This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32006D0964
2006/964/EC: Council Decision of 18 December 2006 on the conclusion of the Agreement between the European Community and the Government of Canada establishing a framework for cooperation in higher education, training and youth
//: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada li jistabbilixxi qafas ta' koperazzjoni fir-rigward ta' l-edukazzjoni superjuri, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ
//: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada li jistabbilixxi qafas ta' koperazzjoni fir-rigward ta' l-edukazzjoni superjuri, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ
ĠU L 397, 30.12.2006, p. 14–21
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/964/oj
30.12.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-18 ta’ Diċembru 2006
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada li jistabbilixxi qafas ta' koperazzjoni fir-rigward ta' l-edukazzjoni superjuri, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ
(2006/964/KE)
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 149 u 150, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2), u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
Bid-deċiżjoni tiegħu ta' l-24 ta' Ottubru 2005 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja mal-Gvern tal-Kanada ftehim li jġedded il-programm ta' koperazzjoni fir-rigward ta' l-edukazzjoni superjuri, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ. |
(2) |
F'isem il-Komunità, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim mal-Gvern tal-Kanada konformement mad-direttivi stabbiliti fl-Anness ma' l-imsemmija deċiżjoni. |
(3) |
Il-Komunità u l-Kanada jistennew li jiksbu benefiċċju reċiproku minn tali koperazzjoni, li għandha, min-naħa tal-Komunità, tikkomplementa l-programmi bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Kanada u tipprovdi valur miżjud Ewropew. |
(4) |
Il-Ftehim ġie ffirmat f'isem il-Komunità fil-5 ta' Diċembru 2006 suġġett għall-konklużjoni eventwali tiegħu f'data aktar tard. |
(5) |
Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
1. Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada li jistabbilixxi qafas ta' koperazzjoni fir-rigward ta' l-edukazzjoni superjuri, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità.
2. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-delegazzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kumitat Konġunt prevista fl-Artikolu 6 tal-Ftehim għandha tikkonsisti minn rappreżentant mill-Kummissjoni assistit minn rappreżentant minn kull Stat Membru.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna li jkollha s-setgħa tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 12(1) tal-Ftehim.
Magħmul fi Brussell, nhar it-18 ta’ Diċembru 2006.
Għall-Kunsill
Il-President
J.-E. ENESTAM
FTEHIM
bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada li jistabbilixxi qafas ta' koperazzjoni fl-oqsma ta' l-edukazzjoni superjuri, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ
IL-KOMUNITÀ EWROPEA,
minn naħa waħda, u
IL-GVERN TAL-KANADA,
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem indikati kollettivament bħala “Il-Partijiet”,
JINNOTAW li d-Dikjarazzjoni dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada adottata mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Gvern tal-Kanada fit-22 ta' Novembru 1990 tagħmel referenza speċifika biex tissaħħaħ il-koperazzjoni reċiproka f'oqsma diversi li direttament jolqtu l-benesseri preżenti u ġejjieni taċ-ċittadini tagħhom, bħalma huma skambji u proġetti konġunti fl-edukazzjoni u l-kultura, inklużi l-iskambji akkademiċi u taż-żgħażagħ;
