EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0564

Il-politika spazjali Ewropea
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta’ Novembru 2008 dwar il-politika spazjali Ewropea: kif nistgħu inqarrbu l-ispazju lejn id-dinja

ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 57–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 16/57


Il-politika spazjali Ewropea

P6_TA(2008)0564

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-politika spazjali Ewropea: kif nistgħu inqarrbu l-ispazju lejn id-dinja

(2010/C 16 E/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-26 ta' Settembru 2008 dwar il-futur tal-politika spazjali Ewropea (1),

wara li kkunsidra t-Trattat tan-NU dwar il-Prinċipji li Jirregolaw l-Attivitajiet tal-Istati fl-Esplorazzjoni u l-Użu tal-Ispazju, inkluż il-Qamar u Korpi Ċelesti Oħra (Riżoluzzjoni 2222 (XXI) — Trattat dwar l-Ispazju),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Lulju 2008 dwar l-ispazju u s-sigurtà (2), u tad-29 ta' Jannar 2004 dwar il-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-politika spazjali Ewropea (3), u d-deliberazzjonijiet tas-seduta ta' smigħ pubblika organizzata mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija fis-16 ta' Lulju 2007,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2007 dwar il-politika spazjali Ewropea (4),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tal-11 ta' Settembru 2008 bit-titolu ’Rapport ta' Progress tal-Politika Spazjali Ewropea’ (COM(2008)0561),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru 2003 dwar l-iffirmar tal-Ftehim ta' Qafas bejn il-KE u l-Aġenzija Spazjali Ewropea,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, kif emendati mit-Trattat ta' Liżbona, u d-dispożizzjonijiet relevanti tal-politika spazjali Ewropea (Artikolu 189 tat-TFEU),

wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-ispazju hu riżors strateġiku ta' importanza fundamentali għall-indipendenza, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa, u billi l-iżviluppi politiċi f'dan il-qasam jeħtieġ ikunu mmexxija mill-Kunsill flimkien mal-Parlament,

B.

billi l-Unjoni u numru ta' Stat Membri kienu involuti fil-finanzjament u fl-iżvilupp tat-teknoloġija u x-xjenza spazjali għal aktar minn 30 sena, li b'riżultat ta' dan ħolqu viżjoni għall-politika spazjali Ewropea (PSE), filwaqt li kienet rikonoxxuta l-koperazzjoni fejjieda mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ASE),

C.

billi jeżisti interess li qed jikber li l-Unjoni jkollha sehem importanti u mexxej fl-PSE biex jinstabu soluzzjonijiet fil-qasam tal-ambjent, it-trasport, ir-riċerka, id-difiża u s-sigurtà,

D.

billi Politika Spazjali Ewropea b'saħħitha, b'mod partikulari mil-lat ta' applikazzjonijiet, servizzi u infrastrutturi relatati, tikkontribwixxi sabiex l-Unjoni tkun influwenti mil-lat soċjali, kulturali, ekonomiku u xjentifiku, tgħin fl-iżvilupp tal-bażi industrijali u xjentifika tagħha, tikkontribwixxi għat-tkabbir u l-impjiegi u tiżgura l-awtonomija politika u teknoloġika b'mod koerenti u realistiku,

E.

billi l-attivitajiet spazjali kollha tal-Ewropa jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju li l-esplorazzjoni u l-użu tal-ispazju extratmosferiku huma ta' benefiċċju u fl-interess tal-pajjiżi kollha, u jirrikonoxxi li l-ispazju estratmosferiku hu provinċja tal-umanità kollha li għandha tintuża għal skopijiet purament paċifiċi,

F.

billi l-Unjoni ħadet l-impenn li tippromwovi l-koperazzjoni internazzjonali fl-esplorazzjoni u l-użu tal-ispazju extratmosferiku; jaqbel mal-fehma tal-Kunsill li l-azzjonijiet tal-Ewropa rigward l-esplorazzjoni tal-ispazju għandhom isiru fi ħdan programm dinji,

G.

