EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar

Sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan iħassar ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003, magħruf bħala “r-Regolament Brussell IIa ”, biex jipprovdi regoli aktar effettivi li jipproteġu t-tfal u l-ġenituri tagħhom li nqabdu f’tilwim transfruntier dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, pereżempju dwar il-kustodja, id-drittijiet ta’ aċċess u s-sekwestru ta’ minuri.
  • Għandu l-għan li jħaffef il-proċeduri minħabba l-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata biex jiġu protetti l-aħjar interessi tal-minuri f’ħafna minn dawn iċ-ċirkostanzi.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament japplika għal kwistjonijiet ċivili* ta’:

  • divorzju;
  • separazzjoni legali;
  • annullament ta’ żwieġ;
  • responsabbiltà tal-ġenituri (attribuzzjoni, eżerċizzju, delega, restrizzjoni jew terminazzjoni), b’mod partikolari:
    • kustodja u drittijiet ta’ aċċess;
    • tutela, kurazija* u istituzzjonijiet simili;
    • tfal taħt kura istituzzjonali jew f’familja;
    • il-protezzjoni tat-tfal b’rabta mal-proprjetà personali tagħhom.

L-obbligi ta’ manteniment huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament.

F’kuntest transfruntier, ir-regolament jipprevedi:

  • regoli armonizzati dwar il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju, separazzjoni legali u annullament ta’ żwieġ;
  • regoli armonizzati dwar il-ġurisdizzjoni f’tilwim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri bħal kustodja, drittijiet ta’ aċċess jew it-tqegħid ta’ minuri f’pajjiż ieħor tal-UE;
  • proċedura ta’ ritorn imtejba f’każijiet ta’ sekwestru ta’ minuri billi jiġu introdotti skadenzi ċari biex dawk il-każijiet ikunu jistgħu jiġu solvuti malajr; il-qrati tal-ewwel u tat-tieni istanza se jkollhom jagħtu d-deċiżjonijiet tagħhom fi żmien 6 ġimgħat;
  • il-promozzjoni ta’ medjazzjoni;
  • it-tfal jingħataw l-opportunità li jinstemgħu fil-proċedimenti li jikkonċernawhom;
  • l-eliminazzjoni tal-ħtieġa għal proċedura intermedjarja (“exequatur”) għal deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, u b’hekk jiġu ffrankati l-ħin u l-ispejjeż għall-individwi;
  • regoli aktar ċari dwar it-tqegħid ta’ tfal f’pajjiż ieħor tal-UE, inkluża l-ħtieġa għal kunsens fis-sitwazzjonijiet kollha, ħlief fejn minuri jitqiegħed ma’ ġenitur;
  • deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni aktar effettivi, li jintroduċu r-raġunijiet possibbli għas-sospensjoni jew ir-rifjut ta’ infurzar;
  • ċirkolazzjoni simplifikata tad-deċiżjonijiet, strumenti awtentiċi* u ċerti ftehimiet fi ħdan l-UE permezz ta’ regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar f’pajjiżi oħra tal-UE;
  • kollaborazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet ċentrali ta’ pajjiżi differenti tal-UE u bejn il-qrati, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-partijiet u l-kunfidenzjalità.

L-aħjar interessi tal-wild jibqgħu l-kunsiderazzjoni primarja, skont l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta’ Novembru 1989, kif implimentati mil-liġi u l-proċedura nazzjonali.

Ir-regolament jikkomplementa l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri li tindirizza deċiżjonijiet li jordnaw ir-ritorn tal-minuri lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

Tħassir

Ir-Regolament (UE) 2019/1111 iħassar ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 mill-1 ta’ Awwissu 2022.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mill-1 ta’ Awwissu 2022. Xi regoli li jikkonċernaw atti delegati u r-rekwiżit li l-pajjiżi tal-UE jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea japplikaw mit-22 ta’ Lulju 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Kwistjonijiet ċivili: proċeduri tal-qorti ċivili u d-deċiżjonijiet li jirriżultaw. Għall-finijiet tar-regolament, it-terminu jinkludi l-applikazzjonijiet, il-miżuri jew id-deċiżjonijiet kollha relatati mal-“responsabbiltà tal-ġenituri” fis-sens ta’ dan ir-regolament, skont l-objettivi tiegħu u abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Kurazija: individwu li jkun inħatar legalment biex jieħu ħsieb l-interessi ta’ persuna li, minħabba li hija taħt l-età, jew minħabba n-nuqqas ta’ fehim tagħha, jew għal xi raġuni oħra, ma tkunx tista’ tieħu ħsiebhom hi stess. Hija applikata għat-tutur tal-patrimonju tal-minuri taħt it-tutela tal-istat (jiġifieri minorenni mqiegħed bl-awtorità tal-liġi taħt il-kura ta’ tutur) kif distint mit-tutur tal-persuna tagħhom.
Strumenti awtentiċi: iddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 805/2004 bħala:
  • dokument li jkun tħejja formalment jew irreġistrat bħala strument awtentiku, u li l-awtentiċità tiegħu:
    • tkun relatata mal-firma u l-kontenut tal-istrument; u
    • tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra li jkollha s-setgħa għal dak il-għan mill-pajjiż tal-UE li fih joriġina; jew
  • arranġament li huwa relatat ma’ obbligi ta’ manteniment konklużi mal-awtoritajiet amministrattivi jew awtentikat minnhom.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ĠU L 178, 2.7.2019, pp. 1-115)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 138, 23.12.2003, pp. 1-29)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU L 7, 10.1.2009, pp. 1-79)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 13.11.2019

Top