This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32000R1673
Council Regulation (EC) No 1673/2000 of 27 July 2000 on the common organisation of the markets in flax and hemp grown for fibre
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2000 tas-27 ta' Lulju 2000 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-kittien u tal-qanneb imkabbra għall-ħjut
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2000 tas-27 ta' Lulju 2000 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-kittien u tal-qanneb imkabbra għall-ħjut
ĠU L 193, 29.7.2000, pp. 16–22
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)
No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2008; Imħassar b' 32007R1234
Official Journal L 193 , 29/07/2000 P. 0016 - 0022
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2000 tas-27 ta' Lulju 2000 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-kittien u tal-qanneb imkabbra għall-ħjut IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilbixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 36 u 37 tiegħu; Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4], Billi: (1) Il-ħidma u l-iżvilupp tas-suq komuni għall-prodotti agrikoli għandhom ikunu akkumpanjati bl-istabbiliment ta' politika komuni agrikola. Din il-politika trid tinkludi, b'mod partikolari, l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli li jistgħu jieħdu għamliet varji, skond il-prodott. (2) L-għan tal-politika komuni agrikola huwa li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fit-Trattat. Fil-każ tal-kittien u tal-qanneb imkabbra għall-ħjut, b'żieda mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet skond l-erja fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1251/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 li jistabbilixxi sistema ta' appoġġ għall-produtturi dwar ċerti uċuħ tar-raba' [5], huma meħtieġa miżuri sabiex jirregolaw is-suq intern, inkluża l-għajnuna lill-proċessuri primarji tal-kittien u tal-qanneb jew lill-bdiewa li jkollhom it-tiben ipproċessat bl-ispejjeż tagħhom infushom. (3) Sabiex jiġi żgurat illi l-kittien u l-qanneb jiġu attwalment ipproċessati, l-għotja ta' l-għajnuna għandha tkun bla ħsara għal ċerti kondizzjonijiet, b'mod partikolari l-awtorizzazzjoni tal-proċessuri primarji u l-ħtieġa illi dawn il-proċessuri jixtru t-tiben fuq kuntratt. Bl-istess mod, sabiex ikun ikkumbattut kull abbuż potenzjali, l-għajnuna għall-proċessar trid tingħata biss fuq il-bażi tal-proċessar tat-tiben, jew fuq il-bażi ta' l-użu tal-ħjut fis-suq jekk il-bidwi jkollu t-tiben ipproċessat f'ismu. (4) Sabiex jiġi pprevenut l-użu mhux xieraq tal-fondi Komunitàrji, l-ebda għajnuna ma għandha tingħata lill-proċessuri primarji jew lill-bdiewa misjuba li jkunu ħolqu b'mod artifiċjali l-kondizzjonijiet biex jirċievu l-għajnuna, biex b'hekk igawdu vantaġġ li ma jikkonformax ma' l-għanijiet ta' l-iskema ta' appoġġ dwar il-proċessar tat-tiben. (5) Għar-raġuni tad-differenzi bejn is-suq tal-ħjut twila tal-kittien u s-suq tal-ħjut qasira tal-kittien u l-ħjut tal-qanneb, l-għajnuna għandha tkun iddifferenzjata skond liema miż-żewġ tipi ta' ħjut tinkiseb. Sabiex ikun żgurat li appoġġ ġenerali huwa biżżejjed għalbiex isostni l-produzzjoni tradizzjonali tal-ħjut t-twal tal-kittien f'kondizzjonijiet simili għal dawk ipprovduti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1308/70 ta' l-4 ta' Lulju 1970 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-kittien u tal-qanneb [6], l-għajnuna għandha tiżdied b'mod gradwali sabiex tikkumpensa għat-tnaqqis gradwali fl-għajnuna għall kull ettaru mħallas lil dawk li jkabbru skond ir-Regolament (KE) Nru 1251/1999 u, fl-aħħarnett, l-abolizzjoni ta' l-għajnuna għall-ħjut qasira tal-kittien. L-għajnuna għall-ħjut qasira tal-kittien u l-ħjut tal-qanneb għandha tiġi stabbilita f'livell illi jrid jagħti prodotti ġodda u żmien biżżejjed lill-postijiet potenzjali tal-bejgħ tagħhom biex jilħqu l-ekwilibrju. Sabiex tittmexxa 'l quddiem il-produzzjoni tal-ħjut qasira tal-kittien