EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1162

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1162/2012 tas- 7 ta’ Diċembru 2012 li jemenda d-Deċiżjoni 2007/777/KE u r-Regolament (KE) Nru 798/2008 rigward l-annotazzjonijiet għar-Russja fil-listi ta’ pajjiżi terzi li minnhom ċerti laħam, prodotti tal-laħam u bajd jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 336, 8.12.2012, p. 17–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/1162/oj

8.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1162/2012

tas-7 ta’ Diċembru 2012

li jemenda d-Deċiżjoni 2007/777/KE u r-Regolament (KE) Nru 798/2008 rigward l-annotazzjonijiet għar-Russja fil-listi ta’ pajjiżi terzi li minnhom ċerti laħam, prodotti tal-laħam u bajd jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 8 u l-punt 4 tal-Artikolu 8 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta’ Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE (2), tistabbilixxi regoli għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u t-tranżitu u l-ħażna fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ prodotti tal-laħam u ta’ kunsinni tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (3).

(2)

Il-Parti 2 tal-Anness II mad-Deċiżjoni 2007/777/KE tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom, minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati, sakemm dawn il-prodotti jkunu konformi mat-trattament imsemmi f’dik il-Parti. Meta l-pajjiżi terzi jiġu reġjonalizzati biex jiġu inklużi f’dik il-lista, it-territorji reġjonalizzati tagħhom jiġu inklużi fil-Parti 1 ta’ dak l-Anness.

(3)

Il-Parti 4 tal-Anness II mad-Deċiżjoni 2007/777/KE tistabbilixxi t-trattamenti msemmija fil-Parti 2 ta’ dak l-Anness, filwaqt li tassenja kodiċi lil kull wieħed minn dawk it-trattamenti. Dik il-Parti tistabbilixxi trattament mhux speċifiku “A” u trattamenti speċifiċi “B” sa “F”, imniżżlin mill-aktar wieħed sever għall-inqas wieħed.

(4)

Ir-Russja hija attwalment elenkata fil-Parti 2 tal-Anness II mad-Deċiżjoni 2007/777/KE għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati minn annimali bovini domestiċi, annimali tal-kaċċa mrobbija bid-difer mifruq, annimali ovini jew kaprini domestiċi, annimali porċini domestiċi u annimali tal-kaċċa salvaġġi bid-difer mifruq li għaddew mit-trattament speċifiku “C”. Ir-Russja hija wkoll awtorizzata għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati minn annimali solipedi domestiċi li jkunu għaddew minn trattament speċifiku “B” u tal-prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati minn fniek domestiċi u leporidae mrobbija u selvaġġi u ċerti mammali tal-art salvaġġi tal-kaċċa li jkunu għaddew minn trattament mhux speċifiku “A”.

(5)

Barra minn hekk, ir-Russja hija elenkata fil-Parti 2 tal-Anness II mad-Deċiżjoni 2007/777/KE kif awtorizzat għat-tranżitu mill-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati minn tjur tal-irziezet u tjur tal-kaċċa mrobbija, bl-esklużjoni tar-ratiti, li jkunu għaddew minn trattament mhux speċifiku “A”.

(6)

Madankollu, l-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-prodotti msemmija hawn fuq mir-Russja bħalissa mhijiex possibbli billi l-ebda stabbiliment Russu ma ġie awtorizzat u elenkat fil-listi tal-istabbilimenti approvati kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (4). Għalhekk, ir-Russja hija permessa li tgħaddi fi tranżitu mit-territorju tal-Unjoni dawk il-prodotti biss li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta’ importazzjoni li jirrigwardaw saħħet l-annimali.

(7)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta’ Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kompartimenti li minnhom jistgħu jiġu importati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja (5), jistipula li ċerti prodotti għandhom jiġu importati biss lejn u jgħaddu mill-Unjoni meta ġejjin mill-pajjiżi terzi, t-territorji, iż-żoni jew il-kompartimenti elenkati fit-tabella tal-Parti 1 tal-Anness I tiegħu. Dan jistipula wkoll ir-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja għal prodotti bħal dawn.

(8)

Ir-Russja bħalissa tinsab elenkata fil-Parti 1 tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 798/2008 għall-importazzjoni fl-Unjoni tal-prodotti tal-bajd u għat-tranżitu mill-Unjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, ta’ laħam tat-tjur.

(9)

Ir-Russja talbet lill-Kummissjoni biex tkun awtorizzata għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ laħam tat-tjur skont ir-Regolament (KE) Nru 798/2008 u ta’ prodotti tal-laħam tat-tjur li jkunu ġew suġġetti għal trattament mhux speċifiku “A”, skont l-Anness II mad-Deċiżjoni 2007/777/KE. Ir-Russja talbet ukoll li tkun awtorizzata għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam ipproċessat u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati ta’ annimali domestiċi bovini u porċini domestiċi mir-reġjun ta’ Kaliningrad.

