This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31996R2185
Council Regulation (Euratom, EC) No 2185/96 of 11 November 1996 concerning on-the-spot checks and inspections carried out by the Commission in order to protect the European Communities' financial interests against fraud and other irregularities
Ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra
Ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra
ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2–5
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force
Official Journal L 292 , 15/11/1996 P. 0002 - 0005
Ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 235 tiegħu, Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 203 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], (1) Billi huwa essenzjali, għall-kredibilità tal-Komunità, li żżid l-isforzi biex tirribatti l-frodi u irregolaritajiet oħra mwettqa kontra l-l-budget tal-Komunità; (2) Billi l-Artikolu 209a tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea jagħmilha ċara li l-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità hija primarjament ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat; (3) Billi r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea [3] stabbiliet qafas legali komuni għall-oqsma kollha ta' l-attivitajiet tal-Komunità; (4) Billi l-Artikolu 1(2) ta' l-imsemmi Regolament jinkludi definizzjoni ta' "irregolarità" u billi s-sitt reċitazzjoni ta' dak ir-Regolament tistipula li mġiba rregolari tinkludi l-azzjonijiet frodulenti kif spjegati fil-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea [4]; (5) Billi l-Artikolu 10 ta' dak ir-Regolament jipprovdi għall-adozzjoni sussegwenti ta' dispożizzjonijiet ġenerali addizzjonali dwar spezzjonijiet u verifiki fuq il-post; (6) Billi, mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqa mill-Istati Membri skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u fl-interess ta' l-effiċjenza, huwa xieraq li jiġu adottati dispożizzjonijiet ġenerali addizzjonali dwar verifiki u spezzjonijiet fuq il-post mill-Kummissjoni li ma jolqtux l-applikazzjoni tar-regoli settorjali tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 9(2) ta' l-imsemmi Regolament; (7) Billi l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament hija soġġetta għall-identifikazzjoni ta' l-għanjiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tagħhom, partikolarment fejn, minħabba l-iskala tal-frodi, li ma tkunx limitata għal pajjiż wieħed u ta' spiss tkun tinvolvi ċrieki organizzati, jew fejn, minħabba n-natura speċjali tas-sitwazzjoni fi Stat Membru, dawk l-għanjiet ma jkunux jistgħu, invista tal-gravità tal-ħsara magħmula lill-interessi finanzjarji tal-Komunità jew lill-kredibilità ta' l-Unjoni, jintlaħqu għal kollox mill-Istati Membri waħedhom u jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar f'livell Komunitarju; (8) Billi l-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post ma jistgħux jeċċedu dak li huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-Komunità; (9) Billi dawn għandhom ukoll jitwettqu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli f'kull Stat Membru dwar il-protezzjoni ta'l-interessi essenzjali għas-sigurtà ta' l-Istat; (10) Billi, skond il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera tal-Komunità li huwa impliċitu fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea, huwa importanti li l-amministrazzjoni ta' l-Istati Membri u d-dipartimenti tal-Kummissjoni jikkooperaw ġenwinament bejniethom u jipprovdu lil xulxin l-għajnuna meħtieġa għall-preparazzjoni u l-esekuzzjoni tal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post; (11) Billi huwa meħtieġ li jiġu spjegati l-kundizzjonijiet li taħthom l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom jeżerċitaw il-poteri tagħhom; (12) Billi dawk il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jitwettqu b'attenzjoni xierqa għad-drittijiet fundamentali tal-persuni involuti u għar-regoli dwar is-segretezza professjonali u l-protezzjoni ta' data personali; billi f'dak ir-rigward huwa importanti li l-Kummissjoni tiżgura li l-ispetturi tagħha jimxu mad-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' data personali, partikolarment dawk stipulati fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta'Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' dik id-data [5]; (13) Billi, biex azzjoni ħalli tikkumbatti l-frodi u l-irregolaritajiet tkun effettiva, il-Kummissjoni għandha twettaq spezzjonijiet fil-fondi ta' dawk l-operaturi ekonomiċi li setgħu kienu involuti, direttament jew indirettament, fl-irregolarità inkwestjoni u fil-fondi ta' operaturi ekonomiċi oħra li jistgħu ikunu milquta b'dik l-irregolarità; billi, fil-każ ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-operaturi ekonomiċi ma jiġux assoġġettati fl-istess waqt, fir-rigward ta' l-istess atti, għal verifiki u spezzjonijiet simili mwettqa mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri abbażi ta' regoli settorjali tal-Komunità jew ta' leġislazzjoni nazzjonali; (14) Billi l-ispetturi tal-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha dwar it-transazzjonijiet konċernati bl-istess mod bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali; billi r-rapporti ta' l-ispetturi tal-Kummissjoni, iffirmati, jekk ikun meħtieġ, mill-ispetturi nazzjonali, għandhom jiġu ppreparati wara li jitqiesu l-ħtiġijiet proċedurali stipulati fil-liġi ta' l-Istat Membru involut; billi dawn għandhom jiġu ammessi bħala evidenza fil-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji ta' l-Istat Membru fejn jinħass il-bżonn li jiġu użati u jkollhom valur identiku daqs ir-rapporti miktuba mill-ispetturi amministrattivi nazzjonali; (15) Billi, f'każijiet fejn ikun hemm riskju li jgħibu provi, jew fejn l-operaturi ekonomiċi jopponu l-verifiki jew l-ispezzjonijiet fuq il-post mill-Kummissjoni, ikun id-dover ta' l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri prekawzjonarji jew implimentarji meħtieġa skond il-leġislazzjoni tagħhom; (16) Billi dan ir-Regolament la jaffettwa l-poteri ta' l-Istati Membri dwar il-prosekuzzjoni ta' l-offiżi kriminali u lanqas ir-regoli li jiggwidaw l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri dwar il-kwestjonijiet kriminali; (17) Billi t-Trattati ma jinkludu ebda poteri għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament ħlief dawk li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 235 tat-Trattat tal-KE u fl-Artikolu 203 tat-Trattat ta'l-Euratom, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 Dan ir-Regolament jistabilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali addizzjonali fis-sens ta' l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 li huma applikabbli għall-verifiki u l-ispezzjonijiet amministrattivi fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità kontra l-irregolaritajiet kif spjegati fl-Artikolu 1(2) ta' l-imsemmi Regolament. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-regoli settorjali tal-Komunità, dan ir-Regolament għandu jgħodd għall-oqsma kollha ta' l-attivitajiet tal-Komunità. Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-poteri ta' l-Istati Membri dwar il-prosekuzzjoni ta' l-offiżi kriminali jew ir-regoli li jiggwidaw l-assistenza reċiproka fi kwestjonijiet kriminali bejn l-Istati Membri. L-Artikolu 2 Il-Kummissjoni tista' twettaq il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post skond dan ir-Regolament: - għall-investigazzjoni ta' l-irregolaritajiet serji jew transazzjonali jew irregolaritajiet li jistgħu jinvolvu operaturi ekonomiċi li jkunu qed jaġixxu f'diversi Stati Membri, jew - fejn, biex jinkixfu irregolaritajiet, is-sitwazzjoni fi Stat Membru titlob li l-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jissaħħu f'każ partikolari sabiex titjieb l-effikaċja tal-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji u għalhekk jiġi żgurat livell ekwivalenti ta' protezzjoni fi ħdan il-Komunità, jew - fuq talba ta' l-Istat Membru involut. L-Artikolu 3 Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li twettaq il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post taħt dan ir-Regolament, għandha tiżgura li l-verifiki u l-ispezzjonijiet simili ma jkunux qed jitwettqu fl-istess waqt dwar l-istess fatti fir-rigward ta' l-operaturi ekonomiċi involuti abbażi ta' regolamenti settorjali tal-Komunità. Barra minn hekk, din għandha tqis l-ispezzjonijiet li jkunu qed isiru jew li jkunu diġà saru dwar l-istess fatti fir-rigward ta' l-operaturi ekonomiċi involuti, mill-Istat