospendi dik l-awtorizzazzjoni fuq il-bażi tal-proċedura li ġejja:

(a) l-Istat Membru għandu javża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-deċiżjoni tiegħu mingħajr dewmien, waqt li jagħti r-raġunijiet sostanzjati għal dan;

(b) il-Kummissjoni għandha teżamina jekk is-sospensjoni tkunx iġġustifikata minħabba raġunijiet ta' perikolu serju għas-sigurtà jew għall-ambjent;

(ċ) waqt li taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(2), il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istat Membru jekk id-deċiżjoni biex tiġi sospiża l-awtorizzazzjoni tkunx iġġustifikata jew le għal raġunijiet ta' perikolu serju għas-sigurtà jew għall-ambjent u, jekk ma tkunx iġġustifikata, titlob lill-Istat Membru biex jirtira s-sospensjoni.

2. Kull fejn il-Kummissjoni tqis li r-rekord ta' l-osservanza tas- sigurtà jew tal-prevenzjoni tat-tniġġis ta' organizzazzjoni rikonoxxuta jmur għall-agħar, iżda mingħajr ma jiġi ġġustifikat l-irtirar tar-rikonoxximent tagħha fuq il-bażi tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 9(2), jista' jiġi deċiż li l-organizzazzjoni li jkollha r-rikonoxximent tiġi avżata b'hekk u tintalab biex tieħu l-miżuri adattati biex ittejjeb ir-rekords tagħha ta' l-osservanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis, u tavża lill-Istati Membri b'dan. Jekk l-organizzazzjoni rikonoxxuta tonqos milli tipprovdi lill-Kummissjoni tweġiba xierqa jew jekk il-Kummissjoni tqis li l-miżuri meħuda mill-organizzazzjoni rikonoxxuta jkunu naqsu li jtejbu r-rekords tagħha ta' l-osservanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tissospendi r-rikonoxximent għall-perijodu ta' sena skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2) wara li l-organizzazzjoni kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità biex tressaq l-osservazzjonijiet tagħha. Matul dak il-perijodu, l-organizzazzjoni rikonoxxuta m'għandhiex tkun imħollija toħroġjew iġġedded xi ċertifikat għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' l-Istati Membri waqt li ċ-ċertifikati maħruġa jew imġedda fil-passat mill-organizzazzjoni jibqgħu validi.

3. Il-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 għandha tgħodd ukoll fejn il-Kummissjoni jkollha xhieda li l-organizzazzjoni rikonoxxuta tkun naqset li tħares id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15(3), (4) jew (5).

4. Sena wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendi r-rikonoxximent ta' organizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk in-nuqqasijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 li jkunu wasslu għas-sospensjoni jkunux tneħħew. Fejn dawk in-nuqqasijiet ikunu għadhom hemm ir-rikonoxximent għandu jiġi rtirat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2).";

10. L-Artikolu 11 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 11

1. Kull Stat Membru għandu jkun sodisfatt li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaġixxu għan-nom tiegħu għall-fini ta' l-Artikolu 3(2) effettivament iwettqu l-funzjonijiet imsemmija f'dak l-Artikolu għas-sodisfazzjoni ta' l-amministrazzjoni kompetenti tiegħu.

2. Kull Stat Membru għandu jwettaq dan ix-xogħol ta' l-anqas fuq bażi ta' kull sentejn u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra rapport tar-riżlutati ta' din is-sorveljanza mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena li tiġi wara s-snin li għalihom il-konformità tkun ġiet ivvalutata.

3. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti kollha għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istat Membru li jkun ressaq it-talba rilevanti għar-rikonoxximent, fuq bażi regolari u ta' l-anqas kull sentejn biex jiġi vverifikat li dawn ikunu jikkonformaw mal-kriterji ta' l-Anness. Waqt l-għażla ta' l-organizzazzjonijiet tal-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis partikolarment ir-rekords ta' l-osservanza tas-sigurtà u tal-prevenzjoni tat-tniġġis ta' l-organizzazzjoni, tar-rekords tal-korrimenti u tar-rapporti magħmula mill-Istati Membri skond l-Artikolu 12. Il-valutazzjoni tista' tinkludi żjara lill-fergħat reġjonali ta'l-organizzazzjoni kif ukoll spezzjoni għal għarrieda tal-bastimenti bl-iskop li tiġi vverifikata l-osservanza ta' l-organizzazzjoni. F'dan il-każ il-Kummissjoni għandha, fejn ikun xieraq, tavża lill-Istati Membri fejn tkun tinsab il-fergħa reġjonali. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri rapport tar-riżultati tal-valutazzjoni.

