Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32013R0409
Commission Implementing Regulation (EU) No 409/2013 of 3 May 2013 on the definition of common projects, the establishment of governance and the identification of incentives supporting the implementation of the European Air Traffic Management Master Plan Text with EEA relevance
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 tat- 3 ta’ Mejju 2013 dwar id-definizzjoni ta’ proġetti komuni, it-twaqqif ta’ governanza u l-identifikazzjoni ta’ inċentivi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Test b’relevanza għaż-ŻEE
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 tat- 3 ta’ Mejju 2013 dwar id-definizzjoni ta’ proġetti komuni, it-twaqqif ta’ governanza u l-identifikazzjoni ta’ inċentivi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 123, 4.5.2013, p. 1–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 22/02/2021
4.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 123/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 409/2013
tat-3 ta’ Mejju 2013
dwar id-definizzjoni ta’ proġetti komuni, it-twaqqif ta’ governanza u l-identifikazzjoni ta’ inċentivi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 15a tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-qafas regolatorju tal-Ajru Uniku Ewropew jinkludi l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
(2) |
L-applikazzjoni tal-qafas regolatorju tal-Ajru Uniku Ewropew għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004. |
(3) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2011 (3), il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ governanza u inċentivi għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR (Riċerka u żvilupp tal-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew) ibbażati fuq l-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004. Dawn il-mekkaniżmi jinkludu proġetti komuni, li għandhom jgħinu l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Pjan Regolatorju għall-ATM; gwida dwar proġetti komuni, li għandha tistabbilixxi qafas vinkolanti dwar kif il-proġetti komuni jistgħu jappoġġjaw tali implimentazzjoni; u mekkaniżmi ta’ governanza li għandhom jiżguraw mobilizzazzjoni f’waqtha, ikkoordinata u sinkronizzata billi jistabbilixxu allokazzjoni ċara ta’ responsabbiltajiet fost il-partijiet interessati. |
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 għandu l-għan li jgħin lill-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jtejbu l-infrastruttura kollettiva tan-navigazzjoni tal-ajru, il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru u l-użu tal-ispazju tal-ajru billi jaħdmu flimkien fuq proġetti komuni. L-għan huwa wkoll li jitħaffef l-mobilizzazzjoni tal-proġett ta’ Riċerka u Żvilupp tal-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR). |
(5) |
SESAR huwa l-proġett stabbilit sabiex jimmodernizza s-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru Ewropew. Huwa l-pilastru teknoloġiku tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew. |
(6) |
SESAR jikkonsisti fi tliet fażijiet: il-fażi ta’ definizzjoni biex jiġi definit il-kontenut tal-ġenerazzjoni li tmiss ta’ sistemi tal-ATM; il-fażi ta’ żvilupp biex tiġi żviluppata u validata l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ sistemi teknoloġiċi, komponenti u proċeduri operattivi; u l-fażi tal-mobilizzazzjoni li tikkonsisti mill-industrijalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tas-sistemi l-ġodda ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. |
(7) |
Il-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Pjan Regolatorju għall-ATM), li ġie prodott matul il-fażi ta’ definizzjoni tas-SESAR huwa l-pjan ta’ azzjoni miftiehem biex iwassal ir-riċerka u l-iżvilupp tal-ATM fil-fażi tal-mobilizzazzjoni. |
(8) |
Il-Pjan Regolatorju għall-ATM jiddeskrivi l-bidliet operattivi neċessarji li huma meħtieġa biex jgħinu jiksbu l-objettivi tal-prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES). Din hija għodda ewlenija għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR u tipprovdi l-bażi għal użu f’waqtu, ikkoordinat u sinkronizzat tal-funzjonalitajiet il-ġodda tal-ATM. |
(9) |
L-objettivi u l-prijoritajiet tal-mobilizzazzjoni għandhom iqisu wkoll aspetti tal-operazzjonijiet tan-Netwerk definiti fil-Pjan Strateġiku għan-Netwerk, li jinkludi l-miri tal-prestazzjoni konsisteni mal-miri tal-prestazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha u l-azzjonijiet ippjanati biex jilħqu dawn il-miri, u fil-pjan Operattiv tan-Netwerk definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (4). |