JINNOTAW li d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Kanada u l-UE u l-Pjan ta' Azzjoni adottat fis-17 ta' Diċembru 1996 jipprevedu li sabiex iġeddu r-rabtiet tagħhom ibbażati fuq l-iskambju ta' kulturi u valuri, il-Partijiet se jinkoraġġixxu l-kuntatti bejn iċ-ċittadini tagħhom f'kull livell b'mod speċjali fost iż-żgħażagħ; u li l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt anness mad-Dikjarazzjoni jinkoraġġixxi lill-Partijiet biex iżjed isaħħu l-koperazzjoni permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada li Jistabbilixxi Programm ta' Koperazzjoni fl-Edukazzjoni Superjuri u t-Taħriġ li ġie ratifikat fl-1996;
JINNOTAW li l-Aġenda ta' Sħubija bejn l-UE u l-Kanada adottata fit-18 ta' Marzu fis-Summit UE-Kanada tirriferi għall-ħtieġa li jkunu mfittxija mezzi ġodda biex jittrawmu rabtiet bejn il-popli rispettivi tagħna, b'mod speċjali billi jitwessa' l-ambitu tal-programmi Kanadiżi u ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' skambji għaż-żgħażagħ u billi jkunu esplorati rotot ġodda biex jissaħħaħ u jitwessa' l-ambitu tal-koperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada meta jiġġedded il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada li Jġedded il-Programm ta' Koperazzjoni fl-Edukazzjoni Superjuri u t-Taħriġ ratifikat f'Marzu 2001;
JINNOTAW li d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fis-Summit UE-Kanada fid-19 ta' Ġunju 2005 tirriferi wkoll għall-ħsieb tal-mexxejja ta' l-UE u tal-Kanada li jġeddu, jsaħħu u jwessgħu l-ambitu tal-Ftehim li Jġedded il-Programm ta' Koperazzjoni fl-Edukazzjoni Superjuri u t-Taħriġ, ratifikat fl-2001, b'mod partikolari permezz taż-żieda fil-koperazzjoni dwar iż-żgħażagħ, biex tissaħħaħ il-koperazzjoni akkademika kif ukoll l-iskambju transatlantiku bejn iċ-ċittadini tagħna;
JIKKUNSIDRAW b'rispett sħiħ ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u s-setgħat leġislattivi tal-provinċji u t-territorji tal-Kanada fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-awtonomija ta' l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri u tat-taħriġ;
JIKKUNSIDRAW li l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' l-1996 u l-2001 dwar l-Edukazzjoni Superjuri u t-Taħriġ jissodisfaw l-impenji tad-Dikjarazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada; u li l-koperazzjoni kienet ferm pożittiva għaż-żewġ Partijiet;
JIRRIKONOXXU l-kontribuzzjoni kruċjali ta' l-edukazzjoni superjuri u t-taħriġ għall-iżvilupp tar-riżorsi umani li kapaċi jipparteċipaw fl-ekonomija dinjija bbażata fuq it-tagħrif;
JIRRIKONOXXU li l-koperazzjoni fl-edukazzjoni superjuri, fit-taħriġ u fil-qasam taż-żgħażagħ għandha tikkomplementa inizjattivi relevanti ta' koperazzjoni oħra bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada;
JIRRIKONOXXU l-importanza li tkun assigurata l-komplementarjetà ma' inizjattivi relevanti mwettqa fil-qasam ta' l-edukazzjoni superjuri u t-taħriġ vokazzjonali minn organizzazzjonijiet internazzjonali attivi f'dawn l-oqsma bħalma huma l-OECD, l-UNESCO u l-Kunsill ta' l-Ewropa;
JIRRIKONOXXU li l-Partijiet għandhom interess komuni fil-koperazzjoni fl-edukazzjoni superjuri, fit-taħriġ u fil-qasam taż-żgħażagħ bħala parti mill-koperazzjoni aktar wiesgħa li teżisti bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada;
JISTENNEW li jiksbu benefiċċju reċiproku mill-koperazzjoni fl-edukazzjoni superjuri, fit-taħriġ u fil-qasam taż-żgħażagħ;
JIRRIKONOXXU l-bżonn li jwessgħu l-aċċess għall-attivitajiet appoġġati permezz ta' dan il-Ftehim, b'mod partikulari dawk l-attivitajiet fis-setturi tat-taħriġ u taż-żgħażagħ;