wara li kkunsidra l-importanza għall-iżvilupp tal-PSE li jitjieb l-għarfien tal-pubbliku, kif ukoll l-appoġġ pubbliku għall-iżvilupp ta' teknoloġiji spazjali, filwaqt li tkun żgurata kumplimentarjetà ta' azzjonijiet u massimizzar tas-sinerġiji ma' żviluppi mhux spazjali,

H.

wara li kkunsidra l-ħtieġa strateġika li l-Ewropa tiggarantixxi l-kontinwità ta' aċċess għall-ispazju li jkun awtonomu, affidabbli, sostenibbli u effiċjenti meta mqabbel man-nefqa, ibbażat kemm fuq id-disponibilità ta' grupp ta' lanċaturi adegwati u kompetittivi ta' klassi dinjija kif ukoll port spazjali Ewropew operattiv,

I.

billi jeħtieġ jinstabu strumenti u fondi adegwati tal-Unjoni għall-PSE biex jissupplimentaw l-allokazzjonijiet tas-Seba' Programm ta' Qafas għall-attivitajiet tar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013), sabiex ikun possibbli għall-parteċipanti ekonomiċi differenti li jippjanaw l-azzjonijiet tagħhom fuq medda medja u twila ta' żmien,

J.

billi struttura adegwata ta' governanza fil-qasam tal-politika u l-attivitajiet spazjali u qafas regolatorju xieraq biex jiffaċilita l-introduzzjoni veloċi ta' servizzi downstream innovattivi u kompetittivi, b'mod partikulari bl-għan li jiggarantixxu aċċess sostnut għall-ispektrum għall-applikazzjonijiet kollha bbażati fl-ispazju, huma fundamentali biex jiżguraw li l-PSE tagħti r-riżultati mistennija u tilħaq l-ambizzjonijiet tal-Unjoni, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u tal-Istati Membri rispettivi,

K.

billi jeħtieġ jiġi definit kalendarju preċiż għat-twettiq tal-għanijiet ta' Galileo, EGNOS u l-programm għall-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES), imsejjaħ Copernicus u għandu jiġi stabbilit pjan direzzjonali għad-diversi entitajiet li għandhom sehem fl-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi,

L.

billi l-ispazju issa jirrappreżenta għodda unika għall-ġbir u x-xandir istantanju mad-dinja kollha ta' kwantitajiet kbar ta' data fis-soċjetà ta' llum, kif ukoll għodda kruċjali sabiex tiġi mifhuma u monitorjata l-bidla dinjija fil-klima, qasam li fih l-Ewropa qiegħdha fuq quddiem; jistieden lill-atturi internazzjonali l-oħra biex jadottaw attitudni aktar responsabbli lejn il-ġenerazzjonijiet futuri,

M.

billi jistgħu jinkisbu żviluppi importanti rigward l-aspetti ta' sigurtà fl-ispazju, b'mod ewlieni fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, is-sorveljanza u l-osservazzjoni tad-dinja,

N.

billi r-riżoluzzjoni tar-raba' laqgħa tal-Kunsill dwar l-Ispazju (laqgħa konġunta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-ASE tat-22 ta' Mejju 2007 talbet li jitjieb il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-ispazju fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll f'istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni,

O.

billi l-qafas finanzjarju li jmiss għandu jqis li jkun hemm strumenti u skemi ta' finanzjament tal-Unjoni biex jippermettu investiment Komunitarju fit-tul għal riċerka relatata mal-ispazju u għall-operat ta' applikazzjonijiet sostenibbli bbażati fl-ispazju għall-benefiċċju tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha,

P.

billi l-Unjoni għandha ssaħħaħ il-koperazzjoni tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Settembru 2008 bħala impenn politiku siewi lejn l-iżvilupp tal-PSE li tagħti kontribut kbir għal identità Ewropea u jtenni l-intenzjoni tiegħu li jkun kostruttiv u jipparteċipa b'mod sħiħ fl-implimentazzjoni tagħha, daqs li kieku t-Trattat ta' Liżbona kien fis-seħħ;

2.   Jaqbel mal-Kunsill li l-prijoritajiet attwali huma l-implimentazzjoni f'waqtha tal-programmi Galileo, EGNOS u GMES/Copernicus;