u tal-ħjut tal-qanneb ta' kwalità għolja, għandha ssir dispożizzjoni għal perċentwali massima ta' impuritajiet u ta' soddied, flimkien ma' dispożizzjonijiet transitorji sabiex jgħinu lill-industrija tal-proċessar li taddatta ruħha għal din il-ħtieġa. (6) Sabiex jitqies l-istatus speċjali tal-kittien tradizzjonali f'ċerti Żoni fl-Olanda, fil-Belġju u fi Franza, għandha tingħata għajnuna transitorja addizzjonali lill-proċessuri primarji tat-tiben rigward iż-żoni in kwistjoni. (7) Sabiex tiġi pprevenuta kull żieda bi frodi fil-kwantitajiet eliġibbli għall-għajnuna, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kwantitajiet massimi fuq il-bażi taż-żoni li t-tiben tagħhom ikun bla ħsara għall-kuntratti tal-proċessar jew l-impenji. (8) Sabiex jinżammu baxxi l-ispejjeż li jintefqu fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandu jiddaħħal mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għaż-żewġ tipi ta' ħjut miksuba, jiġifieri l-ħjut it-twal tal-kittien u l-ħjut il-qosra tal-kittien u l-ħjut tal-qanneb. Sabiex ikunu żgurati livelli raġjonevoli tal-produzzjoni f'kull Stat Membru, għandha tiġi stabbilita l-kwantità massima ggarantita għaż-żewġ tipi ta' ħjut, li għandha tiġi mqassma bejn l-Istati Membri bħala kwantitajiet nazzjonali ggarantiti. Madankollu, l-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti għandhom jiġu stabbiliti għall-ħjut il-qosra tal-kittien u għall-ħjut tal-qanneb biss għaż-żmien meħtieġ sabiex jippermetti l-aġġustament tal-ġodda jaġġustaw mas-suq. Il-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti jridu japplikaw għall-għajnuna tal-proċessar u ma jridux jaffettwaw is-sistema mdaħħla permezz tar-Regolament (KE) Nru 1251/1999. Il-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti għandhom jiġu ffissati meta jitqiesu b'mod partikolari l-aktar Żoni riċenti medji li jkabbru l-ħjut tal-kittien u tal-qanneb, aġġustati kif meħtieġ sabiex jirriflettu ż-żoni attwali tal-produzzjoni, immoltiplikati bil-medja tal-ħsada tal-ħjut. Rigward l-Istati Membri li l-produzzjoni preżenti tagħhom hija baxxa, għandha ssir dispożizzjoni sabiex tiġi mqassma f'porzjonijiet kwantità komuni għal kull sena tas-suq sabiex tippermettilhom li jaddattaw u jiżviluppaw il-produzzjoni tagħhom. (9) Biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jagħmlu l-aġġustamenti bejn il-kwantitajiet hekk miksuba, għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-trasferimenti bejn il-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti allokati lil kull wieħed minnhom. Kull trasferiment minn dan għandu jitwettaq fuq il-bażi ta' koeffiċjent li jiżgura l-ekwivalenza fl-estimi finanzjarji. (10) L-Istati Membri produtturi jridu jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-arranġamenti għall-għoti ta' l-għajnuna jaħdmu mingħajr skossi. Barra minn dan, minħabba ż-żmien meħtieġ sabiex jiġi pproċessat it-tiben kollu maħsud f'sena waħda tas-suq, għandha ssir dispożizzjoni għall-ħlas bil-quddiem bħala miżura ta' verifika. (11) Meħud bħala ħaġa waħda, ir-reġim li jirregola l-kummerċ ma' pajjiżi terzi jagħmilha possibbli li ma jintużawx ir-restrizzjonijiet kwantitattivi u t-taxxi imposti fuq il-fruntieri esterni tal-Komunità. Madankollu, f'ċirkostanzi eċċezzjonali dan il-mekkaniżmu jista' jirriżulta difettuż. F'dawn il-każijiet, sabiex is-suq tal-Komunità ma jitħalliex mingħajr difiża kontra d-disturbi li jistgħu jinqalgħu, il-Komunità għandha tkun kapaċi tieħu l-miżuri kollha meħtieġa mingħajr dewmien. Dawn il-miżuri kollha għandhom jikkonformaw ma' l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehimijiet ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ rigward l-agrikoltura [7]. (12) Sabiex jiġi pprevenut illi l-uċuħ illeċiti tar-raba' jiddisturbaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-qanneb għall-ħjut, għandhom isiru dispożizzjonijiet li jagħmlu kontrolli fuq l-importazzjonijiet tal-qanneb u taż-żerriegħa tal-qanneb sabiex jiġi żgurat illi dawn il-prodotti joffru ċerti garanziji rigward il-kontenut