EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0889

2004/889/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2004 dwar il-konklużjoni ta' ftehim bejn il-Komunitá Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali

ĠU L 375, 23.12.2004, p. 19–19 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 74–74 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/889/oj

Related international agreement

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L NaN/74


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Novembru 2004

dwar il-konklużjoni ta' ftehim bejn il-Komunitá Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali

(2004/889/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 moqri flimkien ma' l-Artikolu 300(2), is-subparagrafu (1) l-ewwel sentenza, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kumissjoni,

Billi:

(1)

F'April ta’ l-1993 l-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim ta' kooperazzjoni doganali mal-Kanada f'isem il-Komunità, Ħong Kong, il-Ġappun, il-Korea, u l-Istati Uniti li ġiet estiża f'Mejju ta’ l-1997 fir-rigward tal-pajjiżi ta' l-ASEAN u ċ-Ċina.

(2)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar kooperazzjoni u assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali għandhom jiġu approvati,

IDDEĊIDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar kooperazzjoni u assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità Ewropea.

It-test tal-Ftehim huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni, mgħejuna mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali stabbilit skond l-Artikolu 21 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat biex jinnomina l-persuna/i li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem il-Komunità, b'hekk jesprimi l-kunsens tal-Komunità li tintrabat.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill għandu jaffettwa n-notifika prevista fl-Artikolu 22 tal-Ftehim f’isem il-Komunità (1).

Magħmul fi Brussell, 16 ta’ Novembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

G. ZALM


(1)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina war kooperazzjoni u assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali

IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

u

IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA POPOLARI TAĊ-ĊINA

minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Partijiet Kontraenti”,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza tar-rabtiet kummerċjali bejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Komunità Ewropea, u xewqana li jikkontribwixxu għall-benefiċċju taż-żewġ Partijiet Kontraenti, għall-iżvilupp armonjuż ta' dawn ir-rabtiet;

WAQT LI JEMMNU LI, sabiex jinkiseb dan il-għan, għandu jkun hemm impenn biex tiġi żviluppata l-kooperazzjoni doganali;

WAQT LI jqisu l-iżvilupp tal-kooperazzjoni doganali bejn il-Partijiet Kontraenti, rigward il-proċeduri doganali;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-operazzjonijiet fi ksur tal-leġislazzjoni doganali inklużi ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, huma ta' preġudizzju għall-interessi ekonomiċi, fiskali u kummerċjali taż-żewġ Partijiet Kontraenti, u filwaqt li jagħrfu l-importanza li tiġi żgurata l-valutazzjoni korretta tad-dazji doganali u taxxi oħra, b'mod partikolari, permezz ta' applikazzjoni korretta tar-regoli dwar l-evalwazzjoni, l-oriġini u l-klassifikazzjoni tariffarja doganali;

KONVINTI li l-azzjoni kontra tali operazzjonijiet tista' ssir iktar effettiva permezz ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti;

WARA LI KKUNSIDRAW l-obbligi imposti taħt konvenzjonijiet internazzjonali diġà aċċettati mill-Partijiet Kontraenti jew applikati lilhom; kif ukoll attivitajiet relatati mad-Dwana mwettqa mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

WARA LI kkunsidraw il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Ekonomika bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina ffirmat fl-1985,

QABLU KIF ĠEJ:

TITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Tifsiriet

Għall-finijiet tal-Ftehim:

(a)

“leġislazzjoni doganali” tfisser kwalunkwe liġi, dispożizzjoni jew strument legali li jorbot tal-Komunità Ewropea jew tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jirregola l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-transitu ta' merkanzija u t-tqegħid tagħhom taħt kwalunke reġim jew proċedura doganali, inklużi miżuri ta' projbizzjoni, restrizzjoni u kontroll;

(b)

“awtorità doganali” għandha tfisser, fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u fil-Komunità Ewropea, is-servizzi kompetenti responsabbli għall-kwistjonijiet doganali tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea;

(ċ)

“awtorità applikanti” għandha tfisser awtorità doganali kompetenti maħtura minn Parti Kontraenti għal dan il-fini u li tagħmel talba għal assistenza amministrattiva, abbażi ta' dan il-Ftehim;