3.   Jilqa' b'sodisfazzjon partikolari l-ħolqien tal-panel interistituzzjonali għall-Galileo li jista' jservi bħala mudell għall-iżvilupp tal-ESP;

4.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiffissaw kalendarju preċiż għall-ħolqien ta' struttura ta' governanza effiċjenti għall-programm GMES/Copernicus, u biex b'mod ċar jistabbilixxi pjan direzzjonali għal dan il-programm bl-għan li jsir aktar effiċjenti u jiġi speċifikat il-baġit allokat għalih;

5.   Jisħaq dwar is-sehem deċiżiv ta' GMES/Copernicus bħala inizjattiva mmexxija mill-utenti implimentata permezz tal-kontribut essenzjali tal-infrastrutturi ta' osservazzjoni in situ bbażati fid-dinja u fl-ispazju; jenfasizza li l-kontinwità tad-data u tas-servizzi hi indispensabbli; hu tal-fehma, b'mod aktar partikulari, li l-Kummissjoni l-ewwel għandha timpenja ruħha li ssir evalwazzjoni tal-impatt tal-benefiċċji potenzjali, tal-ispejjeż u tal-evoluzzjoni fit-tul tal-inizjattiva GMES/Copernicus, u mbagħad tibgħat lill-Parlament u lill-Kunsill pjan ta' azzjoni li jkun ikopri, fost l-oħrajn, l-aspetti li ġejjin:

il-qafas legali tal-programm GMES/Copernicus,

governanza għall-programm GMES/Copernicus, inkluż is-sehem ta' entitajiet tal-UE u oħrajn li mhumiex,

il-finanzjament tal-programm GMES/Copernicus,

pjan ta' implimentazzjoni,

is-sehem ta' inizjattivi simili u kumplimentari, kemm intergovernattivi kif ukoll multilaterali,

l-aspetti internazzjonali tal-programm GMES/Copernicus, u għaldaqstant il-koperazzjoni meħtieġa;

6.   Jiddispjaċih illi, minkejja r-rakkomandazzjonijiet ċari tal-komunità tal-utenti, il-kontinwità tad-data tal-altimetrija tal-inklinazzjoni baxxa mhix assigurata lil hinn minn tmiem il-ħajja tas-satellita Jason 2 li ġa qiegħda fl-orbita, u jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu ħsieb il-problemi relatati mal-iffinanzjar ta' Jason 3, li qegħdin jissograw li jipperikolaw is-sostenibilità fuq medda qasira tas-servizzi Copernicus, u tirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjonijiet meħuda f'dan ir-rigward;

7.   Jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' djalogu strutturat bejn l-atturi istituzzjonali u intergovernattivi Ewropej, biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess miftuħ u ġust għall-benefiċċji tal-ESP;

8.   Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu sinerġiji bejn l-iżviluppi ta' natura ċivili u dawk tas-sigurtà fil-qasam spazjali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kapaċitajiet Ewropej relatati ma' sigurtà u difiża jiddependu fost l-oħrajn mid-disponibilità ta' sistemi bbażati fuq satelliti, u li l-aċċess għalihom hu kruċjali għall-Unjoni;

9.   Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħmlu progress fil-lat ta' relazzjonijiet internazzjonali, jiġifieri dwar il-kompetizzjoni fis-swieq internazzjonali kummerċjali u governattivi, bil-għan li jiżguraw li l-Ewropa titkellem b'vuċi waħda u ssegwi strateġija miftehma;

10.   Jaqbel mal-Kunsill li l-koperazzjoni internazzjonali dwar l-ispazju trid taqdi l-interessi tal-Ewropa u li b'dan l-iskop, għandha tagħti kontribut għal inizjattivi globali; jenfasizza l-importanza li tkun żgurata l-awtonomija politika, teknoloġika u operattiva Ewropea;

11.   Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li huma stqarrew l-intenzjoni tagħhom li jippreżentaw lill-Parlament, fil-kuntest tal-pjan ta' implimentazzjoni tal-ESP, rakkomandazzjonijiet jew proposti speċifiċi, minħabba n-natura tal-erba' oqsma ta' prijorità, dwar:

l-ispazju u l-bidla fil-klima,

il-kontribut tal-ESP għall-Istrateġija ta' Liżbona,

l-ispazju u s-sigurtà, skont ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2008,

l-esplorazzjoni tal-ispazju, inkluża l-preżenza umana u titjir spazjali mgħammar b'ekwipaġġ;

