Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0486

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/486 tal-21 ta’ Jannar 2022 li jemenda l-Annessi I u III tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-infiq b’intervent pubbliku

    C/2022/298

    ĠU L 100, 28.3.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/486/oj

    28.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 100/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/486

    tal-21 ta’ Jannar 2022

    li jemenda l-Annessi I u III tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-infiq b’intervent pubbliku

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(2) u (3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 (2) jistabbilixxi regoli dettaljati applikabbli għal nefqa ta’ intervent pubbliku taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG). Id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament jeħtieġu li jiġu adattati sabiex jitqies li l-intervent pubbliku jintuża biss okkażjonalment.

    (2)

    Il-parti I tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 tiddefinixxi r-rati tal-imgħax applikabbli għall-finanzjament tan-nefqa ta’ intervent pubbliku taħt il-FAEG.

    (3)

    Sabiex jiġu ddeterminati dawn ir-rati tal-imgħax, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-rata medja tal-imgħax li effettivament kellhom matul il-perjodu ta’ referenza. Jekk Stat Membru ma ġarrab l-ebda kost tal-imgħax, minħabba li ma kellux prodotti agrikoli fil-ħżin pubbliku, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-rata ta’ imgħax ta’ referenza abbażi tar-rati medji tal-imgħax ta’ referenza. Għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, ir-rata ta’ imgħax ta’referenza hija r-Rata Interbankarja Offruta f’Euro (EURIBOR). Għall-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, ir-rata ta’ imgħax ta’ referenza hija r-Rata Interbankarja Offruta (IBOR).

    (4)

    Minħabba n-numru dejjem jonqos ta’ tranżazzjonijiet sottostanti għall-EURIBOR, ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (EURSTR) jenħtieġ li tiġi pprovduta bħala rata ta’ riżerva għal każijiet fejn l-EURIBOR ma jkunx disponibbli. Għall-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll il-possibbiltà li tintuża r-rata ta’ riżerva li tissostitwixxi l-IBOR nazzjonali.

    (5)

    Bħalissa, skont ir-regoli stabbiliti fil-Parti I tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 , il-Kummissjoni għandha tadotta, għal kull sena kontabilistika, regolament ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi r-rata tal-imgħax, anki jekk ma jkun hemm l-ebda bidla fir-rata tal-imgħax u anki jekk ma jkun hemm l-ebda prodott fil-ħżin pubbliku. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u effiċjenza fir-riżorsi, huwa xieraq li jiġi previst li r-regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxi r-rata tal-imgħax jibqa’ fis-seħħ sakemm jitħassar. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni taġġorna r-rata tal-imgħax biss jekk iseħħ intervent għall-ħżin pubbliku jew jekk ikun mistenni li jseħħ xiri sfurzat b’intervent.

    (6)

    Il-punt 4, tal-Parti I, tal-Anness III tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 jistabbilixxi r-regoli għall-istabbiliment tal-ammonti standard applikabbli għall-Unjoni meta inqas minn erba’ Stati Membri jqiegħdu prodott partikolari fil-ħżin pubbliku. Madankollu, jista’ jiġri li aktar minn erba’ Stati Membri jqiegħdu prodott partikolari fil-ħżin pubbliku iżda inqas minn erba’ Stati Membri jinnotifikaw l-ispejjeż irreġistrati tagħhom. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali fl-istabbiliment tal-ammonti standard applikabbli, jenħtieġ li tiżdied dispożizzjoni għal każijiet fejn inqas minn erba’ Stati Membri jinnotifikaw l-ispejjeż irreġistrati tagħhom.

    (7)

    Il-punt 3, tal-Parti II, tal-Anness III tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tirrapporta l-ammonti standard stabbiliti preċedentement għal prodott f’każ li ma kien hemm ebda ħżin pubbliku, jew f’każ li mhux se jkun hemm ħżin pubbliku, għas-sena kontabilistika kurrenti. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u effiċjenza fir-riżorsi, jenħtieġ li l-ammonti standard applikabbli ma jiġux stabbiliti regolarment kull sena. Minflok, id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi dawk l-ammonti standard jenħtieġ li tibqa’ applikabbli sakemm titħassar.

