Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0109

    Direttiva tal-Kummissjoni 2008/109/KE tat- 28 ta' Novembru 2008 li temenda l-Anness IV għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti u l-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità

    ĠU L 319, 29.11.2008, p. 68–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/109/oj

    29.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 319/68


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/109/KE

    tat-28 ta' Novembru 2008

    li temenda l-Anness IV għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti u l-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti u l-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-punt (d) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Hemm rekwiżiti speċjali għall-materjal tal-ippakkjar magħmul mill-injam u l-injam użat bħala feles jew biex jerfa' merkanzija mhux tal-injam introdott fil-Komunità stipulati fl-Anness IV għad-Direttiva 2000/29/KE. Huma bbażati fuq l-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji (ISPM) Nru 15 tal-FAO dwar “Linji gwida għar-regolamentazzjoni tal-materjal tal-ippakkjar magħmul mill-injam fil-kummerċ internazzjonali” (2).

    (2)

    Flimkien mal-miżuri approvati skond l-ISPM Nru 15, l-Anness IV għad-Direttiva 2000/29/KE jinkludi rekwiżit li l-materjal għall-ippakkjar impurtat magħmul mill-injam għandu jsir minn injam li tneħħietlu l-qoxra. L-applikazzjoni ta' dak ir-rekwiżit ta' tneħħija tal-qoxra ġiet posposta darbtejn.

    (3)

    Il-Komunità talbet ukoll li l-ISPM Nru 15 jiġi rivedut biex jinkludi rekwiżit li jindirizza t-tħassib tal-Komunità dwar ir-riskju li jinħoloq bil-preżenza tal-qoxra fuq ippakkjar bħal dan magħmul mill-injam fil-kummerċ internazzjonali.

    (4)

    Il-Bord Tekniku dwar il-Kwarantina tal-Foresti (TPFQ), imwaqqaf taħt l-awspiċji tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (IPPC) u magħmul minn esperti rikonoxxuti internazzjonalment tal-forestrija, issa analizza d-dejta disponibbli tar-riċerka dwar ir-riskju fitosanitarju li jinħoloq mill-qoxra tas-siġra fil-materjal tal-ippakkjar magħmul mill-injam. It-TPFQ ikkonkluda li hemm ġustifikazzjoni teknika li tobbliga li materjal tal-ippakkjar magħmul mill-injam fil-kummerċ internazzjonali għandu jkun ħieles mill-qoxra tas-siġra b'livell ta' tolleranza ddefinit b'mod preċiż għall-preżenza ta' biċċiet żgħar ta' qoxra biex jiġi żgurat li r-riskju fitosanitarju jinżamm f'livell aċċettabbli u li rekwiżit bħal dan għandu jiġi inkluż fl-ISPM Nru 15 rivedut.

    (5)

    Sabiex it-territorju tal-Komunità jitħares mill-introduzzjoni ta' organiżmi ta' ħsara r-rekwiżiti tal-Komunità għall-preżenza tal-qoxra tas-siġar fil-materjal tal-ippakkjar magħmul mill-injam u mil-bċejjeċ tal-injam għandhom jikkonformaw mal-konklużjonijiet tekniċi tat-TPFQ mingħajr l-istennija tal-adozzjoni ta' ISPM Nru 15 mill-Kummissjoni tal-IPPC dwar Miżuri Fitosanitarji.

    (6)

    Għalhekk huwa xieraq li r-rekwiżit ta' tneħħija tal-qoxra jiġi adattat għal dak il-livell ta' toleranza teknikament iġġustifikat għall-preżenza ta' qoxra tas-siġar.

    (7)

    Għalhekk l-Anness IV għad-Direttiva 2000/29/KE għandu jiġi emendat skond dan.