(10)

Fuq talba tar-Russja twettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni f’dak il-pajjiż terz. Dawn l-ispezzjonijiet urew li l-awtorità veterinarja kompetenti tar-Russja tipprovdi garanziji xierqa rigward il-konformità mar-regoli tal-Unjoni meħtieġa għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ laħam tat-tjur u prodotti tal-laħam tat-tjur.

(11)

Huwa għalhekk xieraq li tkun awtorizzata l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti fl-Unjoni mir-Russja u li għalhekk jiġu emendati kif xieraq l-annotazzjonijiet għal dak il-pajjiż terz fil-Parti 2 tal-Anness II mad-Deċiżjoni 2007/777/KE u fil-Parti 1 tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 798/2008.

(12)

Spezzjoni oħra mwettqa mill-Kummissjoni fir-Russja wriet li l-awtorità veterinarja kompetenti u l-istabbilimenti għall-ipproċessar ta’ prodotti tal-laħam tal-bovini u tal-porċini fir-reġjun ta’ Kaliningrad jipprovdu garanziji xierqa fir-rigward tal-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-importazzjoni ta’ dawk il-prodotti.

(13)

Minħabba l-qagħda ġeografika tar-reġjun ta’ Kaliningrad, huwa xieraq li dak ir-reġjun jiġi identifikat bħala parti distinta mit-territorju tar-Russja. Ukoll, fid-dawl tar-riżultat pożittiv tal-ispezzjoni mill-Kummissjoni f’dak ir-reġjun, huwa xieraq li tkun permessal-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam tal-bovini u tal-porċini u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati mir-reġjun ta’ Kaliningrad.

(14)

Huwa għalhekk xieraq li jiġu elenkati stabbilimenti li jinsabu fir-reġjun ta’ Kaliningrad għall-ipproċessar ta’ laħam frisk minn annimali bovini u porċini għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam li fihom laħam ta’ din ix-xorta u li jkunu għaddew mit-trattament meħtieġ stipulati fil-Parti 2 tal-Anness II mad-Deċiżjoni 2007/777/KE għar-reġjun ta’ Kaliningrad. Il-laħam frisk ikkonċernat għandu joriġina jew mill-Unjoni, jew minn annimali bovini u porċini li ġew imrobbija u maqtula fir-reġjun ta’ Kaliningrad fir-Russja u li huma konformi mar-rekwiżiti għall-importazzjoni tal-annimali u għas-saħħa pubblika, jew minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor awtorizzat għall-importazzjonijiet ta’ laħam frisk fl-Unjoni u li jħarsu r-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni għall-importazzjoni tal-annimali u għas-saħħa pubblika.

(15)

Huwa xieraq ukoll li jkun rifless fil-Parti 2 tal-Anness II mad-Deċiżjoni 2007/777/KE li mit-territorju tar-Russja eskluż il-Kaliningrad huwa permess biss it-tranżitu mill-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam u mhux l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni.

(16)

Ir-Russja talbet lill-Kummissjoni biex tkun awtorizzata għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ bajd tas-summien. Ir-Regolament (KE) Nru 798/2008 jiddefinixxi s-summien bħala tjur, għalhekk l-importazzjonijiet ta’ bajd tat-tjur, inklużi dawk tas-summien, għandhom jiġu awtorizzati. L-importazzjoni ta’ bajd ta’ speċijiet ta’ tjur oħra koperti minn dik id-definizzjoni għandhom ikunu awtorizzati wkoll.

(17)

Ir-Russja pprovdiet garanziji xierqa rigward il-konformità mar-regoli tal-Unjoni għall-importazzjoni tal-bajd ta’ speċijiet minbarra l-Gallus gallus, inkluż il-bajd tas-summien. Huwa għalhekk xieraq li tiġi emendata l-Parti 1 tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 798/2008 biex ikunu awtorizzati l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ dan il-bajd.

(18)

Ir-Russja ma ressqitx il-programm ta’ kontroll tas-Salmonella lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għalhekk l-awtorizzazzjoni ta’ bajd tal-Gallus gallus għandu jkun limitat għal bajd ikklassifikat bħala B.

(19)

Barra minn hekk, l-annotazzjoni għall-Arġentina fil-Parti 1 tal-Anness II mad-Deċiżjoni 2007/777/KE tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE (7). Dik id-Deċiżjoni tħassret bid-Deċiżjoni Nru 477/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Ir-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni 79/542/KEE huma issa stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (9). Ir-referenzi għad-Deċiżjoni 79/542/KEE, fil-Parti 1 tal-Anness II mad-Deċiżjoni 2007/777/KE għandhom għalhekk jinbidlu b’referenzi għar-Regolament (UE) Nru 206/2010.

(20)

Id-Deċiżjoni 2007/777/KE u r-Regolament (KE) Nru 798/2008 għandhom għalhekk jiġu emendati kif xieraq.

(21)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II mad-Deċiżjoni 2007/777/KE huwa emendat skont l-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 798/2008 huwa emendat skont l-Anness II ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(5)  ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1.

(6)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

(7)  ĠU L 146, 14.6.1979, p. 15.

(8)  ĠU L 135, 2.6.2010, p. 1.

(9)  ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1.