(10) |
Mobilizzazzjoni f’waqtha, ikkoordinata u sinkronizzata tas-Sesar hija neċessarja biex jinkisbu l-objettivi tal-prestazzjoni tas-SES u l-benefiċċji ekonomiċi globali mistennija mill-modernizzazzjoni tal-ATM. |
(11) |
Proġetti komuni previsti fl-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 għandhom jgħinu jtejbu l-prestazzjoni tan-netwerk Ewropew tal-ATM (EATMN) u juru analiżi tal-kostijiet-benefiċċji globalment pożittiva, filwaqt li jkunu konxji ta’ kwalunkwe impatt negattiv potenzjali għal reġjuni speċifiċi jew partijiet interessati. |
(12) |
Sabiex jiġi żgurat li l-proġetti komuni jiġu implimentati u mmonitorjati b’mod f’waqtu, ikkoordinat u sinkronizzat, filwaqt li ssir l-aħjar mobilizzazzjoni tal-istrumenti u l-korpi identifikati fil-qafas regolatorju tal-Ajru Uniku Ewropew, għandha tiġi stabbilita governanza tal-użu tas-SESAR. |
(13) |
Sabiex il-mobilizzazzjoni tas-SESAR tiġi mmexxija b’mod effettiv u sabiex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-proċess tal-mobilizzazzjoni, il-partijiet interessati operattivi responsabbli mill-prestazzjoni tas-sistema tal-ATM għandhom jiġu involuti fil-governanza tal-mobilizzazzjoni. |
(14) |
Il-partijiet interessati operattivi li jinvestu fil-mobilizzazzjoni tas-SESAR għandu jkollhom rwol ta’ tmexxija fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobilizzazzjoni, preferibbilment permezz ta’ entità waħda, filwaq’ li jiġi evitat kull kunflitt ta’ interess. |
(15) |
L-industrija tal-manifattura għandu jkollha rwol ta’ konsulenza fil-mobilizzazzjoni tas-SESAR sabiex tiżgura konsistenza mal-industrijalizzazzjoni u d-disponibbiltà f’waqtha tat-tagħmir. |
(16) |
Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-attivitajiet tal-mobilizzazzjoni u tiżgura li huma skont l-objettivi tas-SES u tissalvagwardja l-interess pubbliku, billi tistabbilixxi mekkaniżmi adegwati ta’ rappurtaġġ u ta’ monitoraġġ filwaqt li tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti eżistenti bħall-Implimentazzjoni Ewropea u Lokali tal-Ajru Uniku (Pjan u Rapport tal-ESSIP u dokumenti tal-LSSIP). |
(17) |
Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku kompletament infurmat dwar il-proċess għall-għażla tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni, għall-approvazzjoni tal-programm tal-mobilizzazzjoni u għall-għażla tal-proġetti ta’ implimentazzjoni. Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku għandu jiġi kkonsultat dwar dawn il-kwistjonijiet mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-proċeduri stabbiliti fil-programmi tal-finanzjament mill-Unjoni rilevanti. |
(18) |
L-Organizzazzjoni Ewropea għat-Tagħmir tal-Avjazzjoni Ċivili (Eurocae), li tipproduċi materjal tekniku u twettaq xogħol preliminarju u anċillari b’rabta mal-istandardizzazzjoni Ewropea, għandha tgħin lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ u fil-faċilitazzjoni tal-proċessi tal-istandardizzazzjoni u fil-promozzjoni tal-użu tal-istandards Ewropej. |
(19) |
Filwaqt li l-mobilizzazzjoni tal-proġetti tas-SESAR b’rabta mal-militar jibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati kkonċernti, għandu jkun hemm koordinazzjoni mal-militar sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv fuq il-kapaċitajiet tad-difiża. |
(20) |
Biex jinkoraġġixxu investiment bikri mill-partijiet interessati u jtaffu l-aspetti tal-mobilizzazzjoni li għalihom l-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji hija inqas pożittiva, il-proġetti tal-implimentazzjoni li għandhom l-għan li jiskjeraw proġetti komuni għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni u inċentivi oħrajn, skont ir-regoli u l-proċeduri tal-programmi ta’ finanzjament u skemi ta’ inċentivi tal-Unjoni. |
(21) |
Kemm jista’ jkun, għandhom jinstabu sinerġiji bejn il-mobilizzazzjoni tas-SESAR u l-Blokok ta’ Spazju tal-Ajru Funzjonali (FABs). |
(22) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
IL-PRINĊIPJI ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jiddefinixxi proġetti komuni, imsemmija fl-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004, jispjega kif dawn għandhom jitmexxew u jidentifika inċentivi għall-mobilizzazzjoni tagħhom.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika għan-Netwerk Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (EATMN).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 677/2011.
