EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0119

Trasport aktar ekoloġiku u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Marzu 2009 dwar trasport aktar ekoloġiku u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (2008/2240(INI))

OJ C 87E, 1.4.2010, p. 76–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/76


L-Erbgħa, 11 ta’ Marzu 2009
Trasport aktar ekoloġiku u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni

P6_TA(2009)0119

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2009 dwar trasport aktar ekoloġiku u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (2008/2240(INI))

2010/C 87 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 bit-titolu “Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku” (COM(2008)0433),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 bit-titolu “Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni” (COM(2008)0435),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 bit-titolu “Miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti” (COM(2008)0432),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 bit-titolu “Inżommu lill-Ewropa miexja - Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna” (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar politika Ewropea tat-trasport sostenibbli li tqis il-linji politiċi Ewropej dwar l-enerġija u l-ambjent (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0055/2009),

A.

billi l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea huma li tnaqqas il-gassijiet b'effett ta' serra b’20 %, iżżid l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli għal 20 % u tnaqqas il-konsum tal-enerġija b’20 %, kollha sal-2020,

B.

billi, rigward l-għan li t-trasport isir iktar ekoloġiku, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta' suġġerimenti bl-objettiv li jiġġieldu kontra l-bidla fil-klima, komunikazzjoni dwar l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għall-mezzi kollha ta' trasport, komunikazzjoni dwar it-tnaqqis tal-ħsejjes ferrovjarji, u proposta leġiżlattiva speċifika waħda għar-reviżjoni tal-ħlasijiet għall-użu tat-toroq minn vetturi tal-ġarr tal-merkanzija tqal,

C.

billi l-Artikolu 11, paragrafu 3 u 4, tad-Direttiva tal-Eurovignette (3) kif emendata fl-2006, stipula li: “Mhux iktar tard mill-10 ta' Ġunju 2008 l-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat l-għażliet kollha, inklużi spejjeż marbuta mal-ambjent, mal-ħsejjes, mal-konġestjoni u mas-saħħa, għandha tippreżenta mudell applikabbli b'mod ġenerali, trasparenti u komprensibbli għall-valutazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha sabiex iservi bħala l-bażi għall-kalkolu fil-ġejjieni tal-ħlasijiet għall-infrastruttura. Dan il-mudell għandu jkun akkumpanjat minn analiżi tal-impatt tal-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni għall-modi kollha ta' trasport u minn strateġija għal implimentazzjoni fi stadji tal-mudell għall-modi kollha ta' trasport. Ir-rapport u l-mudell għandhom ikunu akkumpanjati, fejn ikun xieraq, minn proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal reviżjoni ulterjuri ta' din id-Direttiva”,

D.

billi l-internalizzazzjoni trid tkun integrata f’politika aktar komprensiva li tippromwovi l-ko-modalità u sistema sostenibbli tat-trasport u billi din il-politika għandha tinkludi wkoll il-promozzjoni tar-riċerka, il-finanzjament tal-infrastruttura, il-ftuħ tas-swieq u l-istandardizzazzjoni; billi, madankollu, dawn is-sinjali ta’ prezzijiet infushom mhux se jkunu biżżejjed biex ibiddlu l-imġiba tal-utenti sakemm l-alternattivi meħtieġa jkunu disponibbli għalihom (karozzi aktar nodfa, forom alternattivi ta’ trasport, eċċ),

E.

billi l-Kummissjoni ddeskriviet b’mod konvinċenti l-impatt negattiv fuq is-saħħa pubblika tal-istorbju tal-ferroviji, iżda madankollu, bħala l-ġebla tax-xeka għall-inizjattiva tagħha għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju, qiegħda sempliċiment tistipula rekwiżit biex il-vetturi tal-merkanzija jkunu “mgħammra bi brejkijiet b'ħoss baxx”,

Trasport iktar ekoloġiku

1.

Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar trasport iktar ekoloġiku bħala pass inizjali importanti lejn approċċ iktar komprensiv li jagħmel it-trasport, fil-ħafna modi varjati tiegħu, iktar rispettuż tal-ambjent, u wkoll bħala rikonoxximent tal-importanza u l-ħtieġa li t-trasport isir iktar effiċjenti fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;

2.

Jirrimarka li l-mobilità toffri benefiċċji kbar għall-kwalità tal-ħajja personali, għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-UE, għall-koeżjoni soċjo-ekonomika, għall-kummerċ ma' pajjiżi mhux membri tal-UE, u għall-intrapriżi u l-impjegati involuti direttament jew indirettament fil-qasam tat-trasport u tal-loġistika;

3.