(d)

“awtorità interpellata” għandha tfisser awtorità doganali kompetenti maħtura minn Parti Kontraenti għal dan il-fini u li tirċievi talba għal assistenza amministrattiva, abbażi ta' dan il-Ftehim;

(e)

data personali” għandha tfisser l-informazzjoni kollha relatata ma’ individwu identifikat jew identifikabbli;

(f)

“operazzjoni bi ksur tal-leġislazzjoni doganali” għandha tfisser kull ksur jew attentat ta' ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(g)

“persuna” għandha tfisser persuna naturali jew entità legali;

(h)

“informazzjoni” għandha tfisser data, kemm jekk ipproċessata jew analizzata u kemm jekk le, u dokumenti, rapporti u komunikazzjonijiet oħra fi kwalunkwe forma, inklużi kopji elettroniċi, jew ċertifikati jew awtentikati tagħhom.

Artikolu 2

Applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa waħda, għat-territorju doganali tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u, min-naħa l-oħra, għat-territorji li fihom huwa applikat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat.

Artikolu 3

Żviluppi futuri

Il-Partijiet Kontraenti jistgħu b'kunsens reċiproku jwessgħu dan il-Ftehim bil-għan li jżidu l-livelli ta' kooperazzjoni doganali u li jissupplimentawhom, skond il-leġislazzjoni doganali rispettiva tagħhom, permezz ta' ftehim dwar setturi jew materji speċifiċi.

TITOLU II

KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAL-FTEHIM

Artikolu 4

Twettiq ta’ kooperazzjoni u assistenza

Il-kooperazzjoni u l-assistenza kollha taħt dan il-Ftehim għandha titwettaq mill-Partijiet Kontraenti skond il-liġijiet, id-dispożizzjonijiet, u strumenti legali oħra tagħhom. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni u l-assistenza kollha taħt dan il-Ftehim minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti għandha titwettaq fil-limiti tal-kompetenza tiegħu u r-riżorsi disponibbli.

Artikolu 5

Obbligi imposti taħt ftehim oħra

1.   Waqt li jitqiesu tal-kompetenzi rispettivi tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom:

(a)

ma jaffettwawx l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti taħt kwalunkwe ftehim jew konvenzjoni internazzjonali oħra;

(b)

jitqiesu komplimentarji ma' ftehim dwar kooperazzjoni doganali u assistenza amministrattiva reċiproka li ġew jew li jistgħu jiġu konklużi bejn l-Istati Membri individwali u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina,

(ċ)

ma jaffettwawx id-dispożizzjonijiet Komunitarji li jirregolaw il-komunikazzjoni bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri dwar kwalunkwe informazzjoni miksuba taħt dan il-Ftehim li tista' tkun ta' interess għall-Komunità;

2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta' kwalunkwe ftehim bilaterali dwar kooperazzjoni doganali u assistenza amministrattiva reċiproka li jkunu ġew jew li jistgħu jiġu konklużi bejn l-Istati Membri individwali u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina, safejn id-dispożizzjonijiet ta' dan ta' l-aħħar ikunu inkompatibbli ma' dawk ta' dan il-Ftehim.

3.   Rigward il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kif jiġi applikat dan il-Ftehim, il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jirrisolvu l-kwistjoni fil-qafas tal-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali stabbilit taħt l-Artikolu 21 ta' dan il-Ftehim.

TITOLU III

KOOPERAZZJONI DOGANALI

Artikolu 6

Ambitu tal-kooperazzjoni

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw kooperazzjoni doganali. B'mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti għandhom ifittxu li jikkooperaw fl-oqsma li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment u ż-żamma ta' mezzi ta' komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tagħhom biex jiffaċilitaw u jiżguraw l-iskambju bil-ħeffa ta' l-informazzjoni;

(b)

l-iffaċilitar ta' koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet doganali tagħhom;

(ċ)

kwalunkwe kwistjoni amministrattiva oħra relatata ma' dan il-Ftehim li minn żmien għall-ieħor tista' teħtieġ l-azzjoni konġunta tagħhom.