12.   Jenfasizza li hu importanti li tiġi żviluppata politika industrijali relatata mal-ispazju, fejn element kruċjali ta' din il-politika jkun il-qafas regolatorju u l-programm ta' standardizzazzjoni li jikkontribwixxi sabiex ifeġġu swieq downstream ġodda Ewropej, u jfakkar li r-Regolament Galileo joħloq punt ta' referenza għall-involviment tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-politika industrijali Ewropea relatata mal-ispazju;

13.   Jirrikonoxxi l-kontribut uniku tal-programmi spazjali li filwaqt li jippermettu kopertura dinjija u fit-tul, jagħmlu disponibbli data importanti għar-riċerka dwar il-bidla fil-klima, u jipprovdu l-bażi tal-evidenza għat-teħid ta' deċiżjonijiet ewlenin fil-politika ambjentali;

14.   Jirrikonoxxi li l-ispazju jista' jagħti kontribut għall-kisba tal-għanijiet ta' Liżbona biex jiġu sodisfati l-ambizzjonijiet ekonomiċi, edukattivi, soċjali u ambjentali tal-Unjoni u l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha;

15.   Jirrikonoxxi li jeħtieġ li l-Unjoni tieħu passi prattiċi sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fir-rigward ta' teknoloġiji, komponenti u operazzjonijiet spazjali kritiċi partikolari;

16.   Iqis li l-Ewropa għandha tiżviluppa viżjoni komuni u ppjanar strateġiku fit-tul għall-esplorazzjoni spazjali biex ikollha sehem fi programmi internazzjonali (bħall-Istrateġija Dinjija tal-Esplorazzjoni) għall-esplorazzjoni spazjali umana u robotika, inkluża l-possibilità ta' spedizzjoni umana lejn Mars;

17.   Iħeġġeġ li tiġi kkunsidrata linja baġitarja ġdida speċifika possibbli għall-ESP fil-baġit tal-UE sabiex din tirrifletti l-impenn qawwi tal-Unjoni lejn l-ESP u biex tiżdied iċ-ċarezza u t-trasparenza ta' din il-politika, jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Liżbona dwar il-politika spazjali jidħlu fis-seħħ;

18.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu investimenti fix-xjenza u t-teknoloġija relatata mal-ispazju;

19.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-inizjattivi xierqa għall-iżvilupp tal-użu tal-ispazju għall-ġbir u d-distribuzzjoni tal-informazzjoni, u jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu inkoraġġiti żviluppi teknoloġiċi fil-qasam tas-sorveljanza u l-osservazzjoni tal-ispazju;

20.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun evitat it-tniġġis tal-ispazju extratmosferiku;

21.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi studju dwar l-impatt tat-turiżmu spazjali u l-qafas neċessarju relevanti tiegħu mil-lat ta' sikurezza, sigurtà u regolamentazzjoni;

22.   Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jibdew ħidma ta' riflessjoni fuq skala kbira dwar l-esplorazzjoni tal-ispazju, filwaqt li jiddefinixxu viżjoni ta' dik li għandha tkun il-pożizzjoni tal-Ewropa, u r-riżorsi tagħha, għal sforzi ta' esplorazzjoni ġejjiena dinjija; f'dan ir-rigward, jixtieq assoċjazzjoni mill-qrib mal-konferenza ta' livell għoli dwar l-esplorazzjoni proposta mill-Kummissjoni;

23.   Jenfasizza l-valur tal-esplorazzjoni spazjali biex iż-żgħażagħ Ewropej jitħajru jagħżlu karriera fix-xjenza u t-teknoloġija u biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' riċerka fl-Ewropa;

24.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Spazjali Ewropea, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


(1)  ĠU C 268, 23.10.2008, p. 1.

(2)  Testi Adottati ta' din id-data, P6_TA(2008)0365.

(3)  ĠU C 96 E, 21.4.2004, p. 136.

(4)  ĠU C 136, 20.6.2007, p. 1.


Top