4. Kull organizzazzjoni rikonoxxuta għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 7 r-riżultati tar-reviżjoni tas-sistema ta' l-immaniġġar ta' kwalità fuq il-bażi ta' kull sena.";

11. L-Artikolu 12 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 12

Fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ta' l-ispezzjoni u l-obbligazzjonijiet bħala portijiet ta' Stati, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, u javżaw lill-Istat tal-bandiera kkonċernat, dwar l-iskoperta tal-ħruġ ta' ċertifikati validi minn organizzazzjonijiet li jaġixxu għan-nom ta' l-Istat tal-bandiera lil bastiment li ma jkunx jikkonforma mal-ħtiġiet rilevanti tal-konvenzjonijiet internazzjonali, jew dwar kull nuqqas ta' bastiment li jkollu ċertifikat validu tal-klassi u li jkun relatat ma' l-oġġetti koperti minn dak iċ-ċertifikat. Każijiet biss ta' bastimenti li jkunu ta' theddida għas-sigurtà u l-ambjent jew li juru evidenza ta' mġieba partikolarment traskurata ta' l-organizzazzjonijiet għandhom jiġu rrappurtati għall-finijiet ta' dan l-Artikolu. L-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata għandha tiġi avżata bil-każ waqt l-ispezzjoni inizjali biex din tkun tista' tieħu minnufih l-azzjoni xierqa biex issegwi l-każ."

12. L-Artikolu 13 għandu jitħassar;

13. Fl-aħħar ta' l-Artikolu 14(2) ir-referenza għall-Artikolu 13 għandha tinbidel bl-Artikolu 7(2);

14. L-Artikolu 15 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"1. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jikkonsultaw lil xulxin kull tant żmien bil-ħsieb li tinżamm l-ekwivalenza tan-normi tekniċi tagħhom u l-implimentazzjoni tagħhom b'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni ta' l-IMO A.847(20) dwar il-linji gwida għall-għajnuna lil Stati tal-bandiera fl-implimentazzjoni ta' l-istrumenti ta' l-IMO. Dawn għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapporti kull tant żmien dwar il-progress fundamentali fin-normi.";

(b) il-paragrafi 3 u 4 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

"3. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jipprovdu lill-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri kollha li jkun taw xi waħda mill-awtorizzazzjonijiet previsti mill-Artikolu 3 u lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu rilevanti dwar il-flotta klassifikata tagħhom, it-trasferimenti, il-bidliet, is-sospensjonijiet u l-irtirar ta' klassi, irrispettivament mill-bandiera li jtajru l-bastimenti. It-tagħrif dwar it-trasferimenti, il-bidliet, is-sospensjonijiet, u l-irtirar tal-klassi, inkluż it-tagħrif dwar il-perizji li jkunu għadhom ma sarux, ir-rakkomandazzjonijiet li jkunu għadhom ma sarux, il-kondizzjonijiet tal-klassi, il-kondizzjonijiet dwar l-operat jew ir-restrizzjonijiet fuq l-operat maħruġa kontra l-bastimenti kklassifikati tagħhom - irrispettivament mill-bandiera li jtajru - għandhom ukoll jiġu kkomunikati lis-sistema tat-tagħrif Sirenac għall-ispezzjonijiet tal-kontroll portwali ta' l-Istat u għandu jiġi ppublikat fuq il-website, jekk ikun hemm, ta' dawn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

4. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti m'għandhomx joħorġu ċertifikati lill-bastiment, irrispettivament mill-bandiera li jtajjar, li jkun ġie deklassifikat jew li jkun qed jibdel il-klassi għal raġunijiet ta' sigurtà qabel ma tingħata l-opportunità lill-amministrazzjoni kompetenti ta' l-Istat tal-bandiera biex jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien raġonevoli biex jiġi stabilit jekk tkunx meħtieġa spezzjoni sħiħa.";

(ċ) il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

"5. F'każijiet ta' trasferiment tal-klassi minn organizzazzjoni rikonoxxuta għal oħra, l-organizzazzjoni li titlef għandha tavża lill-organizzazzjoni li tirbaħ bil-perizji kollha li kien messhom saru, bir-rakkomandazzjonijiet li kien messhom saru, bil-kondizzjonijiet tal-klassi, bil-kondizzjonijiet fuq l-operat jew ir-restrizzjonijiet fuq l-operat maħruġa kontra l-bastiment. Mat-trasferiment, l-organizzazzjoni li titlef għandha tipprovdi lill-organizzazzjoni li tirbaħil-fajl sħiħta' l-istorja tal-bastiment. Iċ-ċertifikati tal-bastiment għandhom jinħarġu mill-organizzazzjoni li tirbaħbiss wara li l-perizji li kien messhom saru jkunu tlestew b'mod sodisfaċenti u wara li r-rakkomandazzjonijiet kollha li kien messhom saru jew il-kondizzjonijiet tal-klassi maħruġa qabel kontra l-bastiment ikunu tlestew kif jiġi speċifikat mill-organizzazzjoni li titlef. Qabel il-ħruġ taċ-ċertifikati, l-organizzazzjoni li tirbaħ għandha tavża lill-organizzazzjoni li titlef bid-data tal-ħruġ taċ-ċertifikati u tikkonferma d-data, il-post fejn qiegħed u l-azzjoni meħuda biex tissodisfa kull perizja, kull rakkomandazzjoni u kull kondizzjoni tal-klassi li kien messhom saru. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jikkooperaw ma' xulxin fl-implimentazzjoni kif suppost tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu.";

15. Fl-Artikolu 16, il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

"4. B'żieda ma' dan, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fuq bażi regolari dwar il-progress ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva ġewwa l-Istati Membri.";

16. L-Anness għad-Direttiva għandu jiġi implimentat kif ġej:

(a) it-taqsima A għandha tinbidel b'dan li ġej:

"A. IL-KRITERJI MINIMI ĠENERALI

1. L-organizzazzjoni rikonoxxuta għandha tkun f'pożizzjoni li turi dokumenti dwar l-esperjenza estensiva fil-valutazzjoni tad-disinn u l-kostruzzjoni tal-bastimenti tal-merkanzija.

2. L-organizzazzjoni għandu jkollha fil-flotta tagħha ta' l-anqas 1 000 bastiment li kapaċi jivvjaġġaw fl-oċeani ('il fuq minn 100 TGR) b'total ta' mhux anqas minn 5 miljun TGR.

3. L-organizzazzjoni għandha timpjega magħha għadd ta' impjegati tekniċi li jkun paragunabbli ma' l-għadd tal-bastimenti klassifikati. Bħala minimu, 100 perit esklussiv huma meħtieġa biex jintlaħqu l-ħtiġiet tal-paragrafu 2.

4. L-organizzazzjonij għandu jkollha regoli u regolamenti komprensivi għad-disinn, il-kostruzzjoni u l-perizja kull tant żmien tal-bastimenti tal-merkanzija, ippublikati u kontinwament aġġornati u mtejba permezz ta' riċerka u programmi ta' żvilupp.

5. L-organizzazzjoni għandha tara li r-reġistru tagħha tal-bastimenti jiġi ppublikat ta' kull sena jew jinżamm f'bażi elettronika aċċessibbli għall-pubbliku.