2.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw azzjonijiet ta' tħaffif tal-kummerċ fi kwistjonijiet doganali waqt li titqies il-ħidma li saret f'dan ir-rigward minn organizzazzjonijiet internazzjonali.

3.   Taħt dan il-Ftehim, il-kooperazzjoni doganali għandha tkopri l-kwistjonijiet kollha relatati ma' l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali.

Artikolu 7

Kooperazzjoni fil-proċeduri doganali

Il-Partijiet Kontraenti jaffermaw l-impenn tagħhom li jiffaċilitaw il-moviment leġittimu tal-merkanzija u għandhom jiskambjaw informazzjoni u kompetenza dwar miżuri li jtejbu l-karatteristiċi tekniċi u l-proċeduri doganali u dwar sistemi kompjuterizzati bil-ħsieb li jimplimentaw dak l-impenn skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 8

Kooperazzjoni teknika

L-Awtoritajiet Doganali tal-Partijiet Kontraenti jistgħu jipprovdu lil xulxin b'assistenza teknika meta dan ikun ta' benefiċċju reċiproku fi kwistjonijiet doganali inkluż:

(a)

l-iskambju ta' persunal u esperti, għall-finijiet ta' promozzjoni tal-fehim reċiproku tal-liġi, il-proċeduri u l-karatteristiċi t-tekniċi doganali ta' xulxin;

(b)

it-taħriġ, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' ħiliet speċjalizzati ta' l-uffiċjali tagħhom tad-dwana;

(ċ)

l-iskambju ta' data professjonali, xjentifika u teknika relatata mal-liġi u l-proċeduri doganali.

(d)

l-karatteristiċi tekniċi u metodi mtejba ta' pproċessar ta' passiġġieri u tagħbija.

(e)

kwalunkwe kwistjoni amministrattiva ġenerali li tista' minn żmien għall-ieħor teħtieġ azzjonijiet konġunti mill-amministrazzjonijiet doganali tagħhom.

Artikolu 9

Koordinazzjoni f'organizzazzjonijiet internazzjonali

L-awtoritajiet doganali għandhom ifittxu li jiżviluppaw u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar suġġetti ta' interess komuni sabiex ifittxu pożizzjoni koordinata meta jiġu diskussi dawk is-suġġetti fil-qafas ta' organizzazzjonijiet internazzjonali.

TITOLU IV

ASSISTENZA AMMINISTRATTIVA REĊIPROKA

Artikolu 10

Kamp ta' applikazzjoni

1.   L-awtoritajiet doganali għandhom jassistu lil xulxin billi jipprovdu informazzjoni xierqa li tgħin biex tkun żgurata l-applikazzjoni xierqa ta' leġislazzjoni doganali u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-ġlieda kontra kwalunkwe ksur tal-leġislazzjoni doganali.

2.   Assistenza fi kwistjonijiet doganali, kif previst f’dan il-Ftehim, għandha tapplika għal kwalunkwe awtorità amministrattiva tal-Partijiet Kontraenti li hija kompetenti għall-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Din m'għandhiex tippreġudika n-normi li jirregolaw l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali. Lanqas ma għandha tkopri l-informazzjoni miksuba taħt il-poteri eżerċitati fuq it-talba ta' awtorità ġudizzjarja;

3.   Assistenza biex jinġabru dazji, taxxi jew multi, jew l-arrest jew id-detenzjoni ta' kwalunkwe persuna jew il-qbid jew id-detenzjoni ta' proprjetà mhumiex koperti b'dan il-ftehim.

Artikolu 11

Assistenza fuq talba

1.   Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità interpellata għandha tipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tista' tgħinha sabiex tiżgura li l-leġislazzjoni doganali tiġi applikata b'mod korrett, inkluża l-informazzjoni rigward l-attivitajiet mikxufa jew ippjanati li huma jew jistgħu jkunu operazzjonijiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali. B'mod partikolari, fuq talba, l-awtoritajiet doganali għandhom jipprovdu lil xulxin informazzjoni rigward attivitajiet li jistgħu jirriżultaw f'reati fit-territorju tal-Parti l-oħra, per eżempju, dikjarazzjonijiet doganali inkorretti u ċertifikati ta' l-oriġini, fatturi jew dokumenti oħra magħrufa li huma, jew suspettati li huma, inkorretti jew falsifikati.