Membru abbażi tal-leġislazzjoni tiegħu. L-Artikolu 4 Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jiġu jsiru u jitmexxew mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru involut, li għandhom jiġu nnotifikati kmieni biżżejjed dwar l-oġġett, l-iskop u l-bażi legali tal-verifiki u l-ispezzjonijiet, sabiex dawn ikunu jistgħu jipprovdu l-għajnuna kollha meħtieġa. Għal dak il-għan, l-uffiċjali ta' l-Istat Membru involut jistgħu jieħdu sehem fil-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post. Barra minn hekk, jekk l-Istat Membru involut hekk ikun jixtieq, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu flimkien mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru. L-Artikolu 5 Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni fuq operaturi ekonomiċi li fil-konfront tagħhom miżuri amministrattivi u penali Komunitarji skond l-Artikolu 7 ta' Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 jistgħu jiġu applikati, fejn ikun hemm raġunijiet biex wieħed jaħseb li ġew imwettqa irregolaritajiet. Sabiex ikun aktar faċli għall-Kummissjoni li twettaq dawk il-verifiki u l-ispezzjonijiet, l-operaturi ekonomiċi għandhom jintalbu jagħtu aċċess għal fondi, art, mezzi ta' trasport jew oqsma oħra, użati għal skopijiet ta' negozju. Fejn ikun strettament meħtieġ biex jiġi stabbilit jekk tkunx teżisti irregolarità, il-Kummissjoni tista' twettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq operaturi ekonomiċi oħra involuti, sabiex ikollha aċċess għall-informazzjoni relevanti li jkollhom dawk l-operaturi dwar fatti soġġetti għall-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post. L-Artikolu 6 1. Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitwettqu taħt l-awtorità u r-responsabbiltà tal-Kummissjoni minn uffiċjali tagħha jew minn impjegati oħra, awtorizzati kif suppost, minn issa 'l quddiem imsejħa "l-ispetturi tal-Kummissjoni". Il-persuni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mill-Istati Membri bħala esperti nazzjonali ssekondati jistgħu jassistu f'dawk il-verifiki u l-ispezzjonijiet. L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom jeżerċitaw il-poteri tagħhom malli jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tkun turi l-identità u l-pożizzjoni tagħhom, flimkien ma' dokument li jindika s-suġġett u l-iskop tal-verifika jew l-ispezzjoni fuq il-post. Bla ħsara għal-liġi Komunitarja applikabbli, dawn ikunu meħtieġa jħarsu r-regoli ta' proċedura stabbiliti mil-liġi ta' l-Istat Membru involut. 2. Bil-kundizzjoni li jkun hemm qbil ta' l-Istat Membru involut, il-Kummissjoni tista' titlob l-għajnuna ta' uffiċjali minn Stati Membri oħra bħala osservaturi u ssejjaħ korpi barranin li jaġixxu taħt ir-responsabbiltà tagħha sabiex jipprovdu l-għajnuna teknika. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-uffiċjali u l-korpi hawn fuq imsemmija jagħtu kull garanzija fir-rigward tal-kompetenza teknika, l-indipendenza u l-osservanza tas-segretezza professjonali. L-Artikolu 7 1. L-ispetturi tal-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali u b'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha dwar l-operazzjonijiet inkwestjoni li jkunu meħtieġa għat-tmexxija xierqa tal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post. Dawn jistgħu jagħmlu użu mill-istess faċilitajiet ta' spezzjoni bħala spetturi amministrattivi nazzjonali u b'mod partikolari jagħmlu kopja tad-dokumenti relevanti. IL-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jinvolvu, partikolarment: - kotba u dokumenti professjonali bħal fatturi, listi ta' pattijiet u kundizzjonijiet, slips tal-paga, dikjarazzjonijiet ta' materjal użat u xogħol magħmul, u dikjarazzjonijiet tal-bank li jkunu għand l-operaturi ekonomiċi, - data tal-kompjuter, - sistemi u metodi ta' produzzjoni, ppakkjar u dispaċċ, - verifiki fiżiċi dwar in-natura u l-kwantità ta' oġġetti jew operazzjonijiet li tlestew, - it-teħid u l-verifika ta' kampjuni, - il-progress ta' xogħlijiet u investimenti li għalihom kien ġie pprovdut finanzjament, u l-użu magħmul minn investimenti li tlestew, - dokumenti ta' l-estimi u taż-żamma tal-kotba, - l-implimentazzjoni finanzjarja u teknika ta' proġetti sussidjati. 