Barra minn hekk id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
(1) |
“Impriża Konġunta tas-SESAR” tfisser il-korp, stabbilit permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 (5), li jingħata l-kompitu li jiġġestixxi u jikkoordina l-fażi ta’ żvilupp tal-proġett tas-SESAR; |
(2) |
“skema ta’ tariffi” tfisser l-iskema stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1794/2006 (6); |
(3) |
“funzjonalità tal-ATM” tfisser grupp ta’ funzjonijiet jew servizzi operattivi tal-ATM relatati mal-ġestjoni tat-trajettorja, tal-ispazju tal-ajru u tas-superfiċe jew mal-qsim tal-informazzjoni mal-ambjenti operattivi fir-rotta, tat-terminal, tal-ajruport jew dak tan-netwerk. |
(4) |
“Il-mobilizzazzjoni tas-SESAR” tfisser l-attivitajiet u l-proċessi relatati mal-industrijalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-funzjonalitajiet tal-ATM identifikati fil-Pjan Regolatorju għall-ATM; |
(5) |
“l-industrijalizzazzjoni” tal-funzjonalitijiet tal-ATM tfisser l-attivitajiet u l-proċessi, wara l-validazzjoni tagħhom li jinkludu l-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-produzzjoni mill-industrija tal-manifattura (manifatturi tat-tagħmir tal-art u tal-ajru); |
(6) |
“l-implimentazzjoni” tal-funzjonalitajiet tal-ATM tfisser l-akkwist, l-installazzjoni u l-użu ta’ tagħmir u sistemi, li jinkludu proċeduri operattivi relatati, imwettqa minn partijiet interessati operattivi; |
(7) |
“bidla operattiva neċessarja” tfisser bidla operattiva fil-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) li tipprovdi titjib fil-prestazzjoni sinifikanti tan-netwerk lill-partijiet interessanti operattivi, kif imsemmi fil-Pjan Regolatorju għall-ATM; |
(8) |
“skema ta’ prestazzjoni” tfisser skema stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 (7); |
(9) |
“Il-miri tal-prestazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha” tfisser il-miri msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 691/2010; |
(10) |
“partijiet interessati operattivi” tfisser iċ-ċivil u l-militar: l-utenti tal-ispazju tal-ajru, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-operaturi tal-ajruporti. |
Artikolu 3
Il-Pjan Regolatorju għall-ATM
1. Il-Pjan Regolatorju għall-ATM huwa l-pjan ta’ azzjoni li jidderiġi l-modernizzazzjoni tas-sistema Ewropea tal-ATM u li jorbot ir-riċerka u l-iżvilupp tas-SESAR mal-mobilizzazzjoni. Dan għandu jkun strument ewlieni tas-SES għall-ħidma mingħajr xkiel tal-EATMN u l-mobilizzazzjoni f’waqtha, ikkoordinata u sinkronizzata tas-SESAR.
2. L-aġġornamenti tal-Pjan Regolatorju għall-ATM għandhom jikkontribwixxu biex jinkisbu l-miri tal-prestazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha u jżommu l-konsistenza bejn dawn il-miri, l-mobilizzazzjoni tas-SESAR u l-attivitajiet tas-SESAR dwar ir-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-validazzjoni. Għal dan il-għan, l-aġġornamenti tal-Pjan Regolatorju għall-ATM għandhom iqisu l-Pjan Strateġiku tan-Netwerk u l-Pjan Operattiv tan-Netwerk.
KAPITOLU II
PROĠETTI KOMUNI
Artikolu 4
Skop u kontenut
1. Il-proġetti komuni għandu jkollhom l-għan li jiskjeraw b’mod f’waqtu, ikkoordinat u sinkronizzat il-funzjonalitajiet tal-ATM li jiksbu l-bidliet operattivi neċessarji.