2.   Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità interpellata għandha tinfurmaha dwar:

(a)

l-awtentiċità tad-dokumenti uffiċjali prodotti b'appoġġ ta' dikjarazzjoni ta' merkanzija magħmula lill-awtorità doganali tal-parti li qed tagħmel it-talba;

(b)

jekk il-merkanzija esportata minn territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti ġietx importata legalment fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, waqt li tispeċifika, fejn xieraq, il-proċedura doganali applikata għall-merkanzija;

(ċ)

jekk il-merkanzija importata fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti kinitx esportata legalment fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, waqt li tispeċifika, fejn xieraq, il-proċedura doganali applikata għall-merkanzija.

3.   Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità interpellata għandha, fil-qafas tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-istrumenti legali l-oħra li jorbtu tagħha, tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura li jkun hemm sorveljanza speċjali ta':

(a)

persuni li fir-rigward tagħhom jeżistu raġunijiet tajbin biex jitwemmen li dawn huma jew kienu involuti f'operazzjonijiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(b)

postijiet fejn ħażniet ta’ merkanzija kienu jew jistgħu jiġu maħżuna jew immuntati b’tali mod li hemm raġunijiet tajbin biex jitwemmen li din il-merkanzija hija intenzjonata biex tintuża f’operazzjonijiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(ċ)

merkanzija li hija jew tista' tiġi trasportata b’tali mod li hemm raġunijiet tajbin biex jitwemmen li din hija intenzjonata biex tintuża f’operazzjonijiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(d)

mezzi ta’ trasport li huma jew jistgħu jiġu użati b’tali mod li hemm raġunijiet tajbin biex jitwemmen li huma intenzjonati biex jintużaw f’operazzjonijiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali.

Artikolu 12

Assistenza spontanja

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jassistu lil xulxin, fuq inizjattiva tagħhom stess u skond il-liġijiet, id-dispożizzjonijiet jew strumenti oħra li jorbtu legalment tagħhom jekk huma jikkunsidraw li jkun meħtieġ għall-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni doganali, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet li jistgħu jinvolvu ħsara sostanzjali għall-ekonomija, is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew interess vitali simili tal-Parti Kontraenti l-oħra li tappartjeni għal:

(a)

attivitajiet li huma jew jidhru li huma operazzjonijiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali u li jistgħu jkunu ta’ interess għall-Parti Kontraenti l-oħra;

(b)

mezzi jew metodi ġodda adottati fit-twettiq ta’ l-operazzjonijiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(ċ)

merkanzija magħrufa li hija soġġetta għal operazzjonijiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(d)

persuni li fir-rigward tagħhom jeżistu raġunijiet tajbin biex jitwemmen li dawn huma jew kienu involuti f'operazzjonijiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(e)

mezzi ta’ trasport li fir-rigward tagħhom hemm raġunijiet tajbin biex jitwemmen li dawn intużaw, qegħdin jintużaw jew jistgħu jintużaw f’operazzjonijiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali.

Artikolu 13

Forma u sustanza tat-talbiet għall-assistenza

1.   It-talbiet skond dan il-Ftehim għandhom isiru bil-miktub. Dawn għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokumenti meħtieġa biex ikunu konformi mat-talba. Fejn ikun meħtieġ minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, talbiet verbali jistgħu jiġu aċċettati, iżda għandhom jiġu kkonfermati fil-pront bil-miktub.

2.   It-talbiet skond il-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kontrofirmar formali ta' l-awtorità applikanti;

(b)

l-azzjoni mitluba;

(ċ)

l-għan u r-raġuni għat-talba;

(d)

il-liġijiet, ir-regolamenti u strumenti oħra li jorbtu legalment involuti;

(e)

indikazzjonijiet kemm jista' jkun eżatti u komprensivi dwar il-persuni li huma l-mira ta' l-investigazzjonijiet;

(f)

taqsira tal-fatti rilevanti u ta' l-istħarriġ li diġà twettaq.

