EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12012JN03/07

Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika - ANNESS III Lista msemmija fl-Artikolu 15 tal-Att tal-Adeżjoni: adattamenti għal atti adottati mill-istituzzjonijiet - 7. POLITIKA REĠJONALI U KOORDINAZZJONI TA’ STRUMENTI STRUTTURALI

ĠU L 112, 24.4.2012, p. 52–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 300, 9.11.2013, p. 53–60 (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1300 U 32013R1303

24.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 112/6


ANNESS III

Lista msemmija fl-Artikolu 15 tal-Att tal-Adeżjoni: adattamenti għal atti adottati mill-istituzzjonijiet

7.   POLITIKA REĠJONALI U KOORDINAZZJONI TA’ STRUMENTI STRUTTURALI

1.

32006 R 1083: Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).

(a)

Fl-Artikolu 15(4), is-sentenza li ġejja tiżdied mat-tieni subparagrafu:

“Fir-rigward tal-Kroazja, id-data għal din il-verifika għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2017.”

(b)

Fl-Artikolu 18(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Ir-riżorsi disponibbli għall-impenji mill-Fondi għall-perijodu 2007 sa 2013 għandhom ikunu EUR 308 417 037 817 bil-prezzijiet tal-2004 skont it-tqassim annwali muri fl-Anness I.”

(c)

L-Artikolu 19 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 19

Riżorsi għall-Objettiv ta' konverġenza

Ir-riżorsi globali għall-Objettiv ta' konverġenza għandhom jammontaw għal 81,56 % tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 18(1) (jiġifieri total ta' EUR 251 529 800 379) u għandhom jitqassmu bejn il-komponenti differenti kif ġej:

(a)

70,50 % (jiġifieri total ta' EUR 177 324 921 223) għall-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 5(1), bl-użu tal-popolazzjoni eliġibbli, il-prosperità reġjonali, il-prosperità nazzjonali u r-rata ta' qgħad bħala l-kriterji għall-kalkolu tat-tqassim indikattiv skont l-Istat Membru;

(b)

4,98 % (jiġifieri total ta' EUR 12 521 289 405) għas-sostenn transitorju u speċifiku msemmi fl-Artikolu 8(1), bl-użu tal-popolazzjoni eliġibbli, tal-prosperità reġjonali, tal-prosperità nazzjonali u tar-rata ta' qgħad bħala l-kriterji għall-kalkolu tat-tqassim indikattiv skont l-Istat Membru;

(c)

23,23 % (jiġifieri total ta' EUR 58 433 589 750) għall-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 5(2), bl-użu tal-popolazzjoni, tal-prosperità nazzjonali, u tal-êrja superfiċjali bħala l-kriterji għall-kalkolu tat-tqassim indikattiv skont l-Istat Membru;

(d)

1,29 % (jiġifieri total ta' EUR 3 250 000 000) għas-sostenn transitorju u speċifiku msemmi fl-Artikolu 8(3).’

(d)

Fl-Artikolu 20, il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:

“Ir-riżorsi globali għall-Objettiv tal-kompetittività reġjonali u l-impjiegi għandhom jammontaw għal 15,93 % tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 18(1) (jiġifieri total ta' EUR 49 127 784 318) u għandhom jitqassmu bejn il-komponenti differenti kif ġej:”

(e)

Fl-Artikolu 21, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Ir-riżorsi globali għall-Objettiv tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea għandhom jammontaw għal 2,52 % tar-riżorsi msemmija taħt l-Artikolu 18(1) (jiġifieri total ta' EUR 7 759 453 120) u, eskluż l-ammont imsemmi fil-paragrafu 22 tal-Anness II, għandhom jiġu distribwiti bejn il-komponenti differenti kif ġej:

(a)

73,86 % (jiġifieri total ta' EUR 5 583 386 893) għall-finanzjament tal-kooperazzjoni transkonfinali kif imsemmija fl-Artikolu 7(1), bl-użu tal-popolazzjoni eliġibbli bħala l-kriterju għall-kalkolu tat-tqassim indikattiv skont l-Istat Membru;

(b)

20,95 % (jiġifieri total ta' EUR 1 583 594 654) għall-finanzjament tal-kooperazzjoni transnazzjonali kif msemmija fl-Artikolu 7(2), bl-użu tal-popolazzjoni eliġibbli bħala l-kriterju għall-kalkolu tat-tqassim indikattiv skont l-Istat Membru;

(c)

5,19 % (jiġifieri total ta' EUR 392 471 574) għall-finanzjament tal-kooperazzjoni interreġjonali, in-networks ta' kooperazzjoni u l-iskambju ta' esperjenza msemmija fl-Artikolu 7(3).

