Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0104

    Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija

    ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/104/oj

    5.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 327/9


    DIRETTIVA 2008/104/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-19 ta’ Novembru 2008

    dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 137(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tikkonforma mal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (3). B’mod partikolari, hija mfassla biex tiżgura konformità sħiħa ma’ l-Artikolu 31 tal-Karta, li jipprevedi li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu, u għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perijodu annwali ta’ leave imħallas.

    (2)

    Il-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tipprevedi fil-punt 7 tagħha, inter alia, li t-tlestija tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-għixien tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea; dan il-proċess jintlaħaq billi jkun armonizzat il-progress rigward dawn il-kondizzjonijiet, l-aktar rigward forom ta’ xogħol bħax-xogħol b’kuntratt għal żmien definit, xogħol part-time, xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u xogħol staġunali.

    (3)

    Fis-27 ta’ Settembru 1995 il-Kummissjoni kkonsultat lil min imexxi u lill-ħaddiema fil-livell Komunitarju skond l-Artikolu 138(2) tat-Trattat dwar l-azzjoni li għandha tiġi adottata fil-livell Ewropew fir-rigward tal-flessibbiltà tas-sigħat tax-xogħol u s-sigurtà ta’ l-impjieg tal-ħaddiema.

    (4)

    Wara dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni qieset li kienet irrikmandata azzjoni Komunitarja u fid-9 ta’ April 1996 kkonsultat ulterjorment lil min imexxi u lill-ħaddiema skond l-Artikolu 138(3) tat-Trattat dwar il-kontenut tal-proposta prevista.

    (5)

    Fl-introduzzjoni tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien definit konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, il-firmatarji indikaw l-intenzjoni tagħhom li jqisu l-ħtieġa għal ftehim simili dwar ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u ddeċidew li ma jinkludux il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fid-Direttiva dwar ix-xogħol għal żmien definit.

    (6)

    L-organizazzjonijiet trans-settorjali ġenerali, jiġifieri l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ Min Iħaddem fl-Ewropa (UNICE) (4), iċ-Ċentru Ewropew ta’ l-Intrapriżi b’Parteċipazzjoni Pubblika u ta’ Intrapriżi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (CEEP) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), infurmaw lill-Kummissjoni f’ittra konġunta tad-29 ta’ Mejju 2000, bix-xewqa tagħhom li jagħtu bidu għall-proċess previst fl-Artikolu 139 tat-Trattat. Permezz ta’ ittra konġunta oħra tat-28 ta’ Frar 2001 huma talbu lill-Kummissjoni biex testendi l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 138(4) b’xahar. Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba u estendiet l-iskadenza għan-negozjati sal-15 ta’ Marzu 2001.

    (7)

    Fil-21 ta’ Mejju 2001, l-imsieħba soċjali rrikonoxxew li n-negozjati tagħhom dwar ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ma waslu għall-ebda ftehim.

    (8)

    F’Marzu 2005, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra vitali t-tnedija mill-ġdid ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona u l-iffukar mill-ġdid tal-prijoritajiet tagħha dwar it-tkabbir u l-impjiegi. Il-Kunsill approva l-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi 2005-2008, li għandhom l-għan, inter alia, li jippromwovu l-flessibbiltà flimkien mas-sigurtà ta’ l-impjieg u li jnaqqsu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, b’konsiderazzjoni debita tar-rwol ta’ l-imsieħba soċjali.

    (9)

    F’konformità mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Aġenda Soċjali li tkopri l-perijodu sa l-2010, li ntlaqet mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2005 bħala kontribut lejn il-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona billi jiġi rrinfurzat il-mudell soċjali Ewropew, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol u diversità akbar ta’ l-arranġamenti kuntrattwali għall-ħaddiema u l-impriżi, li jikkombinaw aħjar il-flessibbiltà mas-sigurtà, jikkontribwixxu għall-adattabbiltà. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2007 approva l-prinċipji komuni miftiehma ta’ flessigurtà li jilħqu bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol u jgħinu kemm lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem jaħtfu l-opportunitajiet offruti mill-globalizzazzjoni.

    (10)

    Hemm differenzi konsiderevoli fl-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u fis-sitwazzjoni legali, l-istatus u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fl-Unjoni Ewropea.

    (11)

    Ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija mhux biss jilħaq il-ħtiġijiet għall-flessibbiltà ta’ l-intrapriżi iżda wkoll il-ħtieġa li l-impjegati jirrikkonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u dik privata tagħhom. B’hekk huwa jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

    (12)

    Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas protettiv għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li huwa non-diskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali.

    (13)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1991 li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ mpjieg għal perijodu definit jew ta’ mpjieg temporanju (5) tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà u s-saħħa applikabbli għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

    (14)

    Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg applikabbli għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu ta’ l-inqas dawk li japplikaw għal dawn il-ħaddiema kieku kellhom ikunu rreklutati mill-impriża utenti biex jokkupaw l-istess impjieg.