    (8)

    Għalhekk, l-Annessi I u III tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 jenħtieġ li jiġu emendati skont din,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Annessi I u III tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 906/2014 huma emendati kif ġej:

    (1)

    L-Anness I, Parti I huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.

    Għall-finijiet tal-kalkolu tal-kostijiet ta’ finanzjament imġarrba mill-FAEG għall-fondi mobilizzati mill-Istat Membru għax-xiri ta’ prodotti, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rata tal-imgħax uniformi għall-Unjoni kollha f’konformità mal-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Ir-rata tal-imgħax uniformi għandha tikkorrispondi mal-medja tar-rati forward tal-EURIBOR fuq perjodu ta’ tliet xhur u ta’ 12-il xahar, irreġistrati matul perjodu ta’ referenza ta’ sitt xhur li għandu jiġi ddeterminat mill-Kummissjoni, b’ponderazzjoni ta’ terz u żewġ terzi rispettivament. Jekk l-EURIBOR ma jkunx disponibbli, għandha tintuża l-medja tal-EURSTR, irreġistrata matul dak il-perjodu ta’ referenza ta’ sitt xhur.”;

    (b)

    il-punt 2 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit bis-segwenti:

    “Biex jiġu stabbiliti r-rati ta’ imgħax applikabbli, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, meta titlob dan, dwar ir-rata tal-imgħax medja li jkunu ħallsu fil-verità matul il-perjodu ta’ referenza li hemm referenza għalih fil-punt 1 sa mhux aktar tard mid-data ta’ skadenza msemmija f’dik it-talba. In-notifika għandha ssir permezz tal-formola li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri mill-Kummissjoni.”;

    (ii)

    il-punti (a) u (b) fit-tielet subparagrafu huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    Għal Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, it-tliet xhur tal-EURIBOR jew, jekk il-EURIBOR ma jkunx disponibbli, l-EURSTR;

    (b)

    Għal Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, l-IBOR għal tliet xhur applikabbli f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri jew, jekk l-IBOR ma jkunx disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat, ir-rata li tissostitwixxi l-IBOR.”;

    (c)

    fil-punt 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Ir-rati tal-imgħax stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottat abbażi tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandhom jiġu aġġustati sa punt deċimali wieħed.”;

    (d)

    jiżdied il-punt 4 li ġej:

    “4.

    Ir-regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxi r-rata tal-imgħax kif imsemmi fil-punt 3, it-tieni subparagrafu, għandu jkompli japplika sakemm jitħassar minn regolament ta’ implimentazzjoni ġdid tal-Kummissjoni li jistabbilixxi rata tal-imgħax ġdida.”;

    (2)

    L-Anness III huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt 4, tal-Parti I huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.

    Jekk inqas minn erba’ Stati Membri jqiegħdu prodott partikolari fil-ħżin pubbliku, jew jinnotifikaw il-kostijiet għal operazzjoni fiżika relatata ma’ prodott imsemmi fl-Anness II, l-ammonti standard għal dak il-prodott għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-kostijiet irreġistrati fl-Istati Membri kkonċernati. Madankollu, l-ammont standard finali għal dak il-prodott ma jistax ikun differenti mill-ammont stabbilit qabel b’aktar minn 2 %.”;

    (b)

    il-punt 3, tal-Parti II, huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.

    Jekk ma jkun hemm l-ebda ħżin pubbliku fis-sena kontabilistika kkonċernata, id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ammonti standard għandha tkompli tapplika sakemm titħassar b’deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ġdida tal-Kummissjoni li tistabbilixxi ammonti standard ġodda.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-infiq b’intervent pubbliku (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 1).


    Top