tat-tetraidrokannabinol. B'żieda ma' dan, l-importazzjonijet taż-żerriegħa tal-qanneb maħsuba għal użi oħra għajr iż-żrigħ għandhom ikunu bla ħsara għal sistema ta' kontroll li tagħmel dispożizzjonijiet għal sistema li tawtorizza l-importaturi interessati. (13) Hekk kif is-suq tal-kittien u tal-qanneb imkabbra għall-ħjut jiżviluppa maż-żmien, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiskambjaw it-tagħrif meħtieġ sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament. (14) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [8]. (15) L-ispiża miġrura mill-Istati Membri bħala riżultat ta' l-obbligi li joħorġu mit-tħaddim ta' dan ir-Regolament għandha tiġi ffinanzjata mill-Komunità skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [9]. (16) Għalkemm l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-kittien u tal-qanneb kif iddefiniti fir-Regolament (KEE) Nru 1308/70 ġiet emendata ħafna drabi, madankollu dan ir-Regolament ma għadux jirrifletti l-bidliet kbar illi dan is-settur għadda minnhom. Minħabba dan, ir-Regolament (KEE) Nru 1308/70 u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 619/71 tat-22 ta' Marzu 1971 li jistabbilixxu r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna għall-kittien u għall-qanneb [10] għandhom jiġu mħassra. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 620/71 tat-22 ta' Marzu 1971 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kuntratti dwar il-bejgħ tat-tiben tal-kittien u tal-qanneb [11], ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1172/71 tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar l-għajnuna għall-ħażna privata tal-ħjut tal-kittien u tal-qanneb [12], ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1430/82 tat-18 ta' Mejju 1982 li jipprovdi restrizzjonijiet dwar l-importazzjoni tal-qanneb u taż-żerriegħa tal-qanneb u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1308/70 dwar il-qanneb [13] u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2059/84 tas-16 ta' Lulju 1984 li jipprovdi r-regoli ġenerali dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-qanneb u ż-żerriegħa tal-qanneb u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 619/71 dwar il-qanneb [14], li huma msejsa fuq ir-Regolamenti (KEE) Nru 1308/70 u (KEE) Nru 619/71, għandhom jiġu mħassra u mibdula bid-dispożizzjonijiet ġodda f'dan ir-Regolament. (17) Il-bidla mill-arranġamenti fir-Regolament (KEE) Nru 1308/70 għal dawk f'dan ir-Regolament jistgħu jwasslu għal diffikultajiet illi mhumiex ittrattati f'dan ir-Regolament. Sabiex tiġi ttrattata din l-eventwalità, għandha ssir dispożizzjoni sabiex il-Kummissjoni tadotta l-miżuri transitorji meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha wkoll tkun awtorizzata illi ssolvi problemi prattiċi speċifiċi. (18) Wara li tiġi kkonsidrata d-data li fiha dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, għandhom isiru dispożizzjonijiet dwar miżuri speċjali għas-sena tas-suq 2000/2001. Għal dan l-għan, is-sistema fis-seħħ matul is-sena tas-suq 1999/2000 għandha tibqa' tapplika sat-30 ta' Ġunju 2001. Madankollu, l-ammonti ta' għajnuna għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-bilanċi fl-Estimi malli ż-żoni fil-kwistjoni jiġu stmati b'mod affidabbli, u l-ammont miżmum għall-finanzjament tal-miżuri li jippromwovu l-użu tal-ħjut tal-kittien għandu jiġi stabbilit bħala żero. (19) Sabiex jiġu evalwati l-effetti tal-miżuri l-ġodda, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapporti li jirrigwardaw, fuq in-naħa l-waħda, fis-sena 2003 il-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti u l-livell massimu ta' l-impuritajiet u tat-twarrib fil-ħjut il-qosra tal-kittien u l-ħjut tal-qanneb, u, fuq in-naħa l-oħra, fis-sena 2005 l-impatt ta' l-għajnuna għall-proċessar u l-għajnuna supplimentari għall-produtturi u s-swieq, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. L-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-kittien u tal-qanneb imkabbra għall-ħjut għandha tinkludi arranġamenti li jirregolaw is-suq intern u l-kummerċ ma' pajjiżi terzi. Din għandha tapplika għall-prodotti li ġejjin: Kodiċi tan-NK | Deskrizzjoni | 5301 | Kittien, mhux maħdum jew ipproċessat imma mhux minsuġ; stoppa tal-kittien u Skart tal-kittien (inkluæ l-iskart mill-ħjut u mill-ħaæna ggarnettjata (garneted) | 5302 | Qanneb veru (Cannabis sativa L.) mhux maħdum jew ipproċessat iæda mhux minsuġ; stoppa u skart tal-qanneb veru (inkluæi l-iskart mill-ħjut u l-ħaæna ggarnettjata) | 2. Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament: (a) "bidwi" ifisser il-bdiewa kif iddefiniti fl-Artikolu 10(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 li jistabbilixxi r-regoli komuni għall-iskemi ta' appoġġ dirett skond il-politika komuni agrikola [15]; (b) "proċessur primarju awtorizzat" ifisser persuna naturali jew legali jew grupp ta' persuni naturali jew legali, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom skond il-liġijiet nazzjonali, jew dak tal-membri tiegħu, li jkunu ġew awtorizzati mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Memru li fit-territorju tiegħu jkunu lokati l-faċilitajiet tagħhom biex jipproduċu l-ħjut jew tal-kittien jew tal-qanneb. 3. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-miżuri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1251/1999. TITOLU I Is-suq intern Artikolu 2 1. Għandha tiddaħħal għajnuna għall-proċessar tat-tiben tal-kittien u tal-qanneb imkabbra għall-ħjut. L-għajnuna għandha tingħata lill-proċessuri primarji awtorizzati fuq il-bażi tal-kwantità ta' ħjut attwalment miksuba mit-tiben li għaliha jkun ġie konkluż kuntratt tal-bejgħ/xiri ma' bidwi. Madankollu: (a) fil-każijiet fejn il-proċessur primarju awtorizzat u l-bidwi huma l-istess persuna, il-kuntratt tal-bejgħ/xiri għandu jiġi mibdul b'impenn mill-parti interessata li hija nfisha twettaq il-proċessar; (b) fil-każijiet fejn il-bidwi jżomm il-pussess tat-tiben li hu jkun qiegħed jiġi pproċessat fuq kuntratt minn proċessur primarju awtorizzat u jipprova illi jkun ħareġ fis-suq il-ħjut miksuba, l-għajnuna għandha tingħata lill-bidwi. 2. L-ebda għajnuna ma għandha titħallas lill-proċessuri primarji awtorizzati jew lill-bdiewa li jinstab li jkunu ħolqu b'mod artifiċjali l-kondizzjonijiet sabiex jirċievu l-għajnuna, biex b'hekk igawdu vantaġġ li ma jikkonformax ma' l-għanijiet ta' din l-iskema. 3. L-ammont ta' l-għajnuna għall-proċessar fuq kull tunnellata metrika ta' ħjut għandu jiġi stabbilit kif ġej: (a) għall-ħjut it-twal tal-kittien: - EUR 100 għas-sena tas-suq 2001/2002, - EUR 160 għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006, - EUR 200 mis-sena tas-suq 2006/2007 'il quddiem. (b) għall-ħjut il-qosra tal-kittien u l-ħjut tal-qanneb li jkunu fihom mhux aktar minn 7,5 % ta' impuritajiet u ta' twarrib: EUR 90 għas-snin tas-suq mill-2001/2002 sa l-2005/2006. Madankollu għas-snin tas-suq mill-2001/2002 sa l-2003/2004, l-Istat Membru jista', b'referenza għall-postijiet tal-bejgħ tradizzjonali, jiddeċiedi wkoll illi jagħti l-għajnuna: - għall-ħjut il-qosra tal-kittien li jkun fihom perċentwali ta' impuritajiet u ta' twarrib ta' bejn is-7,5 % u l-15 %, - għall-ħjut tal-qanneb li jkun fihom perċentwali ta' impuritajiet u ta' twarrib ta' bejn is-7,5 % u l-25 %. F'dawn il-każijiet, l-Istat Membru għandu jagħti l-għajnuna rigward tal-kwantità li tammonta għal mhux aktar mill-kwantità prodotta, fuq il-bażi ta' 7.5 % ta' impuritajiet u ta' twarrib. 4. Il-kwantitajiet tal-ħjut eliġibbli għall-għajnuna għandhom ikunu limitati fuq il-bażi taż-żoni li kienu bla ħsara għall-wieħed mill-kuntratti jew l-impenji riferiti fil-paragrafu 1. Il-limiti riferiti fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu ffissati mill-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti riferiti fl-Artikolu 3. 