JIXTIEQU li jġeddu l-bażi għal koperazzjoni kontinwa fl-edukazzjoni superjuri u t-taħriġ;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għan
Dan il-Ftehim jistabbilixxi qafas għall-koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada fl-oqsma ta' l-edukazzjoni superjuri, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-għan ta' dan il-Ftehim:
1. |
“istituzzjoni ta' edukazzjoni superjuri” tfisser kwalunkwe stabbiliment, skond il-liġijiet jew prattika applikabbli ta' kull Parti, li joffri kwalifiki jew diplomi fil-livell ta' edukazzjoni superjuri, irrispettivament mill-isem ta' l-istabbiliment; |
2. |
“istituzzjoni ta' taħriġ” tfisser kull tip ta' entità pubblika, semi-pubblika jew privata, li, irrispettivament mill-isem mogħti lilha, skond il-liġijiet u l-prattika applikabbli ta' kull Parti, tippjana u timplimenta edukazzjoni vokazzjonali jew taħriġ, aktar taħriġ vokazzjonali, taħriġ vokazzjonali ta' aġġornament jew taħriġ mill-ġdid li jikkontribwixxi għal kwalifiki rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti; |
3. |
“studenti” tfisser dawk il-persuni kollha li jipparteċipaw fit-tagħlim jew f'korsijiet ta' taħriġ jew programmi li huma mmexxija minn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri jew ta' taħriġ kif definit f'dan l-Artikolu, u li huma rikonoxxuti jew appoġġati finanzjarjament mill-awtoritajiet kompetenti; |
4. |
“żgħażagħ” tfisser oqsma ta' attivitajiet marbuta mat-tagħlim mhux-formali u informali li jinvolvu organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u assoċjazzjonijiet oħra taż-żgħażagħ, persuni inkarigati jmexxu ż-żgħażagħ u persuni oħra li jaħdmu għal jew maż-żgħażagħ. |
Artikolu 3
Objettivi
1. L-objettivi ġenerali ta' dan il-Ftehim għandhom ikunu:
a) |
Il-promozzjoni ta' ftehim reċiproku bejn il-popli ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kanada inkluża l-konoxxenza aktar wiesgħa tal-lingwi, tal-kulturi u ta' l-istituzzjonijiet tagħhom; |
b) |
It-titjib fil-kwalità tar-riżorsi umani kemm fil-Komunità Ewropea kif ukoll fil-Kanada, billi jkun iffaċilitat l-akkwist ta' abbiltajiet meħtieġa biex tkun iffaċċjata l-isfida ta' l-ekonomija bbażata fuq it-tagħrif. |
2. L-objettivi speċifiċi ta' dan il-Ftehim għandhom ikunu:
a) |
It-tisħiħ ta' dimensjoni ta' valur miżjud bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada għal koperazzjoni transatlantika fl-edukazzjoni superjuri, it-taħriġ u ż-żgħażagħ; |
b) |
Il-kontribuzzjoni għal skambji transatlantiċi bejn iċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kanada; |
ċ) |
Il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta' l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri u tat-taħriġ, kif ukoll ta' strutturi u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ; |
d) |
Il-promozzjoni u/jew it-tisħiħ ta' sħubiji fost partijiet interessati attivi fl-oqsma ta' l-edukazzjoni superjuri, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea u l-Kanada; |
e) |
Il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp professjonali ta' individwi filwaqt li jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-Ftehim; |
f) |
L-iżvilupp ta' opportunitajiet għad-djalogu u għall-iskambji fir-rigward tal-politika taż-żgħażagħ u l-ħidma favur iż-żgħażagħ. |
3. L-objettivi operattivi ta' dan il-Ftehim għandhom ikunu:
a) |
L-appoġġ għall-kollaborazzjoni bejn edukazzjoni superjuri u istituzzjonijiet ta' taħriġ bil-ħsieb li jmexxu 'l quddiem u jiżviluppaw programmi konġunti ta' studju u/jew taħriġ u l-mobbiltà ta' l-istudenti; |
b) |
