EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2031

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2031 tat-13 ta' Novembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1918/2006 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwota tariffarja għaż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija

ĠU L 298, 14.11.2015, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Impliċitament imħassar minn 32020R0760

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2031/oj

14.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 298/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2031

tat-13 ta' Novembru 2015

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1918/2006 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwota tariffarja għaż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 187 tiegħu

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1918/2006 (2) fetaħ kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa verġni li jaqa' fil-kodiċijiet NM 1509 10 10 u 1509 10 90, miksub kollu fit-Tuneżija u ttrasportat direttament minn dak il-pajjiż. L-Artikolu 2(2) ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi limiti fix-xahar għall-kwantità ta' żejt taż-żebbuġa li għalih jistgħu jinħarġu liċenzji tal-importazzjoni bħala parti mill-volum globali tal-kwota stipulata fil-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu. Minħabba l-ħtieġa li jittieħdu miżuri biex tittaffa s-sitwazzjoni ekonomika tat-Tuneżija, huwa xieraq li jitħaffef il-kummerċ fiż-żejt taż-żebbuġa bejn l-Unjoni u t-Tuneżija billi jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-amministrazzjoni tal-kwota miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 1918/2006. Jeħtieġ għalhekk jitrażżnu l-limiti ta' kull xahar stipulati fl-Artikolu 2(2) ta' dak ir-Regolament.

(2)

L-ammont ta' garanzija stabbilit fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1918/2006 għandu jiżdied sabiex jiggarantixxi li l-impenn għall-importazzjoni jkun issodisfat matul il-perjodu ta' validità tal-liċenzji tal-importazzjoni.

(3)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1918/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1918/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-kwota tinfetaħ mill-1 ta' Jannar ta' kull sena.”;

(b)

jitħassar il-paragrafu 3.

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   B'deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-applikanti jistgħu jissottomettu applikazzjoni għal liċenzja tal-importazzjoni waħda kull ġimgħa, nhar ta' Tnejn jew nhar ta' Tlieta.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu validi mid-data tal-ħruġ tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 (*), sal-aħħar jum tal-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni.

L-ammont tal-garanzija għandu jkun EUR 20 għal kull 100 kilogramma netta.

(*)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3).”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika għall-perjodi tal-kwota li jibdew fl-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1918/2006 tal-20 ta' Diċembru 2006 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwota tariffarja għaż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 84).


Top