5. Fuq it-talba tal-proċessuri primarji awtorizzati, għandu jitħallas avvanz fuq l-għajnuna fuq il-bażi tal-kwantità tal-ħjut miksuba. Artikolu 3 1. Għandha tiġi stabbilita kwantità massima ggarantita ta' 75250 tunnellata metrika kull sena tas-suq għall-ħjut it-twal tal-kittien u mqassma f'porzjonijiet bejn l-Istati Membri kollha bħala kwantitajiet nazzjonali ggarantiti. Din il-kwantità għandha tiġi mqassma f'porzjonijiet kif ġej: - 13800 tunnellata metrika għall-Belġju, - 300 tunnellata metrika għall-Ġermanja, - 50 tunnellata metrika għal Spanja, - 55800 tunnellata metrika għal Franza, - 4800 tunnellata merika għall-Olanda, - 150 tunnellata metrika għall-Awstrija, - 50 tunnellata metrika għall-Portugall, - 200 tunnellata metrika għall-Finlandja, - 50 tunnellata metrika għall-Isvezja, - 50 tunnellata metrika għar-Renju Unit. 2. Għandha tiġi stabbilita kwantità massima ggarantita ta' 135900 tunnellata metrika għal kull sena tas-suq għall-ħjut il-qosra tal-kittien u l-ħjut tal-qanneb li għalihom tista' tingħata l-għajnuna. Din il-kwantità għandha tiġi mqassma f'porzjonijiet fl-għamla ta': (a) kwantitajiet nazzjonali ggarantiti għall-Istati Membri li ġejjin: - 10350 tunnellata metrika għall-Belġju, - 12800 tunnellata metrika għall-Ġermanja, - 20000 tunnellata merika għal Spanja, - 61350 tunnellata metrika għal Franza, - 5550 tunnellata metrika għall-Olanda, - 2500 tunnellata metrika għall-Awstrija, - 1750 tunnellat metrika għall-Portugall, - 2250 tunnellata metrika għall-Finlandja, - 2250 tunnellata metrika għall-Isvezja, - 12100 tunnellata metrika għar-Renju Unit. (b) 5000 tunnellata metrika li għandhom jiġu mqassma f'porzjonijiet fi kwantitajiet nazzjonali ggarantiti għal kull sena tas-suq bejn id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja u l-Lussemburgu. Dan it-tqassim f'porzjonijiet għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi taż-żoni li kienu bla ħsara għal wieħed mill-kuntratti jew impenji riferiti fl-Artikolu 2(1). Il-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti għall-ħjut il-qosra tal-kittien u l-ħjut tal-qanneb, imnaqqsa fejn japplika skond il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, ma għandhomx jissoktaw japplikaw mis-sena tas-suq 2006/2007. 3. Fil-każijiet fejn il-ħjut miksuba f'wieħed mill-Istati Membri toriġina minn tiben prodott fi Stat Membru ieħor, il-kwantitajiet tal-ħjut fil-kwistjoni għandhom jiġu kkumpensati skond il-kwantità nazzjonali ggarantita ta' l-Istat Membru li fih it-tiben kien maħsud. L-għajnuna għandha titħallas mill-Istat Membru li għall-kwantità nazzjonali ggarantita tiegħu jkun sar dan il-kumpens. 4. L-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan jistgħu jittrasferixxu bejniethom, fuq il-bażi ta' darba waħda biss qabel it-30 ta' Ġunju 2001, parti mill-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti tagħhom riferiti fil-paragrafi 1 jew 2, aġġustati jekk meħtieġ skond il-paragrafu 5. F'dawn il-każijiet, dawn għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, li għandha tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq 5. Kull Stat Membru jista' jittrasferixxi parti mill-kwantità nazzjonali ggarantita tiegħu kif riferita fil-paragrafu 1 lill-kwantità nazzjonali ggarantita tiegħu kif riferita fil-paragrafu 2 u bil-maqlub. It-trasferimenti riferiti fl-ewwel subparagrafu għandhom isiru fuq il-bażi ta' l-ekwivalenza ta' tunnellata metrika tal-ħjut it-twal tal-kittien għal 2,2 tunnellati metriċi tal-ħjut il-qosra tal-kittien u l-ħjut tal-qanneb. L-għajnuna għall-proċessar għandha tingħata biss rigward il-kwantitajiet riferiti fil-paragrafi 1 u 2, rispettivament, aġġustati skond l-ewwel żewġ subparagrafi ta' dan il-paragrafu u l-paragrafu 4. Artikolu 4 Sas-sena tas-suq 2005/2006, l-għajnuna addizzjonali għandha tingħata lill-proċessur primarju awtorizzat rigward iż-żoni mogħtija għall-kittien fiż-żoni I u II kif deskritt fl-Anness u li l-produzzjoni tat-tiben kienet bla ħsara għal: - kuntratt tal-bejgħ/xiri jew impenn kif riferiti fl-Artikolu 2(1) u - għajnuna għall-proċessar tal-ħjut it-twal. L-ammont ta' l-għajnuna addizzjonali għandu jkun ta' EUR 120 għal kull ettaru fiż-żona I u ta' EUR 50 għal kull ettaru fiż-żona II. TITOLU II Il-kummerċ ma' pajjiżi terzi Artikolu 5 1. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet aktar restrittivi adottati mill-Istati Membri sabiex jikkonformaw mat-Trattat u ma' l-obbligi li joħorġu mill-ftehim ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. 2. L-importazzjonijiet kollha tal-qanneb minn pajjiżi terzi għandhom ikunu bla ħsara għall-ħruġ ta' liċenzja sakemm jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin: - il-qanneb veru mhux maħdun li jinsab fil-kodiċi tan-NK 53021000 għandu jikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5a tar-Regolament (KE) Nru 1251/1999, - iż-żrieragħ tal-varjetajiet tal-qanneb koperti bil-kodiċi tan-NK 12079910 għaż-żrigħ għandhom ikunu akkumpanjati minn xhieda illi l-livell tat-tetraidrokannabinol ma jaqbiżx lil dak stabbilit skond l-Artikolu 5a tar-Regolament (KE) Nru 1251/1999, - iż-żrieragħ tal-qanneb għajr dawk għaż-żrigħ, li jinsabu fil-kodiċi tan-NK 12079991 jistgħu jiġu importati biss minn importaturi awtorizzati mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat illi dawn iż-żrieragħ ma jkunux maħsuba għaż-żrigħ. L-importazzjonijiet ġewwa l-Komunità tal-prodotti speċifikati fl-ewwel u t-tieni inċiżi għandhom ikunu bla ħsara għal kontrolli sabiex jiġi stabbilit jekk it-termini ta' dan l-Artikolu jkunux ġew imħarsa. Artikolu 6 Għajr jekk ipprovdut b'mod ieħor f'dan ir-Regolament jew fid-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tiegħu, dawn li ġejjin għandhom ikunu pprojbiti fil-kummerċ ma' pajjiżi terzi: - l-imposta ta' kull piż li jkollu l-effett ekwivalenti għad-dazju tad-dwana, - l-applikazzjoni ta' kull restrizzjoni jew miżura kwantitattivi li jkollhom effett ekwivalenti. Artikolu 7 1. Jekk, minħabba l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet, is-suq Komunitarju f'wieħed jew aktar mill-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1) jiġu affettwati, jew ikunu ipperikolati b'disturb serju li x'aktarx jippreġudika l-kisba ta' l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 33 tat-Trattat, jistgħu jiġu applikati miżuri xieraqa fil-kummerċ ma' pajjiżi terzi sakemm ikunu waqqfu dan id-disturb jew dan il-perikolu għalihom. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalilfikata, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta regoli ġenerali sabiex japplika dan il-paragrafu u għandu jiddefinixxi ċ-ċirkostanzi u l-limiti li fihom l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri protettivi. 2. Jekk tinħoloq is-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, fuq it-talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa, li għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri u japplikaw minnufih. Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, għandha tieħu deċiżjoni dwarha fi żmien tlett ijiem tax-xogħol wara li tkun irċeviet it-talba. 3. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista' tiġi riferita lill-Kunsill minn kull Stat Membru fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mill-jum li fih tiġi nnotifikata. Il-Kunsill għandu jiltaqa' mingħajr dewmien. Jista', waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jemenda jew iħassar il-miżura fil-kwistjoni fi żmien xahar wara l-jum li fih din tkun ġiet riferita lill-Kunsill. 4. Dan l-Artikolu għandu jiġi applikat fikwaqt li jitqiesu l-obbligi li joħorġu mill-ftehim konklużi f'konformità ma' l-Artikolu 300(2) tat-Trattat. TITOLU III Dispożizzjonijiet ġenerali Artikolu 8 Għajr fejn ipprovdut xorta oħra f'dan ir-Regolament l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat għandhom japplikaw għall-produzzjoni tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament u għall-kummerċ fihom. Artikolu 9 Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament li jkollhom x'jaqsmu mal-materji riferiti hawn taħt għandhom jiġu adottati skond il-proċedura tal-maniġġjar riferita fl-Artikolu 10(2). Dawn għandhom jinkludu, b'mod partikolari: - il-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-proċessuri primarji, - il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu mħarsa mill-proċessuri primarji approvati rigward il-kuntratti tal-bejgħ/xiri u l-impenji riferiti fl-Artikolu 2 (1), - il-ħtiġiet li għandhom ikunu mħarsa mill-bdiewa fil-każ riferit fl-Artikolu 2(1)(b), - il-kriterji li jridu jintlaħqu, l-ewwelnett, mill-ħjut it-twal tal-kittien u, it-tieninett, mill-ħjut il-qosra tal-kittien u l-ħjut tal-qanneb, - il-metodi għalbiex jiġu kkalkolati l-kwantitajiet eliġibbli għall-għajnuna fil-każijiet riferiti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 2(3)(b), - il-kondizzjonijiet għall-għotja ta' l-għajnuna u l-ħlas bil-quddiem, u b'mod partikolari l-prova dwar il-proċessar tat-tiben, - il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu mħarsa sabiex jiġu stabbiliti l-limiti riferiti fl-Artikolu 2(4), - it-tqassim f'porzjonijiet tal-kwantità ta' 5000 tunnellata metrika riferita fl-Artikolu 3(2)(b), - il-kondizzjonijiet għat-trasferiment bejn il-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti riferiti fl-Artikolu 3(5), - il-kondizzjonijiet għall-għoti ta' l-għajnuna addizzjonali riferita fl-Artikolu 4. Dawn il-miżuri jistgħu jirrigwardaw ukoll il-miżuri kollha ta' spezzjon meħtieġa sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji Komunitarji kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra. Artikolu 10 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Maniġerjali tal-Ħjut Naturali (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat"). 2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahar. 3. Il-Kumitat jista' jeżamina kull kwistjoni mqajma mill-President tiegħu, jew fuq l-inizzjattiva ta' dan ta' l-aħħar jew fuq it-talba ta' rappreżentant ta' Stat Membru. 4. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura. Artikolu 11 Ir-Regolament (KE) Nru 1258/1999 u d-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tiegħu għandhom japplikaw għall-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 (1) ta' dan ir-Regolament. TITOLU IV Dispożizzjonijiet transitorji u finali Artikolu 12 1. Għas-sena tas-suq 2000/2001, l-ammonti ta' l-għajnuna għall-kittien u l-qanneb prodotti fil-Komunità għandhom jiġu stabbiliti mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2000 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(2). Dawn l-ammonti għandhom jiġu stabbiliti bl-applikazzjoni għall-ammonti fis-seħħ għas-sena tas-suq 1999/2000 ta' koeffiċjent egwali għall-proporzjon bejn - l-ispiża medja fuq kull ettaru li tikkorrispondi għal EUR 88 miljun għaż-żoni kollha li jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet taż-żrigħ, u - l-ispiża medja ta' EUR 721 fuq kull ettaru stmat għas-sena tas-suq 1999/2000. Madankollu, l-ammonti ta' l-għajnuna għas-sena tas-suq 2000/2001 ma jistgħux jaqbżu dawk stabbiliti għas-sena tas-suq 1999/2000. 2. Għas-sena tas-suq 2000/2001, l-ammont li għandu jinżamm mill-għajnuna għall-kittien biex jiġu ffinanzjati l-miżuri li jippromwovu l-użu tal-ħjut tal-kittien huwa stabbilit għal EUR 0 fuq kull ettaru. 3. Is-sena tas-suq 2000/2001 għandha tintemm fit-30 ta' Ġunju 2001. Artikolu 13 Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1308/70, (KEE) Nru 619/71, (KEE) Nru 620/71, (KEE) Nru 1172/71, (KEE) Nru 1430/82 u (KEE) Nru 2059/84 għandhom jiġu mħassra mill-1 ta' Lulju 2001. Artikolu 14 Il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 10(2): - il-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilitaw it-transizzjoni mill-arranġamenti stabbiliti fir-Regolamenti (KEE) Nru 1308/70 u (KEE) Nru 619/71 għal dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament, - il-miżuri meħtieġa sabiex jirriżolvu problemi prattiċi speċifiċi. Dawn il-miżuri, jekk ikunu ġġustifikati kif jixraq, jistgħu jidderogaw minn ċerti partijiet ta' dan ir-Regolament. Artikolu 15 1. Mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2003, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jekk meħtieġ akkumpanjat bi proposti, dwar ix-xejriet tal-produzzjoni fi Stati Membri varji u dwar l-impatt tar-riforma ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq fuq il-postijiet tal-bejgħ u l-vijabbiltà ekonomika tas-settur. Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll il-kontenut massimu ta' l-impuritajiet u t-twarrib li japplikaw għall-ħjut il-qosra tal-kittien u l-ħjut tal-qanneb. Jekk tinħoloq il-ħtieġa, ir-rapport għandu jservi bħala bażi għat-tqassim mill-ġdid f'porzjonijiet tal-kwantitajiet nazzjonali ggarantiti u ż-żieda possibbli f'dan it-tqassim. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tqis il-livell tal-produzzjoni, il-kapaċità tal-proċessar u l-postijiet tal-bejgħ fis-suq. 2. Fis-sena 2005 il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-għajnuna għall-proċessar, jekk ikun meħtieġ akkumpanjat bi proposti. Ir-rapport għandu jinkludi stima ta' l-impatt ta' l-għajnuna għall-proċessar, b'mod partikolari dwar - il-posizzjoni tal-produtturi rigward ż-żoni miżrugħa u l-prezzijiet imħallsa lilhom, - ix-xejriet tas-suq għall-ħjut tessili u l-iżilupp ta' prodotti ġodda, - l-industrija tal-proċessar. Ir-rapport għandu jindika, fid-dawl ta' produzzjoni alternattiva, jekk l-industrija tkunx kapaċi li tiffunzjona mal-linji gwida stabbiliti. Għandu jeżamina wkoll il-possibbiltà li titqiegħed fuq sisien permanenti, lil hinn mis-sena tas-suq 2005/2006, l-għajnuna għall-proċessar fuq kull tunnellata metrika ta' ħjut qosra tal-kittien u ħjut tal-qanneb u għajnuna addizzjonali kull ettaru ta' kittien, kif riferit fl-Artikolu 4. Artikolu 16 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal- Komunitajiet Ewropej. L-Artikoli 1 sa 11 għandhom japplikaw mis-sena tas-suq 2001/2002 'il quddiem. Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1308/70 u (KEE) Nru 619/71 għandhom jissoktaw jiġu applikati rigward is-snin tas-suq 1998/1999, 1999/2000 u 2000/2001. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-27 ta' Lulju 2000. Għall-Kunsill Il-President H. Védrine [1] ĠU C 56 E, tad-29.2.2000, pġ. 19. [2] Opinjoni mogħtija fis- 6 ta’ Lulju 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU J C 140, tat-18.5.2000, pġ. 3. [4] Opinjoni mogħtija fl-14 ta’ Ġunju 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [5] ĠU L 160, tas-26.6.1999, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1672/2000 (ara l-paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali). [6] ĠU L 146, ta’ l-4.7.1970, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2702/1999 (ĠU L 327, ta’ l-14.12.1999, pġ. 7.). [7] ĠU L 336, tat-23.12.1994, pġ. 22. [8] ĠU L 184, tas-17.7.1999, pġ. 23. [9] ĠU L 160, tas-26.6.1999, pġ. 103. [10] ĠU L 72, tas-26.3.1971, pġ. 2. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1420/98 (ĠU L 19, ta’ l-4.7.1998, pġ. 7). [11] ĠU L 72, tas-26.3.1971, pġ. 4. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEC) Nru 713/95 (ĠU L 73, ta’ l-1.4.1995, pġ. 16). [12] ĠU L 123, tal-5.6.1971, pġ. 7. [13] ĠU L 162, tat-12.6.1982, pġ. 27. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 3290/94 (ĠU L 349, tal-31.12.1994, pġ. 105). [14] ĠU L 191, tad-19.7.1984, pġ. 6. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 3290/94. [15] ĠU L 160, tas-26.6.1999, pġ. 113. -------------------------------------------------- ANNESS IŻ-ŻONI ELIĠIBBLI GĦALL-GĦAJNUNA RIFERITA FL-ARTIKOLU 4 ŻONA I 1. It-territorju ta' l-Olanda, 2. Il-communes Belġjani li ġejjin: Assenede, Beveren-Waas, Blankenberge, Bredene, Brugge, Damme, De Haan, De Panne, Diksmuide (għajr Vladslo u Woumen), Gistel, Jabbeke, Knokke-Heist, Koksijde, Lo-Reninge, Middelkerke, Nieuwport, Oostende, Oudenburg, Sint-Gillis-Waas (Meerdonk biss), Sint-Laureins, Veurne and Zuienkerke. ŻONA II 1. Żoni tal-Belġju għajr dawk inklużi fiż-Żona I. 2. Iż-żoni ta' Franza li ġejjin: - id-dipartiment tan-Nord, - id-distretti ta' Béthune, Lens, Calais, Saint-Omer u l-canton ta' Marquise fid-dipartiment ta' Pas-de-Calais, - id-distretti ta' Saint-Quentin u Vervins fid-dipartiment ta' l-Aisne, - id-distrett ta' Charleville-Mézières fid-dipartiment ta' l-Ardennes. --------------------------------------------------