Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1230

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1230 tal-31 ta' Mejju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar il-kriterji oġġettivi addizzjonali għall-applikazzjoni ta' rata ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul tal-likwidità preferenzjali għal faċilitajiet ta' kreditu jew ta' likwidità mhux prelevati transfruntiera fi grupp jew skema ta' protezzjoni istituzzjonali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/3522

    ĠU L 177, 8.7.2017, p. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1230/oj

    8.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 177/7


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1230

    tal-31 ta' Mejju 2017

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar il-kriterji oġġettivi addizzjonali għall-applikazzjoni ta' rata ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul tal-likwidità preferenzjali għal faċilitajiet ta' kreditu jew ta' likwidità mhux prelevati transfruntiera fi grupp jew skema ta' protezzjoni istituzzjonali

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b'mod partikolari l-Artikoli 422(10) u 425(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-applikazzjoni ta' rata ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul tal-likwidità preferenzjali għal faċilitajiet ta' kreditu jew ta' likwidità mhux prelevati transfruntiera fi grupp jew skema ta' protezzjoni istituzzjonali (IPS), kif previst fl-Artikoli 29 u 34 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 (2), hija limitata għal dawk il-każijiet fejn ikunu fis-seħħ is-salvagwardji neċessarji u biss b'approvazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti. Dawn is-salvagwardji huma previsti fl-Artikoli 29(2) u 34(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 f'dak li jirrigwarda l-kriterji oġġettivi addizzjonali li jridu jiġu ssodisfati fil-kuntest ta' dawn it-tranżazzjonijiet. Dawk is-salvagwardji jenħtieġ li jkunu speċifikati aktar sabiex jiddefinixxu b'mod ċar il-kundizzjonijiet għall-konformità tagħhom.

    (2)

    Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta' tali rati preferenzjali ma tipperikolax is-sodezza tal-likwidità tal-fornitur tal-likwidità u li ttaffi b'mod effikaċi l-konformità mal-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità tar-riċevitur tal-likwidità. Jenħtieġ li jintwera profil baxx tar-riskju tal-likwidità permezz tal-konformità tal-istituzzjonijiet tal-kreditu mal-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità u rekwiżiti u miżuri superviżorji oħrajn relatati mal-likwidità applikati skont it-Titolu VII, il-Kapitolu 2, it-Taqsimiet III u IV tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), flimkien mal-valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, skont l-aħħar rieżami superviżorju u proċess ta' evalwazzjoni, li l-pożizzjoni tal-likwidità tal-istituzzjoni toħloq riskju ta' livell baxx, bħala referenzi oġġettivi tal-pożizzjonijiet ta' likwidità tagħhom.

    (3)

    L-effettività tal-appoġġ ta' likwidità fi grupp jew f'IPS fuq bażi transfruntiera jenħtieġ li tkun garantita minn qafas kuntrattwali sod evidenzjat minn opinjoni legali approvata mill-korp maniġerjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu. Il-maturità residwa minima jenħtieġ li tiżgura li l-impenn mhuwiex puntwali għal tranżazzjoni speċifika iżda li jibqa' tul perjodu minimu ta' żmien.

    (4)

    Jenħtieġ li jkun żgurat li l-fornitur tal-likwidità jista' jipprovdi lir-riċevitur tal-likwidità bl-appoġġ ta' likwidità meħtieġ f'waqtu, anke fi żminijiet ta' stress. Għal dawn il-finijiet, il-fornitur tal-likwidità jenħtieġ li jissorvelja l-pożizzjoni tal-likwidità tar-riċevitur tal-likwidità u kwalunkwe pjanijiet ta' finanzjament ta' kontinġenza tal-fornitur u jenħtieġ li r-riċevitur tal-likwidità jindirizza l-effetti tal-applikazzjoni ta' rata ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul preferenzjali.

    (5)

    Il-kundizzjonijiet għal konformità mal-kriterji oġġettivi addizzjonali stipulati fl-Artikolu 29(2) u l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 jenħtieġ li jkunu mmirati biex jipprovdu bażi suffiċjenti biex wieħed ikun jista' jistenna flussi tal-likwidità transfruntiera ogħla min-normal fi grupp jew f'IPS taħt stress filwaqt li ma jxekklux l-effiċjenza u l-effettività ta' mudell fejn il-likwidità hija normalment ġestita ċentralment. F'ċerti każijiet speċifiċi ta' nuqqas ta' konformità ma' dawk il-kundizzjonijiet, jiġifieri meta l-fornitur jew ir-riċevitur tal-likwidità ma jissodisfax, jew jistenna li mhux se jissodisfa l-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità jew kwalunkwe rekwiżiti jew miżuri ta' kontroll marbuta mal-likwidità, jew meta l-maturità li jifdal tal-likwidità jew tal-linja tal-kreditu taqa' taħt il-minimu preskritt jew jingħata avviż ta' kanċellazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jenħtieġ li jivvalutaw mill-ġdid jekk l-applikazzjoni ta' rati ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul tal-likwidità preferenzjali jistgħux jitkomplew bl-għan li jevitaw il-konsegwenzi mhux mixtiqin li sospensjoni awtomatika tat-trattament preferenzjali tista' tikkawża f'termini ta' effetti proċikliċi u ta' kontaġju.