3.   It-talbiet għandhom isiru f'lingwa uffiċjali ta' l-awtorità interpellata jew f'lingwa aċċettabbli għal din ta' l-aħħar. Din il-ħtieġa m’għandhiex tapplika għal kwalunkwe dokument li jakkumpanja t-talba taħt il-paragrafu 1.

4.   Jekk talba ma tkunx konformi mar-rekwiżiti formali ta' hawn fuq, tista' tintalab il-korrezzjoni jew it-tkomplija tagħha; fil-frattemp jistgħu jiġu ordnati miżuri ta' prekawzjoni.

Artikolu 14

Esekuzzjoni tat-talbiet

1.   Sabiex tikkonforma mat-talba ta’ assistenza, l-awtorità interpellata għandha tipproċedi, fil-limiti tal-kompetenza tagħha stess u tar-riżorsi disponibbli, daqs li kieku kienet qiegħda taġixxi fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba ta’ awtoritajiet oħra ta’ l-istess Parti Kontraenti, billi tipprovdi l-informazzjoni li diġà tinsab fil-pussess tagħha, billi twettaq stħarriġ xieraq jew billi tirranġa sabiex dawn jitwettqu.

2.   It-talbiet għall-assistenza għandhom jiġu mwettqa skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-istrumenti l-oħra li jorbtu legalment tal-Parti interpellata.

3.   L-uffiċjali debitament awtorizzati ta' Parti Kontraenti jistgħu, bi qbil mal-Parti Kontraenti l-oħra u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti minn din ta' l-aħħar, ikunu preżenti waqt l-inkjesti mwettqa fil-ġurisdizzjoni ta' din ta' l-aħħar rigward każijiet speċifiċi.

4.   Fl-eventwalità li t-talba ma tkunx tista' tiġi mħarsa, l-awtorità applikanti għandha tiġi nnotifikata minnufih dwar dan il-fatt, permezz ta' dikjarazzjoni tar-raġunijiet u ta' kwalunkwe informazzjoni oħra li l-awtorità interpellata tikkunsidra li tista' tkun ta' assistenza lill-awtorità applikanti.

Artikolu 15

Forma li fiha l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata

1.   L-awtorità interpellata għandha tikkomunika r-riżultati ta’ l-inkjesti lill-awtorità applikanti bil-miktub flimkien mad-dokumenti rilevanti, kopji ċċertifikati jew oġġetti oħrajn.

2.   Din l-informazzjoni tista' tkun f'forma kompjuterizzata li għandha, fejn hu meħtieġ, tkun ikkonfermata bil-miktub immedjatament wara.

Artikolu 16

Eċċezzjonijiet għall-obbligu li tingħata assistenza

1.   L-assistenza tista’ tiġi rrifjutata jew tista’ tkun soġġetta għas-sodisfazzjon ta’ ċerti kondizzjonijiet jew ħtiġiet f'każijiet fejn Parti Kontraenti hija ta' l-opinjoni li dik l-assistenza taħt dan il-Ftehim tkun:

(a)

x'aktar tippreġudika s-sovranità tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew dik ta' Stat Membru tal-Komunità Ewropea li ġiet mitluba tipprovdi assistenza taħt dan il-Ftehim; jew

(b)

x’aktarx tippreġudika l-ordni pubbliku, is-sigurtà jew interessi essenzjali oħrajn, b'mod partikolari fil-każijiet imsemmija taħt l-Artikolu 17(2); jew

(ċ)

tmur kontra sigriet industrijali, kummerċjali jew professjonali.

2.   L-assistenza tista’ tiġi posposta mill-awtorità interpellata għar-raġuni li din tinterferixxi ma' investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedimenti li jkunu għaddejjin. F’każ bħal dan, l-awtorità interpellata għandha tikkonsulta lill-awtorità applikanti biex ikun determinat jekk tistax tingħata assistenza soġġetta għal tali termini jew kondizzjonijiet kif meħtieġa mill-awtorità interpellata.

3.   Fejn l-awtorità applikanti tfittex assistenza li hi nnifisha ma tkunx tista’ tagħti jekk tintalab, hija għandha tiġbed l-attenzjoni għal dan il-fatt fit-talba tagħha. Huwa mbagħad f’idejn l-awtorità interpellata li tiddeċiedi kif twieġeb għal tali talba.