2. Il-proġetti komuni għandhom ikunu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha u jikkontribwixxu għalihom.
3. Il-proġetti komuni għandhom jidentifikaw funzjonalitajiet tal-ATM li:
(a) |
wara li jkunu laħqu l-livell xieraq ta’ industrijalizzazzjoni, ikunu lesti biex jiġu implimentati; |
(b) |
jeħtieġu skjeramant sinkronizzat. |
4. Kemm il-funzjonalitajiet tal-ATM huma lesti għandu jintwera, fost l-oħrajn, abbażi tar-riżultati ta’ validazzjoni mwettqa mill-Impriża Konġunta tas-SESAR, l-istatus tal-proċessi ta’ standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni u valutazzjoni tal-interoperabilità tagħhom, b’rabta wkoll mal-Pjan Globali ta’ Navigazzjoni tal-Ajru tal-ICAO u materjal rilevanti tal-ICAO.
5. Il-bżonn għal mobilizzazzjoni sinkronizzata tal-funzjonalitajiet tal-ATM għandu jiġi vvalutat abbażi ta’:
(a) |
definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-ippjanar ġeografiku tagħhom, inklużi d-dati fil-mira għall-mobilizzazzjoni; |
(b) |
identifikazzjoni tal-partijiet interessati operattivi meħtieġa li jiskjerawhom; |
(c) |
miżuri tranżitorji għall-mobilizzazzjoni progressiv tagħhom. |
6. Il-proġetti komuni għandhom ukoll:
(a) |
juru mudell ta’ negozju pożittiv għall-EATMN, ibbażat fuq analiżi indipendenti tal-kostijiet-benefiċċji, u jidentifikaw kull impatt negattiv lokali jew reġjonali potenzjali għal kwalunkwe kategorija ta’ partijiet interessati operattivi; |
(b) |
jidentifikaw l-inċentivi għall-mobilizzazzjoni, imsemmi fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu III, b’mod partikolari sabiex inaqqsu l-impatti negattivi fuq żona ġeografika speċifika jew kategorija ta’ partijiet interessati operattivi; |
(c) |
jirreferu għar-regoli ta’ implimentazzjoni għall-interoperabilità u s-sikurezza skont ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). B’mod partikolari, għandha ssir referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tal-Komunità skont ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 u għal mezz aċċettabbli ta’ konformità u speċifikazzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008; |
(d) |
jidentifikaw kwalunkwe bżonn għal regoli ġodda ta’ implimentazzjoni għal interoperabilità u sikurezza, speċifikazzjonijiet tal-Komunità u standards ċivili biex jappoġġjaw il-mobilizzazzjoni u l-applikabbiltà tagħhom għall-militar filwaqt li titqies l-ekwivalenza tas-sistemi taċ-ċivil u tal-militar; kif ukoll |
(e) |
iqisu l-elementi rilevanti tal-mobilizzazzjoni speċifikati fil-Pjan Strateġiku tan-Netwerk u l-Pjan Operattiv tan-Netwerk tal-Maniġer tan-Netwerk. |
Artikolu 5
L-istabbiliment, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proposti għal proġetti komuni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4.
2. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Maniġer tan-Netwerk, l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, il-Korp tar-Rieżami tal-Prestazzjoni fir-rwoli u bil-kompetenzi rispettivi tagħhom kif definit fil-qafas regolatorju tas-SES, u mill-impriża Konġunta tas-SESAR, il-Eurocontrol, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, il-Eurocae u l-maniġment tal-mobilizzazzjoni. Dawn il-korpi għandhom jinvolvu lill-partijiet interessati operattivi u lill-industrija tal-manifattura.
3. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-partijiet interessati skont l-Artikoli 6 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 inkluż permezz tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, fil-mandat tagħha li tiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ fehmiet militari, u l-grupp konsultattiv ta’ esperti fuq id-dimensjoni soċjali tal-Ajru Uniku Ewropew dwar il-proposti tagħha għal proġetti komuni.
4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-proposti għal proġetti komuni jkunu approvati mill-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-partijiet interessati operattivi fuq l-art li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ proġett komuni speċifiku. Għalhekk, l-utenti tal-ispazju tal-ajru għandhom jistabbilixxu grupp magħmul mir-rappreżentanti tagħhom.