It-titjib fil-kwalità tal-mobbiltà transatlantika ta' l-istudenti billi jkunu promossi t-trasparenza, ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u l-perjodi ta' studju u taħriġ u, fejn xieraq, it-trasferiment tal-krediti; |
ċ) |
L-appoġġ għall-kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet pubbliċi u privati attivi fil-qasam ta' l-edukazzjoni superjuri, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ bil-ħsieb li jiġu mħeġġa diskussjonijiet u skambju ta' esperjenza fuq kwistjonijiet politiċi; |
d) |
L-appoġġ għall-mobbiltà transatlantika tal-professjonisti (inkluż it-taħriġ intern tal-professjonisti) bil-ħsieb li jittejjeb l-intendiment reċiproku, u l-konoxxenza, ta' kwistjonijiet relevanti għar-relazzjonijiet Unjoni Ewropea/Kanada; |
e) |
L-appoġġ għall-kollaborazzjoni fost l-istrutturi u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll fost dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, mexxejja żgħar u żgħażagħ oħra bil-ħsieb li jiġu mħeġġa skambji ta' prattika tajba u jiġu żviluppati networks ġodda. |
Artikolu 4
Prinċipji
Il-koperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandha tkun iggwidata bil-prinċipji li ġejjin:
(1) |
Ir-rispett sħiħ għar-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u għas-setgħat leġislattivi tal-Provinċji u t-Territorji tal-Kanada fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-awtonomija ta' l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri u tat-taħriġ; |
(2) |
Il-bilanċ globali tal-benefiċċji minn attivitajiet implimentati permezz ta' dan il-Ftehim; |
(3) |
Il-parteċipazzjoni wiesgħa bejn id-diversi Stati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Provinċji u t-Territorji tal-Kanada; |
(4) |
Ir-rikonoxximent tad-diversità kulturali, soċjali, u ekonomika sħiħa tal-Komunità Ewropea u l-Kanada; |
(5) |
It-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada u komplementarjetà mal-programmi bilaterali bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Kanada, kif ukoll ma' programmi u inizjattivi oħra tal-Komunità Ewropea u tal-Kanada fl-edukazzjoni superjuri, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. |
Artikolu 5
Koperazzjoni
Il-koperazzjoni għandha titkompla permezz ta' l-azzjonijiet deskritti fl-Anness, li hu parti integrali ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 6
Kumitat Konġunt
1. Kumitat Konġunt hu hawnhekk stabbilit. Dan għandu jinkludi numru ndaqs ta' rappreżentanti minn kull waħda mill-Partijiet.
2. Il-funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu:
a) |
L-analiżi ta' l-koperazzjoni prevista taħt dan il-Ftehim; |
b) |
Ir-rapportar lill-Partijiet dwar il-livell, l-istat u l-effettività tal-koperazzjoni skond l-objettivi u l-prinċipji ta' dan il-Ftehim; |
ċ) |
Il-qsim ta' l-informazzjoni dwar żviluppi u strateġiji politiċi reċenti, tendenzi ġodda jew prattika innovattivi li għandhom x'jaqsmu ma' l-edukazzjoni superjuri, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. |
3. Il-Kumitat Konġunt għandu jaħdem biex jiltaqa' kull tieni sena, u l-laqgħat ta' din ix-xorta għandhom jinżammu darba fil-Komunità Ewropea u darba fil-Kanada. Jistgħu jinżammu laqgħat oħra skond kif determinat b'mod reċiproku.
4. Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jintleħqu b'kunsens. Il-minuti għandhom ikunu approvati minn dawk il-persuni magħżula minn kull naħa biex imexxu flimkien il-laqgħa, u għandhom, flimkien mar-rapport, ikunu disponibbli għall-Kumitat Konġunt ta' Koperazzjoni stabbilit taħt il-Ftehim Qafas ta' l-1976 dwar il-Koperazzjoni Kummerċjali u Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada kif ukoll għall-Ministri xierqa ta' kull Parti.