    (6)

    Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjoni ulterjuri ta' dawk il-kriterji oġġettivi addizzjonali ma tibdilx ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet ta' kreditu — bħala fornitur jew riċevitur tal-likwidità — biex jimmaniġġaw ir-riskju tal-likwidità tagħhom b'mod prudenti.

    (7)

    L-ispeċifikazzjoni ulterjuri ta' dawk il-kriterji oġġettivi addizzjonali jenħtieġ ukoll li tkun immirata biex tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b'għodda suffiċjenti sabiex jiddeterminaw l-applikazzjoni ta' rata ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul preferenzjali.

    (8)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

    (9)

    L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Kkonċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jispeċifika iktar il-kriterji oġġettivi addizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 29(2) u l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fih.

    Artikolu 2

    Profil ta' riskju tal-likwidità baxx tal-fornitur u r-riċevitur tal-likwidità

    1.   Il-profil ta' riskju tal-likwidità baxx imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 29(2) u fil-punt (a) tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fornitur u r-riċevitur tal-likwidità rrispettaw il-livell meħtieġ tal-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità kif stabbilit fl-Artikoli 4 u 38 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61, kif ukoll kwalunkwe rekwiżiti jew miżuri superviżorji relatati mal-likwidità applikati skont it-Titolu VII, il-Kapitolu 2, it-Taqsimiet III u IV tad-Direttiva 2013/36/UE, fuq bażi kontinwa u għal mill-inqas tnax-il xahar qabel l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata r-rata ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul preferenzjali għal faċilitajiet ta' kreditu jew ta' likwidità mhux prelevati skont l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61.

    (b)

    il-pożizzjonijiet tal-likwidità tal-fornitur u tar-riċevitur tal-likwidità jippreżentaw livell baxx ta' riskju skont l-aħħar proċess ta' rieżami u evalwazzjoni superviżorju u mwettaq skont it-Titolu VII, il-Kapitolu 2, it-Taqsima III tad-Direttiva 2013/36/UE.

    Għall-finijiet biex jiġi determinat jekk il-kundizzjoni msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu hija sodisfatta, il-livell meħtieġ ta' proporzjon tal-kopertura tal-likwidità għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi li r-rata ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul tal-likwidità preferenzjali applikata matul il-perjodu ta' tnax-il xahar imsemmi f'dak il-punt.

    2.   Meta l-fornitur jew ir-riċevitur tal-likwidità jkun ingħata permess mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti biex jirrinunzja l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (d) tal-Artikolu 29(1) u l-punt (d) tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 u fornitur jew riċevitur tal-likwidità ma jissodisfax, jew jistenna li mhux ser jissodisfa l-livell meħtieġ ta' proporzjon ta' kopertura tal-likwidità stipulat fl-Artikoli 4 u 38 ta' dak ir-Regolament Delegat, jew kwalunkwe rekwiżit jew miżura superviżorji relatati mal-likwidità applikati skont it-Titolu VII, il-Kapitolu 2, it-Taqsimiet III u IV tad-Direttiva 2013/36/UE, għandu immedjatament jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti u jinkludi deskrizzjoni tal-effetti ta' dan in-nuqqas li jintlaħaq dak il-proporzjon ta' kopertura tal-likwidità jew kwalunkwe rekwiżit jew miżura superviżorji relatati mal-likwidità dwar ir-rata tal-fluss ta' ħruġ jew ta' dħul preferenzjali korrispondenti applikata lill-kontroparti tiegħu.

    3.   Meta l-fornitur jew ir-riċevitur tal-likwidità jkun ingħata permess mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti biex jirrinunzja l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (d) tal-Artikolu 29(1) u l-punt (d) tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 u fornitur jew riċevitur tal-likwidità ma jissodisfax, jew jistenna li mhux ser jissodisfa l-livell meħtieġ ta' proporzjon ta' kopertura tal-likwidità stipulat f'dan ir-Regolament Delegat, in-notifika msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun inkluża fin-notifika u l-pjan ta' rkupru immedjati meħtieġa skont l-Artikolu 414 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    4.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiddeterminaw jekk ir-rati ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul preferenzjali jibqgħux japplikaw skont il-proċess imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    Artikolu 3

    Ftehimiet u impenji legalment vinkolanti bejn l-entitajiet fil-grupp rigward il-linja ta' kreditu jew ta' likwidità mhux prelevati