6. L-organizzazzjoni m'għandhiex tkun ikkontrollata minn proprjetarji jew bennejja tal-bastimenti jew minn oħrajn li jkunu involuti kummerċjalment fil-manifattura, fit-tagħmir, fit-tiswija jew fl-operazzjoni tal-bastimenti. L-organizzazzjoni m'għandhiex tkun sostanzjalment dipendenti fuq intrapriża kummerċjali waħda għad-dħul tagħha. L-organizzazzjoni rikonoxxuta m'għandhiex twettaq xogħol statutorju jekk dan ikun identiku ma' jew ikollu rabtiet kummerċjali, personali jew familjari mal-proprjetarju jew ma' l-operatur tal-bastiment. Din l-inkompatibilità għandha tgħodd għall-periti impjegati ma' l-organizzazzjoni rikonoxxuta.

7. L-organizzazzjoni għandha topera skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness li jinsab mar-Riżoluzzjoni IMO A.789(19) dwar l-ispeċifiċi tal-perizja u l-funzjonijiet ta' ċertifikazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaġixxu għan-nom ta' l-amministrazzjoni, safejn dawn ikunu jkopru kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Direttiva."

(b) fit-taqsima B:

(i) it-titolu għandu jinbidel b'dan li ġej

"B. IL-KRITERJI SPEĊIFIĊI MINIMI"

;

(ii) il-paragrafi 4, 5, 6, 7 u 9 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

"4. L-organizzazzjoni tkun lesta li tipprovdi t-tagħrif rilevanti lill-amministrazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati.

5. L-amministrazzjoni ta' l-organizzazzjoni iddefiniet u ddokumentat il-politika u l-oġġettivi tagħha kif ukoll l-impenn tagħha favur il-kwalità u żgurat li din il-politika tkun tiftiehem, tiġi implimentata u tinżamm fil-livelli kollha ta' l-organizzazzjoni. Il-politika ta' l-organizzazzjoni għandha tkun tirreferi għall-miri u l-indikaturi ta'l-osservanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis.

6. L-organizzazzjoni żviluppat, implimentat u ssostni sistema interna effettiva ta' kwalità bbażata fuq l-partijiet adattati ta' normi ta' kwalità internazzjonalment rikonoxxuti b'konformità ma' l-EN 45004 (il-korpi ta' l-ispezzjoni) u ma' l-EN 29001, kif interpretati mill-ħtiġijiet ta' l-Iskema taċ-Ċertifikazzjoni ta' Sistemi ta' Kwalità IACS, u li, inter alia, jiżguraw li:

(a) ir-regoli u r-regolamenti ta' l-organizzazzjoni jiġu stabbbiliti u miżmuma b'mod sistematiku;

(b) ir-regoli u r-regolamenti ta' l-organizzazzjoni jiġu mħarsa u sistema interna biex titkejjel il-kwalità tas-servizz b'relazzjoni ma' dawn ir-regoli u r-regolamenti tibda tiffunzjona;

(ċ) il-ħtiġiet tax-xogħol statutorju li għalih l-organizzazzjoni tkun ġiet awtorizzata jiġu mħarsa u sistema interna għall-kejl tal-kwalità tas-servizz relatata mal-konformità rigward il-konvenzjonijiet internazzjonali tibda titħaddem;

(d) ir-responsabbiltajiet, l-awtoritajiet u l-interrelazzjoni ta' l-impjegati li x-xogħol tagħhom jeffettwa l-kwalità tas-servizzi ta' l-organizzazzjoni jiġu definiti u dokumentati;

(e) ix-xogħol kollu jitwettaq taħt kondizzjonijiet kontrollati;

(f) titwaqqaf sistema ta' sorveljanza li tissorvelja l-azzjonijiet u x-xogħol imwettaq mill-periti u l-ħaddiema tekniċi u amministrattivi impjegati direttament mill-organizzazzjoni;

(g) il-ħtiġiet tax-xogħol statutorju li għalih l-organizzazzjoni tkun awtorizzata jitwettqu biss mill-periti esklussivi tagħha jew mill-periti esklussivi ta' organizzazzjonijiet oħra rikonoxxuti; fil-każi kollha, il-periti esklussivi għandu jkollhom teknika estensiva tat-tip partikolari tal-bastiment li fuqu jwettqu ix-xogħol statutorju kif rilevanti għal-perizja partikolari u l-ħtiġiet rilevanti applikabbli li għandhom jitwettqu;