4.   Għall-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, id-deċiżjoni ta' l-awtorità interpellata u r-raġunijiet għal din għandhom jiġu kkomunikati lill-awtorità applikanti mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 17

Skambju ta’ informazzjoni u kunfidenzjalità

1.   Kwalunkwe informazzjoni kkomunikata tkun xi tkun il-forma tagħha skond dan il-Ftehim għandha tkun ta' natura kunfidenzjali jew ristretta, skond ir-regoli li japplikaw f'kull waħda mill-Partijiet Kontraenti. Din għandha tkun koperta mill-obbligu ta’ segretezza uffiċjali u għandha tgawdi l-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili skond il-liġijiet rilevanti tal-Parti Kontraenti li rċevietha u skond id-dispożizzjonijiet korrispondenti li japplikaw għall-awtoritajiet Komunitarji.

2.   Data personali tista' tiġi skambjata biss meta l-Parti Kontraenti li tista' tirċeviha timpenja ruħha li tipproteġi tali data b'mod mill-inqas ekwivalenti għal dak applikabbli għal dak il-każ partikolari fil-Parti Kontraenti li tista' tforniha. Il-Parti Kontraenti li tista' tforni l-informazzjoni ma għandha tistipula l-ebda ħtieġa li tkun aktar oneruża minn dik li tapplika għaliha fil-ġurisdizzjoni tagħha stess. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli tagħhom, inklużi fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fl-Istati Membri tal-Komunità.

3.   Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jipprekludi l-użu ta' informazzjoni jew dokumenti miksuba skond dan il-Ftehim bħala evidenza fi proċedimenti amministrattivi istitwiti sussegwentement fir-rigward ta' operazzjonijiet bi ksur tal-leġislazzjoni doganali. Għalhekk, il-Partijiet Kontraenti, fir-reġistri ta’ evidenza, fir-rapporti u fix-xhieda tagħhom u fi proċedimenti amministrattivi jistgħu jużaw bħala evidenza l-informazzjoni miksuba u d-dokumenti kkonsultati skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. L-awtorità kompetenti li forniet dik l-informazzjoni jew li tat aċċess għal dawk id-dokumenti għandha tkun innotifikata b’tali użu.

4.   L-informazzjoni miksuba għandha tintuża biss għall-iskopijiet ta' dan il-Ftehim. Fejn waħda mill-Partijiet Kontraenti tixtieq tuża tali informazzjoni għal finijiet oħra, din għandha tikseb minn qabel il-kunsens bil-miktub ta’ l-awtorità li pprovdiet l-informazzjoni. Tali użu mbagħad għandu jkun soġġett għal kwlaunkwe restrizzjoni stipulata minn dik l-awtorità.

5.   Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti prattiċi sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu mill-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali stabbilit skond l-Artikolu 21.

Artikolu 18

Esperti u xhieda

Uffiċjal ta' l-awtorità interpellata jista' jiġi awtorizzat jidher, fil-limitazzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni mogħtija lilu, bħala espert jew xhud fi proċedimenti amministrattivi fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, u jipproduċi tali oġġetti, dokumenti u kopji ċertifikati tagħhom, li jistgħu jkunu utli għall-proċedimenti. It-talba għal dehra trid tindika speċifikament quddiem liema awtorità għandu jidher l-uffiċjal, dwar liema kwistjonijiet u bis-saħħa ta' liema titolu jew kwalifika l-uffiċjal irid jiġi mistoqsi.

Artikolu 19

Spejjeż għall-assistenza

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jeżentaw it-talbiet kollha reċiproċi għar-rimborż ta’ l-ispejjeż magħmula skond dan il-Ftehim, ħlief, kif xieraq, għall-ispejjeż ta’ l-esperti u x-xhieda, u dawk ta’ l-interpreti u t-tradutturi li mhumiex impjegati tas-servizz pubbliku.