    (8)

    Ir-rekwiżit li l-materjal tal-ippakkjar magħmul mill-injam ikun magħmul minn injam tond li tneħħietlu l-qoxra introdott permezz tad-Direttiva 2006/14/KE (3) li temenda l-Anness IV għad-Direttiva 2000/29/KE għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2009. Għalhekk huwa meħtieġ li l-miżuri previsti f'din id-Direttiva japplikaw ukoll mill-1 ta' Jannar 2009. Minkejja dan, sabiex ikun possibbli għall-pajjiżi terzi biex jagħmlu l-adattamenti meħtieġa huwa xieraq li jiġi previst li r-rekwiżit tal-qoxra tas-siġar għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2009.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE huwa emendat skond it-test fl-Anness għal din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2008. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih mal-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabelli ta' korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2009.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza bħal din.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Novembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

    (2)  ISPM Nru 15, Marzu 2002, FAO, Ruma.

    (3)  ĠU L 34, 7.2.2006, p. 24.


    ANNESS

    Fl-Anness IV, il-Parti A, it-Taqsima I għad-Direttiva 2000/29/KE huwa emendat kif ġej:

    (1)

    il-punt 2 jinbidel b'dan li ġej:

    2.

    Materjal tal-ippakkjar magħmul mill-injam, fil-forma ta’ kontenituri tal-ippakkjar, kaxxi, ċestuni, tankijiet u ppakkjar simili, paliti, kaxxi tal-paliti u twavel tat-tagħbija oħrajn, għenuq tal-paliti, li huma attwalment użati fit-trasport ta’ oġġetti ta’ kull xorta, ħlief għall-injam mhux maħdum ta’ 6 mm jew inqas ħxuna, u injam ipproċessat prodott bil-kolla, bis-sħana u bil-pressa, jew taħlita tagħhom, li jiġi minn pajjiżi terzi, ħlief għall-Iżvizzera.

    Il-materjal tal-ippakkjar għandu:

    ikun ħieles mill-qoxra tas-siġar bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe għadd ta' biċċiet individwali ta' qoxra jekk huma inqas minn 3 ċentimetri fil-wisa' (irrispettivament mit-tul) jew, jekk huma akbar minn 3 ċentimetri fil-wisa', mhumiex iktar minn 50 ċentimetru kwadru bħala erja, u

    ikun suġġett għal wieħed mit-trattamenti approvati kif speċifikat fl-Anness I tal-Istandards Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 fuq Il-Linji Gwida li jirregolaw il-materjal tal-ippakkjar magħmul mill-injam fil-kummerċ internazzjonali, u

    ikollu marka kif speċifikat fl-Anness II tal-Istandards Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 fuq Il-Linji Gwida li jirregolaw il-materjal tal-ippakkjar tal-injam fil-kummerċ internazzjonali, li tindika li l-materjal tal-ippakkjar magħmul mill-injam kien soġġett għal trattament fitosanitarju approvat.

    L-ewwel inċiż għandu japplika biss mill-1 ta' Lulju 2009.

    (2)

    il-punt 8 jinbidel b'dan li ġej:

    8.

    Injam li jintuża bħala feles jew appoġġ għat-tagħbija mhux tal-injam, li tinkludi dak li ma żammx il-wiċċ tond naturali tiegħu, ħlief għal injam mhux maħdum ta’ 6 mm ħxuna jew inqas u injam ipproċessat prodott bil-kolla, sħana u pressa, jew taħlita tagħhom, li jiġi minn pajjiżi terzi, minbarra l-Iżvizzera.

    L-injam għandu:

    ikun ħieles mill-qoxra tas-siġar bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe għadd ta' biċċiet individwali ta' qoxra jekk huma inqas minn 3 ċentimetri fil-wisa' (irrispettivament mit-tul) jew, jekk huma akbar minn 3 ċentimetri fil-wisa', mhumiex iktar minn 50 ċentimetru kwadru bħala erja, u

    ikun suġġett għal wieħed mit-trattamenti approvati kif speċifikat fl-Anness I tal-Istandards Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 fuq Il-Linji Gwida li jirregolaw il-materjal tal-ippakkjar tal-injam fil-kummerċ internazzjonali, u

    ikollu marka kif speċifikat fl-Anness II tal-Istandards Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 fuq Il-Linji Gwida li jirregolaw il-materjal tal-ippakkjar tal-injam fil-kummerċ internazzjonali, li tindika li l-injam kien soġġett għal trattament fitosanitarju approvat.

    L-ewwel inċiż għandu japplika biss mill-1 ta' Lulju 2009.


    Top