    1.   Il-ftehimiet u l-impenji legalment vinkolanti msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 29(2) u fil-punt (b) tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-linja ta' kreditu jew ta' likwidità hija linja impenjata li hija legalment u prattikament disponibbli f'kull ħin, għat-tul ta' żmien ta' din il-faċilità, anke matul perjodu ta' stress, fuq bażi transfruntiera. Hija ddedikata speċifikament għall-applikazzjoni ta' rata ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul preferenzjali prevista fl-Artikoli 29 u 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 u li hija disponibbli fuq talba. Għal dawn l-għanijiet, l-istituzzjonijiet ta' kreditu wettqu rieżami legali suffiċjenti appoġġat minn opinjoni ġuridika bil-miktub u raġunata approvati mill-korpi ta' ġestjoni tagħhom, filwaqt li jikkonfermaw il-validità u l-eżegwibilità legali tal-ftehim jew impenn tal-linja ta' kreditu jew ta' likwidità fil-ġuriżdizzjonijiet rilevanti kollha;

    (b)

    id-denominazzjoni tal-munita tal-linja ta' kreditu jew ta' likwidità impenjata hija konsistenti mad-distribuzzjoni skont il-munita tal-flussi ta' ħruġ netti tal-likwidità tar-riċevitur tal-likwidità li mhumiex relatati mal-linja;

    (c)

    l-ammont u l-kost tal-linja ta' kreditu jew ta' likwidità impenjata huma speċifikati b'mod ċar fil-kuntratt rilevanti;

    (d)

    il-ftehimiet u l-impenji ma fihom l-ebda klawsola li tippermetti lill-fornitur tal-likwidità li:

    (i)

    jesiġi xi kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti qabel ma tiġi pprovduta l-likwidità;

    (ii)

    joħroġ mill-obbligi tiegħu li jwettaq dawn il-ftehimiet u l-impenji;

    (iii)

    ibiddel it-termini tal-ftehimiet u l-impenji mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

    (e)

    il-linja ta' kreditu jew ta' likwidità għandha maturità residwa ta' aktar minn sitt xhur f'kull ħin. Jekk il-linja ta' kreditu jew ta' likwidità ma jkollhiex data ta' maturità, ikollha perjodu minimu ta' notifika ta' sitt xhur għall-kanċellazzjoni.

    2.   Ir-rieżami legali msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jiġi aġġornat regolarment biex jirrifletti kull bidla fil-liġijiet tal-ġuriżdizzjonijiet rilevanti kollha. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu nnotifikati dwar l-eżitu ta' dawn l-analiżi legali.

    3.   L-ammont tal-linja ta' kreditu jew ta' likwidità msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ma għandux jiġi rivedut mingħajr il-kunsens minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

    4.   Jekk il-maturità residwa msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 taqa' taħt is-sitt xhur jew tingħata notifika għal kanċellazzjoni tal-linja ta' kreditu jew ta' likwidità, l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom immedjatament jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti. Dawn l-awtoritajiet għandhom jiddeterminaw jekk ir-rati ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul preferenzjali jibqgħux japplikaw skont il-proċess imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    Artikolu 4

    Kunsiderazzjoni tal-profil tar-riskju tal-likwidità tar-riċevitur tal-likwidità fil-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tal-fornitur tal-likwidità

    Il-profil tar-riskju tal-likwidità tar-riċevitur tal-likwidità jitqies fil-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tal-fornitur tal-likwidità kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 29(2) u fil-punt (c) tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 meta l-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

    (a)

    il-fornitur tal-likwidità jimmonitorja u jissorvelja l-pożizzjoni ta' likwidità tar-riċevitur kuljum. Fil-każ ta' banek korrispondenti, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-pożizzjoni tal-likwidità tar-riċevitur jistgħu jiġu limitati għall-bilanċi tal-kontijiet vostro tar-riċevitur tal-likwidità.

    (b)

    l-effetti tar-rata ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul preferenzjali huma kkunsidrati b'mod sħiħ u integrati fil-pjanijiet ta' finanzjament ta' kontinġenza tal-fornitur tal-likwidità u tar-riċevitur tal-likwidità, li jqisu l-impedimenti potenzjali għat-trasferiment ta' din il-likwidità u jevalwaw iż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' dan it-trasferiment. Għal dawn l-għanijiet, il-fornitur tal-likwidità juri lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti li jista' jkun raġonevolment mistenni li jkompli jipprovdi l-faċilità tal-likwidità lir-riċevitur tal-likwidità anki fi żminijiet ta' stress, mingħajr ma jitħalla impatt avvers materjali fuq il-pożizzjoni tal-likwidità tiegħu stess. Il-pjan ta' finanzjament ta' kontinġenza tal-fornitur tal-likwidità jiżgura li ma jibbażax fuq il-likwidità meħtieġa sabiex tiġi onorata l-linja ta' kreditu jew ta' likwidità impenjata tar-riċevitur tal-likwidità.

    (c)

    il-pjan ta' finanzjament ta' kontinġenza tal-fornitur tal-likwidità jqis ir-rata ta' fluss ta' ħruġ jew ta' dħul preferenzjali sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tiegħu li jipprovdi l-likwidità neċessarja meta jkun meħtieġ.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Mejju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 321, 27.6.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


    Top