2.   Jekk biex tiġi esegwita t-talba hemm bżonn, jew ser ikun hemm bżonn, ta' spejjeż ta' natura konsiderevoli jew straordinarja, il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonsultaw biex jistabbilixxu l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet li taħthom tiġi esegwita t-talba kif ukoll il-mod kif l-ispejjeż jiġu sostnuti.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Implimentazzjoni

1.   L-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tiġi fdata lill-awtoritajiet doganali tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u, fejn xieraq, ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea min-naħa waħda, u lill-awtorità Doganali tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, min-naħa l-oħra. Huma għandhom jiddeċiedu dwar il-miżuri prattiċi kollha u l-arranġamenti meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu, waqt li jieħdu in konsiderazzjoni r-regoli fis-seħħ b'mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. Huma jistgħu jirrakkomandaw lill-korpi kompetenti l-emendi li jikkunsidraw li għandhom isiru għal dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin u għandhom sussegwentement iżommu lil xulxin infurmati bir-regoli dettaljati ta' implimentazzjoni li jiġu adottati skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 21

Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali

1.   Huwa b'dan stabbilit Kumitat Konġunt tal-Koperazzjoni Doganali, li jikkonsisti minn rappreżentanti ta' l-awtoritajiet doganali tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Komunità Ewropea. Dan għandu jiltaqa' f'post, f'data u b'aġenda, stabbiliti bi qbil reċiproku.

2.   Il-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali għandu inter alia:

(a)

jara li l-Ftehim jiffunzjona kif jixraq;

(b)

jeżamina l-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tiegħu;

(ċ)

jieħu miżuri meħtieġa għall-kooperazzjoni doganali skond il-finijiet ta' dan il-Ftehim;

(d)

jiskambja opinjonijiet dwar kwalunkwe punt ta' interess komuni li jirrigwarda l-kooperazzjoni doganali, inklużi miżuri futuri u r-riżorsi għalihom;

(e)

jirrakkommanda soluzzjonijiet immirati sabiex jgħinu l-kisba ta' l-għanijiet ta' dan il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali għandu jadotta r-regoli interni ta' proċedura tiegħu.

4.   Il-Kumitat tal-Kooperazzjoni Doganali għandu fejn hu xieraq iżomm infurmata lill-Kummissjoni Konġunta stabbilita taħt l-Artikolu 15 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Ekonomika bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u ċ-Ċina b'attivitajiet li qed isiru taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data ta' meta l-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-fini.

2.   Kull Parti Kontraenti tista' ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż bil-miktub lill-Parti l-oħra. It-tmiem għandu jidħol b'effett tliet xhur mid-data tan-notifika lill-Parti Kontraenti l-oħra. It-talbiet għall-assistenza li jkunu ġew irċevuti qabel it-tmiem tal-Ftehim għandhom jiġu kkompletati skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 23

Testi awtentiċi

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f'żewġ kopji fil-lingwa Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża u Ċiniża, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku.

B'xiehda ta' dan, is-sottoskritti, li huma debitament awtorizzati biex jagħmlu dan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell fi 8 ta’ Diċembru 2004 fis-sena elfejn

Għall-Komunità Ewropea

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

az Európai Közösség részéről

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Za Európske spoločenstvo

za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

På Europeiska gemenskapens vägnar

Image

Image

Por el Gobierno de la República Popular China

Za vládu Činské lidové republiky

For Folkerepublikken Kinas regering

Im Namen der Regierung der Volksrepublik China

Hiina Rahvavabariigi valitsuse nimel

Για την κυβέρνηση της Λαϊκής Δημοκρατίας της Κίνας

For the Government of the People's Republic of China

Pour le gouvernement de la République populaire de Chine

Per il Governo della Repubblica popolare cinese

Kīnas Tautas Republikas vārdā

Kinijos Liaudies Respublikos Vyriausybės vardu

A Kínai Népköztársaság kormánya részéről

Voor de Regering van de Volksrepubliek China

W imieniu rządu Chińskiej Republiki Ludowej

Pelo Governo da República Popular da China

Za vládu Činskey ľudovej republiky

Za Vlado Ljudske republike Kitajske

Kiinan kansantasavallan hallituksen puolesta

På Folkrepubliken Kinas regerings vägnar

Għall-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Image

Image


Top