    (15)

    Il-kuntratti ta’ impjieg għal żmien indefinit huma l-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Fil-każ ta’ ħaddiema li għandhom kuntratt permanenti ma’ l-aġenzija ta’ xogħol temporanju tagħhom, u bil-ħsieb tal-protezzjoni speċjali li joffri tali kuntratt, għandu jkun previst li jkunu permessi eżenzjonijiet mir-regoli applikabbli fl-impriża utenti.

    (16)

    Sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw b’mod flessibbli d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-imsieħba soċjali jiddefinixxu kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg, sakemm jiġi rispettat il-livell ġenerali ta’ protezzjoni għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

    (17)

    Barra minn hekk, f’ċerti ċirkostanzi limitati, l-Istati Membri għandhom, abbażi ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali, ikunu jistgħu jidderogaw f’limiti mill-prinċipju ta’ trattament ugwali, sakemm jiġi pprovdut livell adegwat ta’ protezzjoni.

    (18)

    It-titjib fil-protezzjoni minima għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandu jkun akkumpanjat minn reviżjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni jew projbizzjoni li setgħet ġiet imposta fuq ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija. Dawn jistgħu jkunu ġġustifikati biss għal raġunijiet ta’ interess ġenerali rigward, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-ħaddiema, ir-rekwiżiti tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u l-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u li jiġu prevenuti l-abbużi.

    (19)

    Din id-Direttiva la taffettwa l-awtonomija ta’ l-imsieħba soċjali u lanqas m’għandha taffettwa r-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali, inkluż id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi strumenti ta’ ftehim kollettivi skond il-liġi u l-prattiki nazzjonali filwaqt li tiġi rispettata l-liġi Komunitarja prevalenti.

    (20)

    Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet fuq ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija huma mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni nazzjonali jew il-prattiki li jipprojbixxu li ħaddiema li joħorġu fuq strajk ikunu sostitwiti b’ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

    (21)

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex iħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u għandhom jipprovdu pieni effettivi, dissważivi u proporzjonati għall-ksur ta’ l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva.

    (22)

    Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (6).

    (23)

    Peress li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi stabbilit qafas armonizzat fuq livell Komunitarju għall-protezzjoni għal ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jista’, minħabba fl-iskala jew l-effetti ta’ l-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju billi jkunu introdotti rekwiżiti minimi applikabbli mal-Komunità kollha, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma teċċedix dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom.

    2.   Din id-Direttiva tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma aġenziji ta’ xogħol temporanju jew impriżi utenti impenjati f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk qed jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le.

    3.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jipprovdu li din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg konklużi taħt programm speċifiku pubbliku jew sostnut b’mezzi pubbliċi ta’ taħriġ vokazzjonali, ta’ integrazzjoni jew ta’ taħriġ mill-ġdid.

    Artikolu 2

    Għan

    Il-fini ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif imniżżel fl-Artikolu 5, ikun applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju bħala entitajiet li jħaddmu, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija bil-ħsieb li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a)

    “ħaddiem” tfisser kwalunkwe persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala ħaddiem skond il-liġi nazzjonali ta’ l-impjieg;

    (b)

    “aġenzija ta’ xogħol temporanju” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ impjieg ma’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija sabiex tassenjahom lil impriżi utenti biex jaħdmu hemm temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom;

    (ċ)

    “ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija” tfisser ħaddiem b’kuntratt ta’ impjieg jew li għandu relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju bil-ħsieb li jiġi assenjat għal ma’ impriża utenti biex jaħdem temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

    (d)

    “impriża utenti” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jaħdem temporanjament għaliha taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

    (e)

    “assenjazzjoni” tfisser il-perijodu li matulu l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jintbagħat fl-impriża utenti biex jaħdem temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

    (f)

    “kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg” tfisser kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u/jew dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti oħrajn fis-seħħ fl-impriża utenti relatati ma’:

    (i)

    it-tul tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-breaks, il-perijodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol bil-lejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi;

    (ii)

    il-paga.

    2.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni ta’ paga, kuntratt ta’ impjieg, relazzjoni ta’ impjieg, jew ħaddiem.

    L-Istati Membri m’għandhomx jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ħaddiema, kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ impjieg sempliċiment minħabba li dawn għandhom x’jaqsmu ma’ ħaddiema part-time, ħaddiema b’kuntratt għal żmien definit jew persuni b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju.

    Artikolu 4

    Reviżjoni tar-restrizzjonijiet jew tal-projbizzjonijiet

    1.   Il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu ġġustifikati biss għal raġunijiet ta’ interess ġenerali li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu prevenuti l-abbużi.