(h) tiġi implimentata sistema għall-kwalifika tal-periti u l-aġġornament kontinwu tal-kapaċità tagħhom;

(i) jinżammu rekords, li juru l-ilħuq tan-normi meħtieġa fil-kwistjonijiet koperti mis-servizzi mwettqa, kif ukoll it-tħaddim effettiv tas-sistema tal-kwalità;

(j) tinżamm sistema komprensiva ta' verifika interna pjanata u dokumentata dwar l-attivitajiet relatati mal-kwalità fil-lokalitajiet kollha;

(k) il-perizji u l-ispezzjonijiet statutorji meħtieġa mis-Sistema Armonizzata tal-Perizja u ċ-Ċertifikazzjoni li għalihom l-organizzazzjoni hija awtorizzata isiru skond id-dispożizzjoni stabilita fl-Anness u l-Appendiċi li jinsabu mar-Riżoluzzjoni IMO A.746(18) fuq il-Linji Gwida dwar il-Perizji taħt is-Sistema Armonizzata tal-Perizji u ċ-Ċertifikazzjoni;

(l) jiġu stabbiliti linji ċari u diretti dwar ir-responsabbiltà u l-kontroll bejn l-uffiċċji ċentrali u dawk reġjonali tas-soċjetà u bejn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti u l-periti tagħhom.

7. L-organizzazzjoni għandha turi ħila:

(a) biex tiżviluppa u żżomm aġġornat sett sħiħu adegwat tar-regoli u r-regolamenti tagħha dwar il-buq, il-makkinarju u l-apparat ta' l-elettriku u tal-kontroll li jkollu l-kwalità tan-normi tekniċi rikonoxxuti internazzjonalment li fuq il-bażi tagħhom ikunu jistgħu jinħarġu ċ-Ċertifikati tas-Sigurtà tal-Konvenzjoni SOLAS u tal-Bastimenti tal-Passiġġieri (rigward l-adegwatezza ta' l-istruttura tal-bastiment u tas-sistemi essenzjali ta' makkinarju shipboard) u ċertifikati ta' Linja ta' Tagħbija (rigward l-adegwatezza tas-saħħa tal-bastiment);

(b) biex jagħmlu l-ispezzjonijiet u l-perizji kollha meħtieġa mill-konvenzjonijiet internazzjonali għall-ħruġ ta' ċertifikati, inklużi l-mezzi meħtieġa għall-valutazzjoni - permezz ta' l-użu ta' impjegati professjonali kkwalifikati u skond id-dispożizzjonijiet stabiliti fl-Anness li jinsab mar-Riżoluzzjoni IMO A.788(19) dwar il-linji gwida fuq l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali għall-Amministrazzjoni tas-Sigurtà (ISM) mill-amministrazzjonijiet - l-applikazzjoni u ż-żamma tas-sistema amministrattiva ta' sigurtà, kemm dik ibbażata fl-art kif ukoll dik fuq il-bastimenti, maħsuba li tkun koperta fiċ-ċertifikazzjoni.";

"9. L-organizzazzjoni għandha tippermetti l-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tar-regoli u/jew tar-regolamenti tagħha mir-rappreżentanti ta' l-amministrazzjoni u tal-partijiet l-oħra kkonċernati."

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-22 ta' Lulju 2003. Dawn għandhom minnufih javżaw b'dan lill-Kummissjoni.

2. Fejn l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu kif għandha ssir dik ir-referenza.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li għandhom jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Diċembru 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

A. Neyts-Uyttebroeck

[1] GU C 212 E, tal-25.7.2000, p. 114 u ĠU C 154 E, tad-29.5.2001, p. 51.

[2] ĠU C 14, tas-16.1.2001, p. 22.

[3] ĠU C 22, ta' l-24.1.2001, p. 19.

[4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2000. (ĠU C 228, tat-3.8.2001, p. 150), Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 (ĠU C 101, tat-30.3.2001, p. 1), u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta l-24 ta' Ottubru 2001 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2001.

[5] ĠU L 319, tat-12.12.1994, p. 20. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/58/KE (ĠU L 274, 7.10.1997, p. 8).

[6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

Top