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta proġetti komuni u kwalunkwe emenda għalihom skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15a(3) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.
6. Il-proġetti komuni għandhom jiġu implimentati permezz ta’ proġetti ta’ implimentazzjoni u skont il-programm ta’ mobilizzazzjoni definit fil-Kapitolu III, Taqsima 2.
Artikolu 6
Il-Monitoraġġ
1. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni u l-impatt tagħhom fuq il-prestazzjoni tal-EATMN permezz ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ rappurtaġġ. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skont is-sħubija ta’ qafas imsemmija fl-Artikolu 9(5).
2. Fil-monitoraġġ tal-effettività ta’ proġetti komuni fir-rigward tal-prestazzjoni tal-EATMN, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-aħjar użu tal-istrumenti eżistenti ta’ monitoraġġ u rappurtaġġ u għandha tiġi megħjuna, b’mod partikolari, mill-Maniġer tan-Netwerk u mill-Korp tar-Rieżami tal-Prestazzjoni skont ir-Regolamenti (UE) Nru 677/2011 u (UE) Nru 691/2010 u mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni fir-rigward tal-aspetti tas-sikurezza.
3. Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku għandu jiġi infurmat dwar l-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni.
KAPITOLU III
GOVERNANZA U INĊENTIVI TAL-MOBILIZZAZZJONI
TAQSIMA 1
Il-governanza tal-Mobilizzazzjoni
Artikolu 7
Il-prinċipji ġenerali
1. Il-governanza tal-mobilizzazzjoni għandha tiżgura l-implimentazzjoni f’waqtha, ikkoordinata u sinkronizzata ta’ proġetti komuni filwaqt li mobilizzazzjonitikkollabora mal-industrijalizzazzjoni u tiffaċilitaha.
2. Il-governanza tal-mobilizzazzjoni i għandha tkun magħmula minn tliet livelli: livell ta’ politika; livell ta’ ġestjoni; u livell ta’ implimentazzjoni.
Artikolu 8
Livell ta’ Politika
1. Il-livell ta’ politika għandu jkun responsabbli għas-sorveljanza tal-mobilizzazzjoni tas-SESAR, u għandu jiżgura li jkun konformi mal-qafas regolatorju tal-Ajru Uniku Ewropew u jissalvagwardja l-interess pubbliku.
2. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għal-livell ta’ politika, b’mod partikolari:
(a) |
għall-istabbiliment u l-adozzjoni ta’ proġetti komuni skont l-Artikolu 5; |
(b) |
għall-għażla tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni, għall-approvazzjoni tal-programm tal-mobilizzazzjoni u l-għażla tal-proġetti ta’ implimentazzjoni; |
(c) |
għall-immaniġġjar tal-fondi tal-Unjoni li jappoġġjaw il-maniġment tal-mobilizzazzjoni u l-proġetti ta’ implimentazzjoni; |
(d) |
għall-identifikazzjoni ta’ inċentivi għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR u l-infurzar tal-qafas tal-ftehim ta’ sħubija konkluż mal-maniġment tal-mobilizzazzjoni skont l-Artikolu 9(5) u kwalunkwe ftehim rilevanti għall-proġetti ta’ implimentazzjoni; |
(e) |
għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-persuni interessati fiċ-ċivili u fil-militar; |
(f) |
għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi; |
(g) |
għall-istabbiliment ta’ koordinazzjoni mal-organizzazzjonijiet u korpi tal-istandardizzazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-industrijalizzazzjoni u tiġi promossal-interoperabilità tal-funzjonalitajiet tal-ATM; |
(h) |
għall-monitoraġġ tal-mobilizzazzjoni ta’ proġetti komuni u tal-kontribut tagħhom għall-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha.; |
(i) |
għall-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet lill-partijiet interessati operattivi u lill-Istati Membri. |
3. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku, il-Korp Konsultattiv tal-Industrija, il-grupp konsultattiv tal-esperti fuq id-dimensjoni soċjali tal-Ajru Uniku Ewropew, l-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Sorveljanza u l-Korp tar-Rieżami tal-Prestazzjoni, fir-rwoli u bil-kompetenzi rispettivi tagħhom kif definit fil-qafas regolatorju tal-Ajru Uniku Ewropew. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku fuq kull kwistjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