Artikolu 7
Monitoraġġ u valutazzjoni
Il-koperazzjoni għandha tkun monitorjata u valutata kif xieraq fuq bażi koperattiva. Dan għandu jippermetti, kif meħtieġ, ir-riorjentazzjoni ta' l-attivitajiet koperattivi fid-dawl ta' kwalunkwe ħtieġa jew opportunità li ssir evidenti matul il-koperazzjoni ta' l-implimentazzjoni tagħhom.
Artikolu 8
Finanzjament
1. Il-koperazzjoni għandha tkun soġġetta għad-disponibilità ta' fondi u għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, l-istrateġiji politiċi u l-programmi tal-Komunità Ewropea u l-Kanada. Il-finanzjament għandu jkun fuq il-bażi ta' ekwivalenza ġenerali ta' fondi bejn il-Partijiet.
2. Kull Parti għandha tipprovdi fondi għall-benefiċċju dirett ta':
— |
għall-Komunità Ewropea, iċ-ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea jew il-persuni rikonoxxuti minn xi Stat Membru bħala li għandhom stat uffiċjali bħala residenti permanenti; |
— |
għall-Kanada, iċ-ċittadini u r-residenti permanenti tagħha kif definit mil-liġi Kanadiża. |
3. L-ispejjeż li jsiru mill-Kumitat Konġunt jew f'ismu għandhom jitħallsu mill-Parti li għaliha l-membru li jkun nefaq il-flus ikun responsabbli. L-ispejjeż, minbarra dawk ta' l-ivvjaġġar u s-sussistenza, li huma direttament assoċjati ma' laqgħat tal-Kumitat Konġunt, għandhom jitħallsu mill-Parti ospitanti.
Artikolu 9
Dħul ta' persunal
Kull Parti għandha tieħu l-passi kollha raġonevoli u twettaq l-aħjar sforzi tagħha biex tiffaċilita d-dħul u l-ħruġ fit-territorju tagħha ta' persunal, studenti, materjal u tagħmir tal-Parti l-oħra impenjati jew użati fil-koperazzjoni taħt dan il-Ftehim skond il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom.
Artikolu 10
Ftehimiet oħra
1. Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għal koperazzjoni li tista' ssir skond ftehimiet oħra bejn il-Partijiet.
2. Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għal ftehimiet bilaterali eżistenti jew futuri bejn kull wieħed mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Kanada fl-oqsma koperti hawnhekk.
Artikolu 11
L-ambitu ta' applikazzjoni territorjali ta' dan il-Ftehim
Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li għalihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u bil-kundizzjonijiet preskritti f'dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Kanada.
Artikolu 12
Klawżoli finali
1. Kull Parti għandha tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra dwar il-kunsens tagħha li tintrabat b'dan il-Ftehim. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta' wara d-data li fiha l-aħħar Parti tkun innotifikat lill-oħra.
2. Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ għal perjodu ta' tmien snin, li warajh ikun jista' jiġi estiż permezz ta' ftehim bil-miktub tal-Partijiet.
3. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat permezz ta' ftehim reċiproku bil-miktub min-naħa tal-Partijiet.
4. L-emendi jew l-estensjonijiet għandhom ikunu bil-miktub u għandhom jidħlu fis-seħħ f'data determinata mill-Partijiet.
5. Dan il-Ftehim jista' jiġi terminat fi kwalunkwe ħin minn kull waħda mill-Partijiet billi jingħata avviż bil-miktub ta' tnax-il xahar. L-għeluq taż-żmien jew it-tmiem ta' dan il-Ftehim ma għandux jinċidi fuq il-validità jew fuq it-tul ta' żmien ta' kwalunkwe arranġament previst fih jew ta' l-obbligi stabbiliti skond l-Anness ta' dan il-Ftehim.
B'XHIEDA TA' DAN, il-firmatarji iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul f’Helsinki illum 5 ta’ Diċembru 2006, b'żewġ testi oriġinali bl-Ingliż, Franċiż, Ċek, Daniż, Olandiż, Eston, Finlandiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż, bit-testijiet ugwalment awtentiċi.