2.   Il-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall-programmi transkonfinali u tal-baċini marini taħt l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija u għall-programmi transkonfinali taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 għandha tkun ta' EUR 817 691 234, bħala riżultat tal-indikazzjoni ta' kull Stat Membru kkonċernat, imnaqqsa mill-allokazzjonijiet tagħhom taħt il-paragrafu 1(a). Dawn il-kontribuzzjonijiet tal-FEŻR m'għandhomx ikunu soġġetti għal allokazzjoni mill-ġdid bejn l-Istati Membri kkonċernati.”

(f)

Fl-Artikolu 22, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B'deroga mill-ewwel paragrafu, il-Kroazja tista' tqassam l-allokazzjoni finanzjarja tagħha taħt l-Objettiv ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea fost it-tliet komponenti msemmija fl-Artikolu 21(1)(a) sa (c) bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta' effiċjenza u simplifikazzjoni.”

(g)

L-Artikolu 23 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 23

Riżorsi għar-riżerva ta' prestazzjoni

Tlieta fil-mija tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 19(a) u (b) u fl-Artikolu 20 jistgħu jiġu allokati mill-Istati Membri, bl-eċċezzjoni tal-Kroazja, f'konformità mal-Artikolu 50.”

(h)

L-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

(i)

Fil-paragrafu 1, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“Fir-rigward tal-Kroazja, il-qafas ta' riferiment strateġiku nazzjonali għandu jkopri l-perijodu mid-data tal-adeżjoni sal-31 ta' Diċembru 2013.”

(ii)

Fil-paragrafu 2, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“Il-Kroazja għandha tittrasmetti l-qafas ta' riferiment strateġiku nazzjonali lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-data tal-adeżjoni.”

(i)

Fl-Artikolu 29, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-paragrafi 1 sa 4 m'għandhomx japplikaw għall-Kroazja.”

(j)

Fl-Artikolu 32(3), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Kroazja, il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni li tapprova programm operattiv li għandu jiġi ffinanzjat taħt il-perijodu ta' programmazzjoni 2007-2013 mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2013. Il-Kroazja għandha f’dan il-programm operattiv tieħu kont ta' kwalunkwe osservazzjoni magħmula mill-Kummissjoni u tissottomettih lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tal-adeżjoni.”

(k)

Fl-Artikolu 33(1), għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Kroazja, il-programmi operattivi adottati qabel id-data tal-adeżjoni jistgħu jiġu riveduti bl-għan uniku ta' allinjament aħjar ma' dan ir-Regolament.”

(l)

Fl-Artikolu 49(3), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-programmi operattivi tal-Kroazja, l-evalwazzjoni ex post għandha titlesta sal-31 ta' Diċembru 2016.”

(m)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 51a

L-Artikoli 50 u 51 m'għandhomx japplikaw għall-Kroazja.”

(n)

L-Artikolu 53(3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Għal programmi operattivi taħt l-Objettiv ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea li fihom mill-inqas parteċipant wieħed jappartjeni għal Stat Membru li l-PDG medju tiegħu per capita għall-perijodu 2001 sa 2003 kien anqas minn 85 % tal-medja tal-UE-25 matul l-istess perijodu, jew għal programmi bħal dawn fejn il-Kroazja hija pajjiż parteċipant, il-kontribuzzjoni mill-FEŻR m'għandhiex tkun ogħla minn 85 % tan-nefqa eliġibbli. Għall-programmi operattivi l-oħra kollha, il-kontribuzzjoni mill-FEŻR m'għandhiex tkun ogħla minn 75 % tan-nefqa eliġibbli kofinanzjata mill-FEŻR.”

(o)

Fl-Artikolu 56(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Kroazja, in-nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi bejn id-data inizjali tal-eliġibbiltà tan-nefqa kif stabbilit f'konformità mal-istrumenti adottati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 u l-31 ta' Diċembru 2016. Madankollu, għall-programmi operattivi adottati wara l-adeżjoni, in-nefqa għal kontribuzzjoni mill-Fondi għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adeżjoni, dment li ma tiġix speċifikata data aktar tard fid-deċiżjoni dwar il-programm operattiv ikkonċernat.”