4. Il-Kummissjoni għandha tinvolvi wkoll, fir-rwoli u bil-kompetenzi rispettivi tagħhom:
(a) |
lill-Eurocontrol, permezz ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn il-Eurocontrol u l-Unjoni, sabiex tieħu vantaġġ sħiħ tal-għarfien espert tagħha u l-kompetenzi ċivili-militari u pan-Ewropej tagħha; |
(b) |
lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, biex tiffaċilita l-kordinazzjoni ta’ fehmiet militari minn Stati Membri u b’appoġġ lejhom u l-organizzazzjonijiet militari internazzjonali rilevanti dwar il-mobilizzazzjonitas-SESAR u tinforma l-mekkaniżmi tal-ippjanar militari bir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-mobilizzazzjonitas-SESAR; |
(c) |
lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, biex tiżgura li l-kwistjonijiet tas-sikurezza jkunu integrati fl-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni, b’mod partikolari fl-iżvilupp tar-regoli tekniċi meħtieġa, bħal dawk relatati mad-disinn, produzzjoni u manutenzjoni tas-sistemi u kostitwenti għall-immaniġġar tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru, kif ukoll għall-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti fihom; |
(d) |
lill-Impriża Konġunta tas-SESAR, biex tiżgura li jkun hemm rabta kontinwa bejn l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp, innovazzjoni u validazzjoni tas-SESAR u l-mobilizzazzjoni tas-SESAR u biex tiżgura li l-proġetti komuni u l-programm ta’ mobilizzazzjon jkunu konformi mal-Pjan Regolatorju tal-ATM. |
(e) |
lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni u l-Eurocae, din tal-aħħar b’mod partikolari biex tiffaċilita u timmonitorja l-proċessi industrijali ta’ standardizzazzjoni u l-użu ta’ standards li jirriżultaw. |
Artikolu 9
Livell ta’ ġestjoni
1. Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jkun responsabbli għal-livell ta’ ġestjoni.
2. B’mod partikolari, ir-responsabbiltà tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandha tkun li:
(a) |
jiżviluppa, jipproponi, iżomm u jimplimenta l-programm tal-mobilizzazzjoni, skont it-Taqsima 2; |
(b) |
jassoċja lill-partijiet interessati operattivi li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni; |
(c) |
jistabbilixxi l-mekkaniżmi u l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jiżguraw sinkronizzazzjoni effiċjenti u koordinazzjoni globali tal-proġetti ta’ implimentazzjoni u l-investiment relatat skont il-programm tal-mobilizzazzjoni; |
(d) |
jiżgura ġestjoni effettiva tar-riskji u l-kunflitt ta’ interess; |
(e) |
jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni u mal-istabbiliment ta’ proġetti komuni ġodda; |
(f) |
jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u jiżgura u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom mil-livell ta’ implimentazzjoni; |
(g) |
jidentifika l-mekkaniżmi ta’ finanzjament l-aktar adegwati li jlaqqgħu flimkien finanzjament pubbliku u dak privat; |
(h) |
jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-programm tal-mobilizzazzjoni; |
(i) |
jirrapporta lill-Kummissjoni; |
(j) |
jiżgura l-koordinazzjoni adegwata mal-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Sorveljanza. |
3. Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jkun magħmul minn gruppi ta’ partijiet interessati operattivi jew partijiet interessati operattivi individwali, inklużi dawk minn pajjiżi terzi, skont il-kondizzjonijiet definiti fil-programmi ta’ finanzjament mill-Unjoni rilevanti. Il-partijiet interessati operattivi jistgħu jipparteċipaw fil-maniġment tal-mobilizzazzjonipermezz ta’ strutturi ta’ FAB.
4. Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu juri, fost l-oħrajn, il-kapaċità tiegħu li:
(a) |
jirrappreżenta lill-partijiet interessati operattivi li huma meħtieġa li jimplimentaw proġetti komuni; |
(b) |
jimmaniġġja programmi ta’ implimentazzjoni multinazzjonali; |
(c) |
jifhem il-mekkaniżmi ta’ finanzjament u l-ġestjoni tal-programm finanzjarju; kif ukoll |
(d) |
juża strutturi eżistenti li jinvolvu l-partijiet interessati operattivi kollha. |
5. L-għażla tal-membri tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni mill-Kummissjoni għandha ssir permezz tal-għoti ta’ sħubija ta’ qafas wara sejħa għal proposti skont l-Artikolu 178 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (10) (Regoli ta’ Applikazzjoni). Is-sejħa għal proposti għandha tiddefinixxi l-objettivi, ir-rekwiżiti u l-kriterji għall-għażla tal-membri tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni skont ir-Regoli ta’ Applikazzjoni. Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku għandu jiġi infurmat dwar il-proċess tal-għażla tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni.
6. Il-membri tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandhom iwettqu minn tal-inqas proġett ta’ implimentazzjoni wieħed jew parti minnu.
7. Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jagħmer arranġamenti kooperattivi adegwati mal-Maniġer tan-Netwerk, l-Impriża Konġunta tas-SESAR u l-militar. L-arranġamenti kooperattivi adegwati għandhom jitressqu lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Il-kooperazzjoni għandha tkun kif ġej:
(a) |
il-maniġment tal-mobilizzazzjoni u l-Maniġer tan-Netwerk għandhom jikkooperaw flimkien biex jiżguraw li l-kompiti tagħhom isiri mingħajr ebda forma ta’ duplikazzjoni jew kompetizzjoni, b’mod partikolari għall-aspetti tal-mobilizzazzjoni li għandhom impatt fuq l-infrastruttura tan-netwerk, l-organizzazzjoni tal-ispazju tal-ajru u l-prestazzjoni tiegħu kif ukoll il-koerenza mal-Pjan Strateġiku tan-Netwerk u l-Pjan Operattiv tan-Netwerk; il-Maniġer tan-Netwerk għandu jappoġġa wkoll, fil-mandat tiegħu, lill-membri tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni skont l-Artikoli 4(1)(i) u 4(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 677/2011; |
(b) |
il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jikkoopera mal-Impriża Konġunta tas-SESAR biex jiżgura r-rabtiet meħtieġa bejn l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp, innovazzjoni u validazzjoni tas-SESAR u l-mobilizzazzjoni tas-SESAR u għandu jikkonsulta mal-Impriża Konġunta tas-SESAR dwar il-prijoritajiet u l-progress li jkun sar matul il-fażi tal-iżvilupp fuq kwistjonijiet relatati mal-industrijalizzazzjoni u biex jiżgura konsistenza mal-Pjan Regolatorju tal-ATM; |
(c) |
il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jikkoordina mal-militar biex jevita kull impatt negattiv fuq il-kapaċitajiet tad-difiża kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk kollettivi. |
8. Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jqis l-opinjoni tal-entitajiet imsemminja fil-Paragrafu 7 fid-deċiżjonijiet tiegħu li jista’ jkollhom impatt fuq l-attivitajiet ta’ dawn l-entitajiet.
9. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-maniġment tal-mobilizzazzjoni u l-entitajiet imsemmija fil-Paragrafu 7, il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jressaq il-kwistjoni quddiem il-Kummissjoni għal deċiżjoni. Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
10. Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jfittex l-għajnuna tal-industrija tal-manifattura permezz ta’ arranġamenti kooperattivi, li għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, biex jirċievi, fost l-oħrajn, informazzjoni fuq l-industrijalizzazzjoni tal-prodotti.
11. Skont id-disponibbiltà tal-fondi u skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Programm ta’ finanzjament mill-Unjoni rilevanti, il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-maniġment tal-mobilizzazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu msemmija fil-Paragrafu 2 biss.
Artikolu 10
Livell ta’ implimentazzjoni
1. Il-livell ta’ implimentazzjoni jikkonsisti fil-proġetti tal-implimentazzjoni magħżula mill-Kummissjoni biex jiġu implimentati proġetti komuni skont il-programm tal-mobilizzazzjoni.
2. Il-proġetti tal-implimentazzjoni għandhom jiġu magħżula mill-Kummissjoni permezz ta’ sejħiet għal proposti biex jiġi implimentat il-programm tal-mobilizzazzjoni u skont ir-regoli u l-proċeduri tal-programmi ta’ finanzjament mill-Unjoni rilevanti.