Jirrikonoxxi li, minbarra li għandha effetti pożittivi u li hi indispensabbli għall-iżvilupp ekonomiku tal-Unjoni Ewropea u l-koeżjoni ekonomika-soċjali u territorjali, il-mobilità għandha wkoll effetti negattivi fuq l-ambjent naturali u fuq il-bnedmin, u għalhekk isostni li l-politika tat-trasport Ewropea – mingħajr ma tinjora l-interessi leġittimi tal-individwi u tal-industrija fejn tidħol il-mobilità – għandha tkompli tfittex li tagħmel iktar ekoloġiku l-qasam tat-trasport sabiex telimina, jew tal-inqas tnaqqas, l-effetti ta' ħsara, skont l-objettivi tal-Unjoni fil-ġlieda kontra t-tisħin globali sal-2020;

4.

Jilqa’ l-fatt li fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għamlet “inventarju” tal-miżuri meħuda s'issa mill-UE biex tippromwovi politika ta’ trasport sostenibbli;

5.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset li tipproduċi pjan integrat sabiex it-trasport isir aktar ekoloġiku, jiġifieri pjan li jkopri kull qasam tat-trasport; josserva li l-Kummissjoni ħadet inizjattivi preliminari li finalment għandhom iwasslu għal strateġija komprensiva għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha ta' trasport; iżda minflok s'issa:

adottat approċċ frammentarju identifikat f’Manwal għall-istima tal-ispejjeż esterni tat-trasport u għall-internalizzazzjoni tagħhom f'oqsma individwali (ara l-manwal għall-istima tal-ispejjeż esterni fil-qasam tat-trasport),

ippreżentat proposta biex temenda d-Direttiva 1999/62/KE (id-Direttiva tal-Eurovignette), li hija maħsuba sabiex tippermetti lill-Istati Membri li jintaxxaw għall-ispejjeż esterni li jirriżultaw mill-vetturi tqal tal-ġarr tal-merkanzija, b’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dik id-Direttiva,

ipproponiet li tintaxxa l-ispejjeż esterni kkawżati mill-istorbju ferrovjarju bl-użu ta’ ħlasijiet għall-użu tal-infrastruttura mfassla skont l-istorbju;

6.

Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex, għall-mezzi kollha ta' trasport, tagħmel dispożizzjoni għall-miżuri u l-istrumenti neċessarji biex it-trasport ikompli jsir iktar ekoloġiku, waqt li tqis il-konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ u l-miżuri li diġà ttieħdu fis-setturi differenti tat-trasport, b'referenza għal dawk il-proposti, twettaq evalwazzjonijiet tal-impatt xjentifikament effikaċi tal-miżuri individwali u tal-konsegwenzi tagħhom fuq il-kompetizzjoni f'termini ta' modi kif ukoll tal-impatt tagħhom fuq l-ispejjeż tal-mobilità u tal-kompettitività; u biex, fuq din il-bażi, tippreżenta pjan integrat għal trasport iktar ekoloġiku, flimkien ma' proposti leġiżlattivi speċifiċi;

L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni

7.

Jinnota li fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-istrateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, il-Kummissjoni naqset li tissodisfa l-obbligu impost fuqha mill-Parlament u mill-Kunsill, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Eurovignette kif emendata, ladarba ma fasslitx u ma ressqitx – kif ammettiet hi stess – mudell applikabbli b’mod ġenerali, trasparenti u komprensibbli għall-valutazzjoni globali tal-ispejjeż esterni, ma analizzatx l-impatt fuq il-modi kollha ta’ trasport u, fil-livell prattiku, ipproduċiet fir-rigward tal-vetturi tqal biss l-ewwel pass ta' strateġija għall-implementazzjoni gradwali tal-mudell għall-modi kollha ta' trasport;

8.

Jinnota li fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni saru referenzi estensivi għall-Ktieb ta' Gwida ppubblikat f'Jannar 2008 rigward il-kalkolu tal-ispejjeż esterni, li jgħaqqad l-għarfien xjentifiku l-aktar reċenti rigward il-kalkolu tal-ispejjeż esterni fil-qasam tat-trasport;

9.

Jinnota li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha, ippreżentat ġustifikazzjonijiet xjentifikament koerenti għall-ħlas ta' spejjeż esterni individwali mill-mezzi differenti ta' trasport, u adottat dak li tiddeskrivi bħala “approċċ prammatiku msejjes fuq l-ispiża medja”; jappoġġa b'mod ġenerali l-bażi magħżula mill-Kummissjoni tal-ipprezzar tal-ispejjeż soċjali marġinali, f'konformità mal-White Paper dwar it-Trasport tal-2001;

10.