2. Fejn ikun meħtieġ, ikun għall-Istati Membri, fuq talba tal-Kummissjoni, li jieħdu l-miżuri prekawzjonarji xierqa taħt il-liġi nazzjonali, partikolarment sabiex jipproteġu l-evidenza. L-Artikolu 8 1. L-informazzjoni komunikata jew akkwistata f'kull forma taħt dan ir-Regolament għandha tkun koperta bis-segretezza professjonali u protetta bl-istess mod li informazzjoni simili hija protetta mil-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru li rċeviha u mid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunità. Dik l-informazzjoni m'għandhiex tiġi komunikata lil persuni oħra ħlief dawk fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunità jew fl-Istati Membri li l-funzjonijiet tagħhom jeħtiġulhom li jkunu jafuha anqas ma tista' tiġi użata mill-istituzzjonijiet tal-Komunità għal skopijiet oħra ħlief li tiġi żgurata protezzjoni effettiva ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità fl-Istati Membri kollha. Fejn Stat Membru għandu l-ħsieb li juża għal skopijiet oħra informazzjoni miksuba minn uffiċjali li pparteċipaw taħt l-awtorità tiegħu bħala osservaturi, skond l-Artikolu 6(2), f'verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, għandu jitlob il-qbil ta' l-Istat Membru fejn l-informazzjoni tkun ġiet miksuba. 2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta mill-aktar fis possibbli lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat li fit-territorju tiegħu tkun saret verifika jew spezzjoni fuq il-post kull fatt jew suspett li għandu x'jaqsam ma' irregolarità li jkun ġie għall-attenzjoni tagħha fil-kors tal-verifika jew spezzjoni fuq il-post. F'kull każ il-Kummissjoni tkun meħtieġa li tinforma lill-awtorità fuq imsemmija bir-riżultat ta' dawk il-verifiki u l-ispezzjonijiet. 3. L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom jiżguraw illi meta jippreparaw ir-rapporti tagħhom jittieħed kont tal-ħtiġijiet proċedurali stipulati fil-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru involut Il-materjal u d-dokumenti li jsostnu li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 7 għandhom jiġu annessi ma' l-imsemmija rapporti. Ir-rapporti hekk ippreparati għandhom jikkostitwixxu xhieda ammissibbli fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta' valutazzjoni bħal dawk applikabbli għal rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali u jkunu ta' valur identiku għal dawk ir-rapporti. Fejn spezzjoni titwettaq b'mod konġunt, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4, l-ispetturi nazzjonali li jkunu ħadu sehem fl-operazzjoni għandhom jiġu mitluba jikkontrafirmaw ir-rapport imħejji mill-ispetturi tal-Kummissjoni. 4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jkunu qed jimplimentaw dan ir-Regolament, l-ispetturi tagħha jimxu mad-dispożizzjonijiet tal-Komunità u nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali, partikolarment dawk stipulati f'Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. 5. Fejn il-verifiki jew l-ispezzjonijiet fuq il-post jitwettqu barra t-territorju tal-Komunità, ir-rapporti għandhom jitħejjew mill-ispetturi tal-Kummissjoni f'kundizzjonijiet li jippermettulhom biex dawn ikunu jikkostitwixxu xhieda ammissibbli fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru li fih ikun meħtieġ li jintużaw. L-Artikolu 9 Fejn l-operaturi ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 5 jirreżistu l-verifika jew l-ispezzjoni fuq il-post, l-Istat Membru involut, waqt li jaġixxi skond ir-regoli nazzjonali, għandu jagħti lill-ispetturi tal-Kummissjoni kull għajnuna li jkunu jeħtieġu biex dawn ikunu jistgħu jwettqu d-dover tagħhom billi jagħmlu l-verifika jew l-ispezzjoni fuq il-post. Għandu jkun dover ta' l-Istati Membri li jieħdu kull miżura meħtieġa, b'konformità mal-liġi nazzjonali. L-Artikolu 10 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitjiet Ewropej. Dan għandu jgħodd mill-1 ta' Jannar 1997 Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, fil-11 ta' Novembru 1996. Għall-Kunsill Il-President R. Quinn [1] ĠU C 84, tal-21.3.1996, p. 10. [2] ĠU C 166, ta' l-10.6.1996, p. 102 u l-opinjoni mogħtija fit-23 ta' Ottubru 1996 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU L 312, tat-23.12.1995, p. 1. [4] ĠU C 316, tas-27.11.1995, p. 48. [5] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. --------------------------------------------------