(p)

Fl-Artikolu 56(3), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Minkejja dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-eliġibbiltà kif stabbilit fl-Artikolu 105a, il-kriterji ffissati mill-kumitat ta' monitoraġġ tal-programmi operattivi għall-Kroazja m'għandhomx japplikaw għal operazzjonijiet li għalihom id-deċiżjoni ta' approvazzjoni tkun ġiet adottata qabel id-data tal-adeżjoni u li kienu parti mill-istrumenti adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006.”

(q)

L-Artikolu 62(1) huwa emendat kif ġej:

(i)

Fil-punt (c), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“Fir-rigward tal-Kroazja, l-awtorità ta' verifika ta' programm operattiv għandha tippreżenta lill-Kummissjoni aġġornament tal-pjan ta' ħidma annwali għall-verifika kif imsemmi fl-Artikolu 29(2)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat-12 ta' Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) (1) fi żmien tliet xhur mid-data tal-adeżjoni.

(ii)

Fil-punt (d)(i), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Kroazja, l-ewwel rapport annwali ta' kontroll għandu jiġi ppreżentat sal-31 ta' Diċembru 2013 u jkopri l-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2012 sat-30 ta' Ġunju 2013. Ir-rapporti li ġejjin li jkopru l-perijodi mill-1 ta' Lulju 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014, mill-1 ta' Lulju 2014 sat-30 ta' Ġunju 2015 u mill-1 ta' Lulju 2015 sat-30 ta' Ġunju 2016 għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2014, il-31 ta' Diċembru 2015 u l-31 ta' Diċembru 2016, rispettivament. L-informazzjoni li tikkonċerna l-verifiki mwettqa wara l-1 ta' Lulju 2016 għandha tiġi inkluża fir-rapport ta' kontroll finali b'appoġġ għad-dikjarazzjoni ta' għeluq imsemmija fil-punt (e);”

(iii)

Fil-punt (e), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Kroazja, dikjarazzjoni ta' għeluq sostnuta mir-rapport ta' kontroll finali, għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2018.”

(r)

Fl-Artikolu 67(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Kroazja, l-awtorità ta' ġestjoni għandha tibgħat rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm operattiv sal-31 ta' Marzu 2018.”

(s)

L-Artikolu 71 huwa emendat kif ġej:

(i)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Minkejja l-paragrafu 1, kemm jista' jkun malajr wara d-data tal-adeżjoni tagħha jew, sa mhux aktar tard minn meta jsir kwalunkwe ħlas mill-Kummissjoni, il-Kroazja għandha tippreżenta lill-Kummissjoni deskrizzjoni tas-sistemi, li tkopri l-elementi li jinsabu fil-punti (a) u (b) ta' dak il-paragrafu.”

(ii)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis għall-Kroazja. Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jitqies li jkun aċċettat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fit-tieni subparagrafu. Madankollu, tali aċċettazzjoni għandha tkun pre-rekwiżit għall-ammont ta' prefinanzjament imsemmi fl-Artikolu 82.”

(t)

Fl-Artikolu 75, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Fir-rigward tal-Kroazja, l-impenji baġitarji rispettivi mill-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni u l-FES għall-2013 għandhom isiru abbażi tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 28(3) qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni ta' programm operattiv adottat. Id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 28(3) għandha tikkostitwixxi deċiżjoni ta' finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 għal kull impenn tal-baġit favur il-Kroazja.”

(u)

Fl-Artikolu 78(2)(c), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Fir-rigward tal-Kroazja, dawn għandhom ikunu koperti min-nefqa mħallsa minn benefiċjarji fl-implementazzjoni tal-proġett u jkunu appoġġati minn fatturi kwittanzati jew dokumenti ta' kontabbiltà ta' valur probatorju ekwivalenti sa mhux aktar tard minn tliet snin wara sena li jkun sar il-ħlas tal-avvanz jew fil-31 ta' Diċembru 2016, skont liema data tiġi l-ewwel; jekk ma jkunux, id-dikjarazzjoni ta' nfiq li jkun imiss għandha tiġi korretta kif meħtieġ.”

(v)

Fl-Artikolu 82, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Fir-rigward tal-Kroazja, wara l-aċċettazzjoni tar-rapport kif imsemmi fl-Artikolu 71(2a) u wara l-impenji baġitarji rispettivi kif imsemmi fl-Artikolu 75(1a), ammont ta' prefinanzjament uniku għall-bqija tal-perijodu mill-2007 sal-2013 għandu jitħallas f'pagament uniku u ser jirrappreżenta 30 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali u 40 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni għall-programm operattiv.”