Por la Comunidad Europea
Za Evropské společenství
For Det Europæiske Fællesskab
Für die Europäische Gemeinschaft
Euroopa Ühenduse nimel
Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα
For the European Community
Pour la Communauté européenne
Per la Comunità europea
Eiropas Kopienas vārdā
Europos bendrijos vardu
Az Európai Közösség részéről
Għall-Komunità Ewropea
Voor de Europese Gemeenschap
W imieniu Wspólnoty Europejskiej
Pela Comunidade Europeia
Za Európske spoločenstvo
Za Evropsko skupnost
Euroopan yhteisön puolesta
För Europeiska gemenskapens vägnar
Por el Gobierno de Canadá
Za vládu Kanady
For Canadas regering
Für die Regierung Kanadas
Kanada valitsuse nimel
Για την Κυβέρνηση του Καναδά
For the Government of Canada
Pour le gouvernement du Canada
Per il governo del Canada
Kanādas valdības vārdā
Kanados Vyriausybės vardu
Kanada Kormánya részéről
Għall-Gvern tal-Kanada
Voor de Regering van Canada
W imieniu Rządu Kanady
Pelo Governo do Canadá
Za vládu Kanady
Za vlado Kanade
Kanadan hallituksen puolesta
För Kanadas regering
ANNESS
AZZJONIJIET
1. L-azzjoni dwar l-edukazzjoni superjuri u t-taĦriĠ
1.1. Il-Partijiet għandhom jipprovdu appoġġ lill-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri u lill-istituzzjonijiet tat-taħriġ li jifformaw konsorzji konġunti KE/Kanada bl-għan li jkunu implimentati proġetti konġunti fil-qasam ta' l-edukazzjoni superjuri u t-taħriġ.
1.2. Kull konsorzju konġunt għandu jkun ifformat minn sħubija multilaterali li tinkludi istituzzjonijiet minn mill-inqas żewġ Stati Membri tal-Komunità Ewropea u mill-inqas żewġ provinċji jew territorji tal-Kanada.
1.3. Attivitajiet b'konsorzji konġunti għandhom normalment jinvolvu mobbiltà transatlantika ta' studenti fil-qafas ta' programmi konġunti ta' studju, rikonoxximent reċiproku tal-krediti, tħejjija lingwistika u kulturali, b'mira ugwali fil-flussi li jiġu miż-żewġ naħat.
1.4. Għandu jkun hemm ftehim reċiproku mill-awtoritajiet adegwati ta' kull waħda mill-Partijiet dwar is-suġġetti prijoritarji u eleġibbli għall-konsorzji konġunti ta' koperazzjoni KE/Kanada.
1.5. Il-Partijiet jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-mobbiltà ta' l-istudenti lejn konsorzji konġunti ta' edukazzjoni superjuri u/jew istituzzjonijiet ta' taħriġ vokazzjonali li għandhom rekord ipprovat ta' eċċellenza fl-implimentazzjoni ta' proġetti konġunti ffinanzjati mill-Partijiet.
2. Azzjoni li tikkonċerna ż-żgħażagħ
Il-Partijiet jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju lil attivitajiet li jinvolvu strutturi u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, lil min jaħdem maż-żgħażagħ, lil mexxejja żgħar u lil persuni li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ. Dawn l-attivitajiet jistgħu jinkludu seminars, korsijiet ta' taħriġ, verifikazzjoni tax-xogħol u żjajjar ta' studju dwar suġġetti mmirati, eż. iċ-ċittadinanza, id-diversità kulturali, ix-xogħol fil-komunità/il-volontarjat u r-rikonoxximent tat-tagħlim mhux-formali u informali.
3. Azzjonijiet komplementari
3.1. Il-Partijiet jistgħu jappoġġaw numru limitat ta' attivitajiet komplementari skond l-objettivi ta' dan il-Ftehim. Dawn jinkludu l-iskambju ta' esperjenzi u ta' prattika tajba u l-ġbir ta' riżorsi u materjal elettroniku fl-oqsma ta' l-edukazzjoni superjuri, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ.