3. Il-proposti għall-proġetti tal-implimentazzjoni għandhom iqusu l-maturità tal-proċessi tal-industrijalizzazzjoni għal dawn il-proċessi, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-industrija tal-manifattura, b’mod partikolari l-impatt tal-proġetti tal-implimentazzjoni fuq is-sistemi tal-ATM tal-passat, il-fattibbiltà teknika, l-istimi tal-kostijiet u l-pjanijiet ta’ azzjoni għal soluzzjonijiet tekniċi.
4. Il-proġetti tal-implimentazzjoni u t-twettiq tagħhom għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet miftiehma mal-Kummissjoni.
TAQSIMA 2
Il-Programm tal-mobilizzazzjoni
Artikolu 11
Skop
1. Il-programm tal-mobilizzazzjoni għandu jipprovdi pjan ta’ ħidma komprensiv u strutturat tal-attivitajiet neċessarji kollha għall-implimentazzjoni tat-teknoloġiji, il-proċeduri u l-aħjar prassi meħtieġa biex jiġu implimentati proġetti komuni. Hu għandu jorganizza dawn l-attivitajiet fi proġetti tal-implimentazzjoni li jidentifikaw ir-riskji assoċjati u l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni, il-kamp tal-applikazzjoni ġeografiku, il-perjodu ta’ żmien u l-partijiet interessati operattivi responsabbli għat-twettiq tal-proġetti tal-implimentazzjoni.
2. Il-programm tal-mobilizzazzjoni għandu jikkostitwixxi r-referenza għall-ħidma tal-livelli ta’ Ġestjoni u Implimentazzjoni.
3. Il-programm tal-mobilizzazzjoni għandu jkun parti mill-qafas tal-ftehim ta’ sħubija u għaldaqstant, il-membri tal-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandhom jintrabtu li jimplimentawh.
Artikolu 12
L-istabbiliment u l-implimentazzjoni
1. Il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jressaq għall-approvazzjoni quddiem il-Kummissjoni l-proposta għall-programm tal-mobilizzazzjoni u kull proposta għall-emendi.
2. Fit-tħejjija tal-proposta għall-programm tal-mobilizzazzjoni jew il-proposti biex jiġi emendat, il-maniġment tal-mobilizzazzjoni għandu jikkoordina mal-Maniġer tan-Netwerk, l-Impriża Konġunta tas-SESAR u l-militar skont l-Artikolu 9(7).
3. Mal-adozzjoni ta’ kull proġett komuni, il-Kummissjoni għandha titlob lill-maniġment tal-mobilizzazzjoni biex jadatta l-programm tal-mobilizzazzjoni.
TAQSIMA 3
L-inċentivi
Artikolu 13
Il-Finanzjament mill-Unjoni
1. Il-finanzjament mill-Unjoni għall-appoġġ tal-mobilizzazzjoni tas-SESAR għandu jiffoka fuq il-proġetti tal-implimentazzjoni fl-Artikolu 10, magħżula għall-finanzjament mill-Unjoni skont ir-regoli u l-proċeduri tal-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni rilevanti.
2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġament kuntrattwali li jkopru l-proġetti tal-implimentazzjoni magħżula biex jirċievu l-finanzjament mill-Unjoni. Dawn l-arranġamenti għandhom jiddefinixxu l-penali għal nuqqas ta’ twettiq tal-programm tal-mobilizzazzjoni u n-nuqqas ta’ twettiq tal-proġetti tal-implimentazzjoni.
Artikolu 14
Inċentivi Oħrajn
1. L-inċentivi skont ir-Regolament (KE) Nru 1794/2006 u r-Regolament (UE) Nru 691/2010 għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR jistgħu jiġu identifikati meta jiġu stabbiliti proġetti komuni.
2. Il-finanzjament mill-Unjoni mogħti skont l-Artikolu 13 għandu jiġi kkunsidrat bħala “dħul ieħor” skont l-Artikolu 2(k) tar-Regolament (KE) Nru 1794/2006.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 15
Rieżami
Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid l-implimentazzjoni tal-proġetti komuni sat-tmiem it-tieni perjodu ta’ referenza stabbilit mill-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 691/2010.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.
(3) COM(2011) 923 finali.
(4) ĠU L 185, 15.7.2011, p. 1.
(6) ĠU L 341, 7.12.2006, p. 3.
(8) ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.
(10) ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.