Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000D0244

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000 li temenda d-Deċiżjoni 97/787/KE li tipprovdi għajnuna finanzjarja eċċezzjonali għall-Armenja u l-Ġorġja biex din jestenduha għat-Taġikistan

    ĠU L 77, 28.3.2000, p. 11–12 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2000/244/oj

    32000D0244



    Official Journal L 077 , 28/03/2000 P. 0011 - 0012


    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    ta' l-20 ta' Marzu 2000

    li temenda d-Deċiżjoni 97/787/KE li tipprovdi għajnuna finanzjarja eċċezzjonali għall-Armenja u l-Ġorġja biex din jestenduha għat-Taġikistan

    (2000/244/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 308 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposti mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

    Billi:

    (1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 97/787/KE tipprovdi għajnuna finanzjarja eċċezzjonali għall-Armenja u l-Ġorġja [2].

    (2) Flimkien mad-Deċiżjoni tiegħu li tipprovdi għajnuna finanzjarja eċċezzjonali għall-Armenja u l-Ġorġja, il-Kunsill qabel ukoll li jikkunsidra operazzjoni simili għat-Taġikistan meta ċ-ċirkustanzi jkunu jippermettu.

    (3) It-Taġikistan qiegħed iwettaq riformi ekonomiċi u politiċi fundamentali u qiegħed jagħmel sforzi sostanzjali biex jimplimenta mudell ta' ekonomija tas-suq.

    (4) Fid-dawl tar-riżultati tal-bidu, partikolarment f'termini ta' awment u kontroll ta' l-inflazzjoni, dawn ir-riformi għandhom jitkomplew bl-għan prinċipali li jtejbu l-kondizzjonijiet ta' l-għixien tan-nies u l-ħolqien ta' l-impiegi.

    (5) Rabtiet ta' negożju, kummerċjali u ekonomiċi huma mistennija li jiżviluppaw bejn il-Komunità u t-Taġikistan. It-Taġikistan huwa eliġibbli għall-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni mal-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u talab formalment li jibbenefika minn dan il-ftehim mill-akar fis possibli.

    (6) It-Taġikistan qabel mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMU) f'Ġunju 1998 dwar faċilità ta' aġġustament strutturali mtejba.

    (7) L-awtoritajiet tat-Taġikistan intrabtu formalment li jħallsu l-obbligazzjonijiet finanzjarji dovuti kollha tagħhom mal-Komunità u t-Taġikistan jiżgura rati minimi ta' skuntar ta' l-obbligazzjonijiet Komunitarji pendenti.

    (8) L-awtoritajiet tat-Taġikistan talbu formalment appoġġ finanzjarju eċċezzjonali mill-Komunità.

    (9) It-Taġikistan huwa pajjiż bi dħul baxx u qiegħed iħabbat wiċċu ma' ċirkustanzi ekonomiċi, soċjali u politiċi partikolarment kritiċi. Dan il-pajjiż huwa eliġibbli għal self b'konċessjoni tajba ħafna mill-Bank Dinji u l-FMU.

    (10) L-għajnuna finanzjarja b'konċessjoni mill-Komunità fil-forma ta' taħlita ta' self fit-tul u għotjiet diretti hija miżura approprjata biex tgħin il-pajjiż benefiċjarju f'dan il-mument kritiku.

    (11) Din l-għajnuna, kemm il-komponent tas-self kif ukoll dak ta' l-għotja, huwa eċċezzjonali ħafna u għalhekk bl-ebda mod ma' jikkostitwixxi preċedent.

    (12) L-inklużjoni ta' komponent ta' għotja f'din l-għajnuna huwa mingħajr preġudizzju għall-poteri ta' l-awtorità tal-budget.

    (13) Din l-għajnuna għandha tiġi amministrata mill-Kummissjoni.

    (14) Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-għajnuna finanzjarja tintuża skond ir-regoli tal-kontroll tal-budget.

    (15) Waqt l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra b'mod xieraq il-progress li jkun sar fil-proċess tal-paċi interna fit-Taġikistan u, partikolarment, fl-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet taħt kondizzjonijiet aċċettabbli.

    (16) Il-Kummissjoni kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju qabel ma' ressqet il-proposta tagħha.

    (17) It-Trattat ma' jipprovdix, għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, poteri oħra ħlief dawk ta' l-Artikolu 308,

    IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

    Artikolu uniku

    Id-Deċiżjoni 97/787/KE qiegħda permezz ta' din id-Deċiżjoni tiġi emendata kif ġej:

    1. L-Artikolu minn 1(1) sa (3) għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

    "1. Il-Komunità għandha tagħmel disponibbli lill-Armenja, lil Ġorġja u lit-Taġikistan għajnuna finanzjarja eċċezzjonali, fil-forma ta' self fit-tul u ta' għotjiet diretti.

    2. Il-komponent totali ta' self ta' din l-għajnuna għandu jammonta għal prinċipal massimu ta' 245 miljun EUR, b'maturità massima ta' 15-il sena u perjodu fuq ir-riħ ta' 10 snin. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tissellef, f'isem il-Komunità, ir-riżorsi neċessarji li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi benefiċjarji fil-forma ta' self.

    3. Il-komponent ta' għotja ta' din l-għajnuna għandu jikkonsisti f'ammont ta' sa 130 miljun EUR matul il-perjodu ta' bejn l-1997 sa l-2004, b'massimu ta' 24 miljun EUR kull sena. L-għotjiet għandhom isiru disponibbli safejn il-pożizzjoni ta' debituri netti tal-pajjiżi benefiċjarji lejn il-Komunità tkun tnaqqset, bħala regola, b'mill-inqas ammont simili."

    2. L-Artikolu 3(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

    "1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 2, l-ammont totali tas-self offrut lil kull pajjiż għandu jsir disponibbli mill-Kummissjoni flimkien ma' l-ewwel ħlasijiet perjodiċi ta' l-għotjiet. Il-bqija tal-komponent ta' l-għotja ta' l-għajnuna għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni fi ħlasijiet perjodiċi suċċesivi, bla ħsara għall-istess dispożizzjonijiet."

    3. L-Artikolu 5(2) għandu jinbidel bit-test li ġej:

    "2. Qabel il-31 ta' Diċembru 2004, il-Kunsill għandu jeżamina l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għal dik id-data fuq il-bażi ta' rapport komprensiv mill-Kummissjoni, li għandu wkoll jitressaq quddiem il-Parlament Ewropew."

    Magħmul fi Brussel, fl-20 ta' Marzu 2000.

    F'isem il-Kunsill

    Il-President

    J. Gama

    [1] L-Opinjoni mogħtija fis-17 ta' Diċembru 1999 (għadha ma' ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [2] ĠU L 322, tal-25.11.1997, p. 37.

    --------------------------------------------------

    Top