(w)

Fl-Artikolu 89(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Kroazja, applikazzjoni għall-ħlas li tinkludi d-dokumenti elenkati fil-punt (a) (i) sa (iii) għandha tintbagħat sal-31 ta' Marzu 2018.”

(x)

Fl-Artikolu 93, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   B'deroga mill-paragrafi 1 sa 3, Fir-rigward tal-Kroazja l-Kummissjoni għandha tapplika l-mekkaniżmu ta' diżimpenn li jinsab fil-paragrafu 1 bil-mod segwenti:

(i)

id-data ta' skadenza għal kwalunkwe parti miftuħa tal-impenn tal-2010 għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2013;

(ii)

id-data ta' skadenza għal kwalunkwe parti miftuħa tal-impenn tal-2011 għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2014;

(iii)

id-data ta' skadenza għal kwalunkwe parti miftuħa tal-impenn tal-2012 għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2015;

(iv)

kwalunkwe parti tal-impenji tal-2013 li tkun għadha miftuħa fil-31 ta' Diċembru 2016 għandha tiġi diżimpenjata awtomatikament jekk il-Kummissjoni ma tkunx irċeviet applikazzjoni aċċettabli għall-ħlas tagħha sal-31 ta' Marzu 2018.”

(y)

Fl-Artikolu 95, jiddaħħal il-paragrafu li ġej wara t-tieni paragrafu:

“B'deroga mill-ewwel u t-tieni paragrafi, fir-rigward tal-Kroazja d-dati ta' skadenza msemmijin fl-Artikolu 93(3a) għandhom jiġu interrotti taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu fir-rigward tal-ammont li jirrigwarda l-operazzjonijiet ikkonċernati.”

(z)

Fl-Artikolu 98(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward tal-Kroazja, ir-riżorsi mill-Fondi rilaxxati b'dan il-mod jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Kroazja sal-31 ta' Diċembru 2016.”

(za)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 105a

Dispożizzjonijiet speċifiċi wara l-adeżjoni tal-Kroazja

1.   Programmi u proġetti ewlenin li, fid-data tal-adeżjoni tal-Kroazja, ikunu ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 u li l-implimentazzjoni tagħhom ma tkunx tlestiet sa dik id-data, għandhom jitqiesu li jkunu ġew approvati mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni ta' programmi approvati taħt il-komponenti msemmija fil-punti (a) u (e) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1085/2006.

Barra minn hekk, il-programmi li ġejjin li jaqgħu taħt il-komponent imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1085/2006 għandhom ukoll jiġu esklużi:

(a)

il-“programm ta' kooperazzjoni transkonfinali Adrijatiku tal-IPA”;

(b)

il-programm transkonfinali “Kroazja – Bosnja-Ħerzegovina”;

(c)

il-programm transkonfinali “Kroazja – Montenegro”;

(d)

il-programm transkonfinali “Kroazja-Serbja”.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 sa 7, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet u proġetti prinċipali approvati f'konformità ma' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal dawk l-operazzjonijiet u proġetti prinċipali.

2.   Kwalunkwe proċedura tal-akkwist li tirrigwarda operazzjonijiet fil-programmi jew tirrelata ma' proġetti prinċipali msemmija fil-paragrafu 1 li, fid-data tal-adeżjoni, diġà kienet is-suġġett ta' sejħa għall-offerti pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi implimentata skont ir-regoli stabbiliti f'dik is-sejħa għall-offerti. L-Artikolu 165 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 ma japplikax.

Kwalunkwe proċedura tal-akkwist li tirrigwarda operazzjonijiet fil-programmi jew tirrelata ma' proġetti prinċipali msemmija fil-paragrafu 1 li, fid-data tal-adeżjoni, ma kinitx diġà s-suġġett ta' sejħa għall-offerti pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi implimentata f'konformità mat-Trattati jew mal-atti adottati skont it-Trattati kif ukoll mal-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament.