    2.   Sal-5 ta’ Diċembru 2011, l-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali skond il-leġislazzjoni nazzjonali, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u l-prattiki, jirrevedu kwalunkwe restrizzjoni jew projbizzjoni fuq l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija sabiex jivverifikaw jekk humiex iġġustifikati għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

    3.   Jekk dawn ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet huma stabbiliti bi strumenti ta’ ftehim kollettivi, ir-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 2 tista’ titwettaq mill-imsieħba soċjali li jkunu nnegozjaw il-ftehim rilevanti.

    4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti nazzjonali fir-rigward tar-reġistrazzjoni, il-liċenzjar, iċ-ċertifikazzjoni, il-garanziji finanzjarji jew il-monitoraġġ ta’ l-aġenziji ta’ xogħol temporanju.

    5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultati tar-reviżjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 sal-5 ta’ Diċembru 2011.

    KAPITOLU II

    KONDIZZJONIJIET TA’ IMPJIEG U TA’ XOGĦOL

    Artikolu 5

    Il-prinċipju ta’ trattament ugwali

    1.   Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien ta’ l-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, ta’ l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg.

    Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu, ir-regoli fis-seħħ fl-impriża utenti dwar:

    (a)

    il-protezzjoni ta’ nisa tqal u ommijiet li qed ireddgħu u l-protezzjoni ta’ tfal u żgħażagħ; u

    (b)

    it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa u kwalunkwe azzjoni biex tiġi miġġielda kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon, it-twemmin, diżabbiltajiet, l-età jew l-orjentament sesswali;

    għandhom jiġu rrispettati kif stabbilit mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u/jew kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali oħra.

    2.   Fir-rigward tal-paga, l-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jipprovdu li ssir eżenzjoni mill-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1 fejn il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li għandhom kuntratt permanenti ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju jibqgħu jitħallsu fiż-żmien ta’ bejn l-assenjazzjonijiet.

    3.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jagħtuhom, fil-livell adatt u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, l-għażla li jżommu jew jikkonkludu strumenti ta’ ftehim kollettivi li, waqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jistgħu jkunu differenti minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1.

    4.   Sakemm ikun ipprovdut livell adegwat ta’ protezzjoni għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, l-Istati Membri, li fihom jew m’hemmx sistema fil-liġi biex strumenti ta’ ftehim kollettivi jiġu ddikjarati applikabbli universalment jew li m’hemmx sistema bħal din fil-liġi jew prattika biex id-dispożizzjonijiet tagħhom jiġu estiżi għall-impriżi simili kollha f’ċertu settur jew żona ġeografika, jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali u abbażi ta’ ftehim konkluż minnhom, jistabbilixxu arranġamenti rigward il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg li jidderogaw mill-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1. Dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu perijodu ta’ kwalifika għal trattament ugwali.

    Id-dispożizzjonijiet msemmijin f’dan il-paragrafu għandhom ikunu f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja u għandhom ikunu preċiżi u aċċessibbli biżżejjed biex jippermettu lis-setturi u lill-impriżi kkonċernati jidentifikaw u jikkonformaw ma’ l-obbligi tagħhom. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(2) jekk l-iskemi tas-sigurtà soċjali marbutin max-xogħol, inklużi l-iskemi ta’ pensjoni, ta’ ħlas għall-mard jew ta’ parteċipazzjoni finanzjarja humiex inklużi fil-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg imsemmijin fil-paragrafu 1. Dispożizzjonijiet bħal dawn għandhom ukoll ikunu mingħajr preġudizzju għal strumenti ta’ ftehim fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew settorjali li m’humiex inqas favorevoli għall-ħaddiema.

    5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti, skond il-liġi nazzjonali u/jew il-prattika, bil-ħsieb li jipprevjenu l-użu ħażin fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u, b’mod partikolari, jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’tali miżuri.

    Artikolu 6

    Aċċess għall-impjieg, faċilitajiet kollettivi u taħriġ vokazzjonali

    1.   Il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu infurmati bi kwalunkwe post vakant fl-impriża utenti biex jingħataw l-istess opportunità bħall-ħaddiema l-oħra f’dik l-impriża biex isibu impjieg permanenti. Din l-informazzjoni tista’ tingħata b’avviz ġenerali f’post adatt fl-impriża li għaliha u taħt is-superviżjoni tagħha jiġu ingaġġati l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe klawsola li tipprojbixxi jew li għandha l-effett li tipprevjeni l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża utenti u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija wara l-assenjazzjoni tiegħu huma nulli u bla effett jew jistgħu jiġu ddikjarati nulli u bla effett.

    Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet skond liema l-aġenziji ta’ xogħol temporanju jirċievu livell raġonevoli ta’ rikompensa għas-servizzi mogħtija lill-impriżi utenti għall-assenjazzjoni, ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

    3.   L-aġenziji ta’ xogħol temporanju m’għandhom jitolbu lill-ħaddiema l-ebda ħlas, bi skambju għal li jkunu rranġawlhom li jiġu rreklutati minn impriża utenti, jew għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ impriża utenti wara li titwettaq assenjazzjoni f’dik l-impriża.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(1), il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom jingħataw aċċess għall-komoditajiet jew faċilitajiet kollettivi fl-impriża utenti, b’mod partikolari kwalunkwe kantin, faċilità ta’ kura tat-tfal u servizz ta’ trasport, bl-istess kondizzjonijiet bħall-ħaddiema impjegati direttament mill-impriża, sakemm id-differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi.

    5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti jew għandhom jippromwovu d-djalogu bejn l-imsieħba soċjali, skond it-tradizzjonijiet u l-prattiki nazzjonali tagħhom, sabiex:

    (a)

    itejbu l-aċċess tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għat-taħriġ u l-faċilitajiet ta’ kura tat-tfal fl-aġenziji ta’ xogħol temporanju, anki fil-perijodi bejn l-assenjazzjonijiet, sabiex itejbu l-iżvilupp tal-karriera u l-impjegabbiltà tagħhom;

    (b)

    itejbu l-aċċess tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għat-taħriġ għall-ħaddiema ta’ l-impriżi utenti.

    Artikolu 7

    Rappreżentanza tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija

    1.   Il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom jgħoddu, skond il-kondizzjonjiet stabbiliti mill-Istati Membri, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu li ‘l fuq minnu l-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema previsti skond il-liġi Komunitarja u nazzjonali u l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi għandhom jiġu ffurmati fl-aġenzija ta’ xogħol temporanju.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, skond kondizzjonijiet li huma jiddefinixxu, ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jgħoddu għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu li ‘l fuq minnu l-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema previsti skond il-liġi Komunitarja u nazzjonali u l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi għandhom jiġu ffurmati fl-impriza utenti, bl-istess mod daqs li kieku kienu ħaddiema impjegati direttament għall-istess perijodu ta’ żmien mill-impriża utenti.

    3.   Dawk l-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla prevista fil-paragrafu 2 m’għandhomx ikunu obbligati jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

    Artikolu 8

    Informazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni li huma aktar stretti u/jew aktar speċifiċi u b’mod partikolari d-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea (7), l-impriża utenti għandha tipprovdi informazzjoni adatta dwar l-użu ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija meta tkun qed tipprovdi l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ impjieg f’dik l-impriża lill-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema stabbiliti skond il-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja.

    KAPITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 9

    Rekwiżiti minimi

    1.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jippromwovu jew jippermettu strumenti ta’ ftehim kollettivi konklużi bejn l-imsieħba soċjali li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

    2.   L-implimentazzjoni tad-Direttiva taħt l-ebda ċirkustanza m’għandha tikkostitwixxi raġunijiet suffiċjenti biex tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti b’din id-Direttiva. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ Stati Membri u/jew ta’ min iħaddem u l-ħaddiema li jistabbilixxu, fid-dawl ta’ ċirkostanzi li jinbidlu, arranġamenti leġislattivi, regolatorji jew kuntrattwali differenti minn dawk li jipprevalu fiż-żmien ta’ l-addozzjoni ta’ din id-Direttiva, dejjem sakemm jiġu rispettati r-rekwiżiti minimi stabbiliti f’din id-Direttiva.

    Artikolu 10

    Pieni

    1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ din id-Direttiva mill-aġenziji tax-xogħol temporanju jew mill-impriżi utenti. B’mod partikolari, huma għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adegwati biex l-obbligi li ġejjin minn din id-Direttiva jkunu jistgħu jiġu infurzati.

    2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-disposizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni tagħhom. Il-pieni pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-disposizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-5 ta’ Diċembru 2011. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emenda sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet fi żmien xieraq. Huma għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom ikollhom mezzi adegwati biex jinfurzaw l-obbligi skond din id-Direttiva.

    Artikolu 11

    Implimentazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-5 ta’ Diċembru 2011, jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim, li bih l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa li jippermettulhom jiggarantixxu f’kull ħin li l-objettivi ta’ din id-Direttiva jintlaħqu. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

    2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    Artikolu 12

    Reviżjoni mill-Kummissjoni

    Sal-5 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha, f’konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali fil-livell Komunitarju, tirrevedi l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li tipproponi, fejn ikun xieraq, l-emendi meħtieġa.

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 14

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Strasburgu, 19 ta’ Novembru 2008.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-P. JOUYET


    (1)  ĠU C 61, 14.3.2003, p. 124.

    (2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Novembru 2002 (ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 368), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2008 u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2008 (għandha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

    (4)  UNICE biddlet isimha għal BUSINESSEUROPE f’Jannar 2007.

    (5)  ĠU L 206, 29.7.1991, p. 19.

    (6)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

    (7)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.


    Top