Jinnota li fil-komunikazzjoni tagħha u fil-proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 1999/62/KE (id-Direttiva tal-Eurovignette) il-Kummissjoni espliċitament tqis il-prinċipju li min iniġġes iħallas, stabbilit fl-Artikolu 175 (5) tat-Trattat; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, fil-passi ulterjuri fir-rigward tal-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni, biex jitqiesu l-forom kollha ta' internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni li diġà jeżistu, bħal taxxi taż-żejt u ħlasijiet tat-toroq;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni biex meta tressaq iktar proposti biex il-qasam tat-trasport isir aktar ekoloġiku, tinkludi evalwazzjonijiet dwar l-impatt tal-kompetizzjoni bejn il-mezzi tat-trasport u dwar l-impatti soċjali u ambjentali assoċjati, kif sar bil-proposta biex tiġi reveduta d-Direttiva 1999/62/KE (d-Direttiva tal-Eurovignette), u biex tinkludi l-ispejjeż tal-mobilità u tal-kompetittività;

12.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma pproponietx miżuri biex tnaqqas l-effetti ta’ żieda fid-distanza li tirriżulta mit-tkabbir tal-UE u ma għamlet ebda previżjonijiet dwar il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li għandhom ostakoli ġeografiċi u għal dawk li s'issa għad m’għandhomx alternattivi multimodali; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tirrimedja dawn in-nuqqasijiet bħala parti mir-reviżjoni futura tan-netwerks tat-trasport trans-Ewropew (TENs);

13.

Jinkoraġixxi lill-Kummissjoni, għal dan l-iskop, biex tippreżenta proposta supplimentari għal kurituri għall-mobilità multimodali (“kurituri ekoloġiċi”) bħala parti mir-reviżjoni tat-TEN-T, li tibbilanċja l-piżijiet imposti mill-proposta preżenti billi tippermetti aċċessibbiltà u mobilità mingħajr ostakli;

14.

Jitlob lill-Kummissjoni biex l-ewwel nett tieħu passi mingħajr dewmien sabiex tipproduċi proposti konkreti għall-modi kollha ta' trasport, u t-tieni nett, biex twettaq il-kompitu li joħroġ mill-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Eurovignette kif emendata billi tressaq pjan komprensiv għall-kalkolu u l-ħlas tal-ispejjeż esterni u ta’ evalwazzjoni tal-impatt tagħhom fuq il-bażi ta' mudell komprensibbli;

Tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju

15.

Jagħraf li fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju għall-flotta eżistenti, il-Kummissjoni wieġbet għall-bżonn tat-tnaqqis tat-fastidju mill-ħsejjes, b’mod partikulari mill-vaguni tal-merkanzija, għan-nies li jgħixu qrib il-linji ferrovjarji;

16.

Jenfasizza li l-adattament ta’ vaguni bi prezz raġonevoli jippresupponi r-riżoluzzjoni tal-ostakli tekniċi eżistenti kif ukoll l-eliminazzjoni tal-piżijiet amministrattivi fiċ-ċertifikati relevanti malajr kemm jista’ jkun u qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura leġiżlattiva li torbot;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal direttiva bl-għan li tintroduċi ħlasijiet marbuta mal-istorbju għall-aċċess għal-linji ferrovjarji għal-lokomottivi u l-vaguni sabiex tipprovdi inċentivi kemm jista' jkun malajr għall-impriżi ferrovjarji biex jarmaw mill-ġdid il-flottot tagħhom b'vetturi li jagħmlu ftit ħoss billi jissostitwixxu l-blokok tal-brejkijiet; iqis li, jekk ikun meħtieġ u fejn ikun meħtieġ, jistgħu jitqiesu wkoll miżuri għal perjodu ta' żmien qasir u li l-ebda miżura leġiżlattiva m’għandu jkollha impatt negattiv fuq is-settur ferrovjarju f’kompetizzjoni intermodali;

18.

Jistenna mill-Kummissjoni li fil-proposta tagħha tipprovdi metodu prattikabbli li, permezz tal-allokazzjoni tad-dħul, jiggarantixxi li dan it-tip ta' titjib ma jsirx biss fil-vaguni li jkunu proprjetà tal-impriżi ferrovjarji, iżda jkun estiż ukoll għall-vaguni ta' kumpanniji oħra li jiġu trasportati minn intrapriżi ferrovjarji;

*

* *

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 175E, 10.7.2008, p. 556.

(2)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0087.

(3)  Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42).


Top