Operazzjonijiet oħrajn għajr dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi u li għalihom tniedu sejħiet għal proposti skont l-Artikolu 158 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat-12 ta' Ġunju 2007 jew li jkunu ġew ippreżentati applikazzjonijiet għalihom lill-awtoritajiet kompetenti qabel id-data tal-adeżjoni, u li għalihom il-kuntratti setgħu jiġu ffinalizzati biss wara dik id-data, għandhom jiġu implimentati skont il-kondizzjonijiet u r-regoli ta' eliġibbiltà ppubblikati fis-sejħa rilevanti għall-proposti jew dawk ikkomunikati bil-quddiem lill-benefiċjarji potenzjali.

3.   Ħlasijiet magħmula mill-Kummissjoni taħt il-programmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala kontribuzzjoni mill-Fondi skont dan ir-Regolament u għandhom jiġu assenjati lill-impenn miftuħ l-iżjed kmieni, inklużi l-impenji tal-IPA.

Kwalunkwe parti mill-impenji magħmula mill-Kummissjoni taħt il-programmi msemmija fil-paragrafu 1 li tkun għadha miftuħa fid-data tal-adeżjoni għandha tkun irregolata minn dan ir-Regolament mid-data tal-adeżjoni.

4.   Għal operazzjonijiet approvati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li għalihom ingħatat l-approvazzjoni jew li għalihom il-ftehimiet ta' għotja rispettivi mal-benefiċjarji finali jkunu ġew iffirmati qabel id-data tal-adeżjoni, ir-regoli li jirregolaw l-eliġibbiltà tan-nefqa f'konformità ma' jew ibbażati fuq ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 għandhom jibqgħu applikabbli, ħlief f'każijiet debitament ġustifikati li dwarhom għandha tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni fuq talba tal-Kroazja.

Ir-regola ta' eliġibbiltà stabbilita fl-ewwel subparagrafu tapplika wkoll għal proġetti prinċipali msemmija fil-paragrafu 1 li għalihom ikunu ġew iffirmati ftehimiet ta' proġett bilaterali qabel id-data tal-adeżjoni.

5.   Fir-rigward tal-Kroazja, kwalunkwe referenza għall-Fondi kif definita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 għandha titqies li tinkludi wkoll l-Istrument għal Assistenza Qabel l-Adeżjoni stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1085/2006.

6.   Skadenzi speċifiċi applikabbli għall-Kroazja għandhom japplikaw ukoll għall-programmi transkonfinali li ġejjin li jaqgħu taħt il-komponent imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1085/2006, fejn il-Kroazja hija pajjiż parteċipanti:

(a)

il-programm transkonfinali “Ungerija - Kroazja”, u

(b)

il-programm transkonfinali “Slovenja - Kroazja”.

Skadenzi speċifiċi applikabbli għall-Kroazja skont dan ir-Regolament ma japplikawx għal programmi operattivi taħt il-komponenti transnazzjonali u interreġjonali taħt l-Objettiv ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea, fejn il-Kroazja hija pajjiż parteċipanti.

7.   Jekk ikunu meħtieġa xi miżuri biex jiffaċilitaw it-transizzjoni tal-Kroazja mir-reġim ta' qabel l-adeżjoni għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa.”

(zb)

L-Anness I huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ANNESS I

Tqassim annwali tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn mill-2007 sal-2013

(imsemmija fl-Artikolu 18)

(EUR, prezzijiet tal-2004)

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

42 863 000 000

43 318 000 000

43 862 000 000

43 860 000 000

44 073 000 000

44 723 000 000

45 718 037 817”

(zc)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(i)

Fil-paragrafu 5, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(c)

għall-Kroazja, ir-riżorsi għall-finanzjament tal-kooperazzjoni transkonfinali ser ikunu EUR 7 028 744 bi prezzijiet tal-2004;

(d)

għall-Kroazja, ir-riżorsi għall-finanzjament tal-kooperazzjoni transnazzjonali ser ikunu EUR 1 874 332 bi prezzijiet tal-2004.”

(ii)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“7a.

Għall-Kroazja, il-livell massimu tat-trasferiment mill-Fondi ser ikun ta' 3,5240% tal-PDG tagħha.”

(iii)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“9a.

Għall-Kroazja, il-kalkoli tal-PDG mill-Kummissjoni ser ikunu bbażati fuq statistika u projezzjonijiet ippubblikati f'Mejju 2011.”

(zd)

L-Anness III huwa sostitwit b'dan li ġej:

"ANNESS III

Limiti massimi applikabbli għal rati ta' kofinanzjament

(imsemmija fl-Artikolu 53)

Kriterji

Stati Membri

FEŻR u FES

Perċentwali tan-nefqa eliġibbli

Fond ta' Koeżjoni

Perċentwali tan-nefqa eliġibbli

1.