3.2. Il-Partijiet jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju lil miżuri orjentati fuq il-politika li jinvolvu organizzazzjonijiet attivi fl-edukazzjoni superjuri, fit-taħriġ u maż-żgħażagħ; dawn il-miżuri jistgħu jinkludu studji, konferenzi, seminars, gruppi ta' ħidma, workshops għall-iżvilupp professjonali, eżerċizzji ta' tqabbil u jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet dwar l-edukazzjoni superjuri u t-taħriġ vokazzjonali, inkluż ir-rikonoxximent ta' kwalifiki u t-trasferiment ta' krediti taħt is-Sistema Ewropea ta' Trasferiment tal-Krediti (ECTS).
3.3. Il-Partijiet jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-mobbiltà tal-professjonisti (inkluż gradwati ġodda jew taħriġ intern tal-professjonisti) li jkunu jixtiequ jwettqu studji qosra, jew programmi ta' taħriġ biex jiżviluppaw il-kompetenza tagħhom, fl-oqsma b'rilevanza speċifika għar-relazzjoni KE/Kanada, li jkunu ġew identifikati mill-Partijiet.
3.4. Il-Partijiet jistgħu jipprovdu appoġġ lil xi Assoċjazzjoni ta' ex-studenti universitarji li pparteċipaw fi skambji implimentati mill-konsorzji tal-KE/Kanada fl-edukazzjoni superjuri u t-taħriġ vokazzjonali. L-Assoċjazzjoni ta' ex-studenti universitarji tista' tkun immexxija minn organizzazzjoni waħda jew aktar li l-Partijiet għandhom jaħtru b'mod konġunt.
L-amministrazzjoni ta' l-azzjonijiet
1. Kull Parti tista' tipprovdi appoġġ finanzjarju għal attivitajiet imsemmija taħt dan il-Fteihim.
2. L-amministrazzjoni ta' dawn l-Azzjonijiet għandha tkun implimentata mill-uffiċjali kompetenti ta' kull Parti. Dawn il-kompiti jistgħu jinkludu:
— |
it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar ir-regoli u l-proċeduri għall-preżentazzjoni tal-proposti, inkluża l-preparazzjoni ta' linji ta' gwida komuni għall-applikanti; |
— |
it-twaqqif ta' kalendarju għall-pubblikazzjoni ta' sejħiet għal proposti kif ukoll ta' skeda għall-preżentazzjoni u s-selezzjoni ta' proposti; |
— |
il-forniment ta' informazzjoni dwar attivitajiet taħt dan il-ftehim u dwar l-implimentazzjoni tagħhom; |
— |
il-ħatra ta' konsulenti u esperti akkademiċi, inkluż għall-valutazzjoni indipendenti tal- proposti; |
— |
ir-rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Parti dwar liema proġetti għandhom ikunu ffinanzjati; |
— |
l-amministrazzjoni finanzjarja; |
— |
strateġija kollaborattiva għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni. |
3. Fil-prinċipju, il-Komunità Ewropea se tipprovdi appoġġ (inkluż boroż ta' studju) biex jintuża mill-imsieħba tal-proġetti tal-KE; il-Kanada se tipprovdi appoġġ lill-imsieħba tal-proġetti Kanadiżi.
Miżuri ta' appoġġ tekniku
Il-Partijiet għandhom jagħmlu fondi disponibbli għax-xiri ta' servizzi biex tkun żgurata l-aħjar implimentazzjoni tal-Ftehim; b'mod partikulari il-Partijiet jistgħu jorganizzaw seminars, konferenzi akkademiċi jew laqgħat oħra ta' esperti, iwettqu valutazzjonijiet, jipproduċu pubblikazzjonjiet jew ixerrdu informazzjoni relatata.