ANNESS I

L-Anness II mad-Deċiżjoni 2007/777/KE hu emendat kif ġej:

(1)

Il-Parti 1 tinbidel b’dan li ġej:

PARTI 1

It-territorji reġjonalizzati għall-pajjiżi elenkati fil-partijiet 2 u 3

Pajjiż

Territorju

Deskrizzjoni tat-territorju

 

Kodiċi ISO

Verżjoni

 

L-Arġentina

AR

01/2004

Il-pajjiż kollu

AR-1

01/2004

Il-pajjiż kollu, ħlief il-Provinċji ta’ Chubut, Santa Cruz u Tierra del Fuego għall-ispeċijiet koperti bir-Regolament (UE) Nru 206/2010

AR-2

01/2004

Il-Provinċji ta’ Chubut, Santa Cruz u Tierra del Fuego għall-ispeċijiet koperti bir-Regolament (UE) Nru 206/2010

Il-Brażil

BR

01/2004

Il-pajjiż kollu

BR-1

01/2005

L-Istati ta’ Rio Grande do Sul, Santa Catarina, Paraná, São Paulo u Mato Grosso do Sul.

BR-2

01/2005

Parti mill-Istat ta’ Mato Grosso do Sul (ħlief il-muniċipalitajiet ta’ Sonora, Aquidauana, Bodoqueno, Bonito, Caracol, Coxim, Jardim, Ladario, Miranda, Pedro Gomes, Porto Murtinho, Rio Negro, Rio Verde ta’ Mato Grosso u Corumbá);

L-Istat ta’ Paraná;

L-Istat ta’ Sao Paulo;

Parti mill-Istat ta’ Minas Gerais (ħlief id-delegazzjonijiet reġjonali ta’ Oliveira, Passos, São Gonçalo de Sapucai, Setelagoas u Bambuí);

L-Istat ta’ Espíritu Santo;

L-Istat ta’ Rio Grande do Sul;

L-Istat ta’ Santa Catarina;

L-Istat ta’ Goias;

Parti mill-Istat ta’ Mato Grosso li jinkludi:

l-unità reġjonali ta’ Cuiaba (ħlief il-muniċipalitajiet ta’ San Antonio de Leverger, Nossa Senhora do Livramento, Pocone u Barão de Melgaço); l-unità reġjonali ta’ Caceres (ħlief il-muniċipalità ta’ Caceres); l-unità reġjonali ta’ Lucas do Rio Verde; l-unità reġjonali ta’ Rondonopolis (ħlief il-muniċipalità ta’ Itiquiora); l-unità reġjonali ta’ Barra do Garça u l-unità reġjonali ta’ Barra do Burgres.

BR-3

01/2005

L-Istati ta’ Goiás, Minas Gerais, Mato Grosso, Mato Grosso do Sul, Paraná, Rio Grande do Sul, Santa Catarina u São Paulo.

Iċ-Ċina

CN

01/2007

Il-pajjiż kollu

CN-1

01/2007

Il-Provinċja ta’ Shandong

Il-Malasja

MY

01/2004

Il-pajjiż kollu

MY-1

01/2004

Il-Malasja peniżolari (tal-Punent) biss.

In-Namibja

NA

01/2005

Il-pajjiż kollu

NA-1

01/2005

Lejn in-Nofsinhar mill-perimetru taż-żona magħluqa li jestendi mill-Punt ta’ Palgrave fil-Punent sa Gam fil-Lvant.

Ir-Russja

RU

04/2012

Il-pajjiż kollu

RU-1

04/2012

Il-pajjiż kollu ħlief ir-reġjun ta’ Kaliningrad

RU-2

04/2012

Ir-reġjun ta’ Kaliningrad

L-Afrika ta’ Isfel

ZA

01/2005

Il-pajjiż kollu

ZA-1

01/2005

Il-pajjiż kollu ħlief:

il-parti taż-żona tal-kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li tinsab fir-reġjuni veterinarji ta’ Mpumalanga u l-provinċji tat-Tramuntana, id-distrett ta’ Ingwavuma fir-reġjun veterinarju ta’ Natal u fiż-żona konfinali mal-Botswana lejn il-Lvant tal-lonġitudni 28°, u d-distrett ta’ Camperdown fil-provinċja ta’ KwaZuluNatal.”

(2)

Fil-Parti 2, l-annotazzjoni għar-Russja tinbidel b’dan li ġej:

“RU

Ir-Russja

RU

XXX

XXX

XXX

XXX

A

XXX

A

C

C

XXX

A

XXX

A

Ir-Russja (3)

RU-1

C

C

C

B

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

Ir-Russja

RU-2

C

C

C

B

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX”

(3)

Fil-Parti 2, tiddaħħal in-nota ta’ qiegħ il-paġna li ġejja (3):

“(3)

Biss għat-tranżitu mill-Unjoni.”


ANNESS II

Fil-Parti 1 tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 798/2008, l-annotazzjoni għar-Russja tinbidel b’dan li ġej:

“RU-ir-Russja

RU-0

Il-pajjiż kollu

EP, E, POU

 

 

 

 

 

 

S4”


Top