L-Istati Membri li l-PDG medju per capita tagħhom għall-perijodu 2001-2003 kien inqas minn 85 % tal-medja tal-UE-25 matul l-istess perijodu.

Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Romanija, is-Slovenja u s-Slovakkja

85 % għall-Objettivi ta' Konverġenza u Kompetittività Reġjonali u Impjiegi

85 %

2.

Stati Membri minbarra dawk taħt (1) eliġibbli għar-reġim transitorju tal-Fond ta' Koeżjoni fl-1 ta' Jannar 2007

Spanja

80 % għall-Objettiv ta' Konverġenza u r-reġjuni ta' dħul gradwali taħt l-Objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi

50 % għall-Objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi barra mir-reġjuni ta' dħul gradwali

85 %

3.

Stati Membri minbarra dawk imsemmija taħt (1) u (2)

Belġju, Danimarka,Ġermanja, Franza, Irlanda, Italja, Lussemburgu, Pajjiżi l-Baxxi, Awstrija,Finlandja, Svezja u r-Renju Unit

75 % għall-Objettiv ta' Konverġenza

4.

Stati Membri minbarra dawk imsemmija taħt (1) u (2)

Belġju, Danimarka,Ġermanja, Franza, Irlanda, Italja, Lussemburgu, Pajjiżi l-Baxxi, Awstrija,Finlandja, Svezja u r-Renju Unit

50 % għall-Objettiv ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi

5.

Ir-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE li jibbenefikaw mill-allokazzjoni addizzjonali għal dawn ir-reġjuni prevista fil-paragrafu 20 tal-Anness II

Spanja, Franza u Portugall

50 %

6.

Ir-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE

Spanja, Franza u Portugall

85 % taħt l-Objettivi ta' Konverġenza u Kompetittività Reġjonali u Impjiegi

—"

2.

32006 R 1084: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 79).

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

Dispożizzjonijiet speċifiċi wara l-adeżjoni tal-Kroazja

1.   Miżuri li, fid-data tal-adeżjoni tal-Kroazja, kienu s-suġġett ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar assistenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi kull strument għal Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni (2) u li l-implimentazzjoni tagħhom ma tlestietx sa dik id-data għandhom ikunu kkunsidrati bħala approvati mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 sa 5, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet approvati skont dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandhom japplikaw għall-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.   Kwalunkwe proċedura tal-akkwist li tirrigwarda miżuri msemmija fil-paragrafu 1 li, fid-data tal-adeżjoni, diġà kienu s-suġġett ta' sejħa għall-offerti pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi implimentata f'konformità mar-regoli stabbiliti f'dik is-sejħa għall-offerti. L-Artikolu 165 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) m’għandux japplika.

Kwalunkwe proċedura tal-akkwist li tirrigwarda miżura msemmija fil-paragrafu 1 li, fid-data tal-adeżjoni, kienet għadha ma saritx is-suġġett ta' sejħa għall-offerti pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi implimentata f'konformità mat-Trattati jew mal-atti adottati skont it-Trattati kif ukoll mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

3.   Pagamenti magħmula mill-Kummissjoni taħt miżura msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala kontribuzzjoni mill-Fond skont dan ir-Regolament.

Pagamenti magħmula mill-Kummissjoni taħt miżura msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu assenjati lill-impenn miftuħ l-iżjed kmieni magħmul l-ewwelnett skont ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999, u mbagħad skont dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Il-kondizzjonijiet għal pagamenti interim jew għall-bilanċ finali huma dawk kif stabbiliti fil-paragrafu 2 (b) sa (d) u l-paragrafi 3 sa 5 tal-Artikolu D fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1164/94.

4.   Għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, ir-regoli li jirregolaw l-eliġibbiltà tan-nefqa skont ir-Regolament (KE) Nru 1267/1999 jew speċifikament stabbiliti fil-ftehimiet ta' finanzjament rilevanti għandhom jibqgħu applikabbli, ħlief f'każijiet debitament ġustifikati li dwarhom għandha tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni fuq talba tal-Kroazja.

5.   Jekk ikunu meħtieġa xi miżuri biex jiffaċilitaw it-transizzjoni tal-Kroazja mir-reġim ta' qabel l-adeżjoni għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa.


(1)  ĠU L 170, 29.6.2007, p. 1.”

(2)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 73.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.”


Top