Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998R0975

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti ta' l-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

ĠU L 139, 11.5.1998, pp. 6–8 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/07/2014; Imħassar b' 32014R0729

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/975/oj

31998R0975



Official Journal L 139 , 11/05/1998 P. 0006 - 0008


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98

tat-3 ta' Mejju 1998

dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti ta' l-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EUROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea, u partikolarment l-Artikolu 105a(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni ta' l-Istitut Monetarju Europew [2],

Waqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

(1) Billi, fil-laqgħa tal-Kunsill Europew f'Madrid fil-15 u s-16 ta' Diċembru 1995, kien adottat ix-xenarju għall-qlib f'munita unika li jipprovdi d-dħul ta' muniti ta' l-euro sa mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 2002; billi d-data eżatta għall-ħruġ ta' muniti fl-euro sejra tkun deċiża meta l-Kunsill jadotta r-regolament tiegħu dwar id-dħul ta' l-euro minnufih wara li l-Istati Membri jkunu ddeċidew li jadottaw l-euro bħala l-munita unika kmieni kemm jista' jkun possibbli fl-1998;

(2) Billi, skond l-Artikolu 105a(2) tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu joħorġu muniti bla ħsara għall-approvazzjoni tal-Bank Ċentrali Europew (BĊE) dwar il-volum tal-ħruġ u l-Kunsill jista', huwa u jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 189c u wara li jikkonsulta lill-BĊE, jadotta miżuri biex jarmonizza d-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti kollha maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni fil-kwantità meħtieġa biex tippermetti ċ-ċirkolazzjoni bla xkiel tagħhom ġewwa l-Komunità;

(3) Billi l-Istitut Monetarju Europew wera li l-karti ta' flus fl-euro jinfirxu minn EUR 5 sa EUR 500; billi d-denominazzjonijiet f'karti ta' flus u muniti jkollhom il-ħtieġa li jippermettu sabiex ħlasijiet fi flus kontanti ta' ammonti espressi fl-euro u fiċ-ċenteżmi tiegħu jkunu jistgħu isiru faċilment;

(4) Billi d-diretturi taz-zekek tal-Komunità rċevew mandat mill-Kunsill sabiex jistudjaw u jelaboraw rapport għal sistema ta' munita unika Ewropea; billi taw ir-rapport f'Novembru 1996 segwit minn rapport rivedut fi Frar 1997 fejn jindikaw id-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (dijametru, ħxuna, toqol, kulur, kompożizzjoni u xifer) tal-muniti l-ġodda ta' l-euro;

(5) Billi s-sistema ġdida ta' munita unika Europea għandha ddaħħal fiduċja pubblika u tinvolvi innovazzjonijiet teknoloġiċi li għandhom jistabbiluha bħala sistema żgura, ta' fiduċja u effiċjenti;

(6) Billi l-aċċettazzjoni tas-sistema l-ġdida mill-pubbliku hija waħda mill-għanijiet ewlenin tas-sistema tal-muniti tal-Komunità; billi l-fiduċja pubblika fis-sistema l-ġdida tkun tiddependi fuq il-karatteristiċi materjali tal-muniti ta' l-euro, li għandhom ikunu kemm jista' jkun faċili għal min jużhom;

(7) Billi saru konsultazzjonijiet ma' għaqdiet tal-konsumaturi, ma' l-Unjoni Europea ta' l-Għomja u ma' rappreżentanti ta' l-industrija tal-magni awtomatiċi tal-bejgħ biex jingħata kont tal-ħtiġiet speċifiċi ta' kategoriji importanti ta' l-utenti tal-muniti; billi, sabiex jiġi żgurat qlib bla tfixkil għall-euro u sabiex titħaffef mill-utenti l-aċċettazzjoni tas-sistema l-ġdida ta' muniti, tinħtieġ garanzija ta' distinzjoni bejn il-muniti permezz ta' karatteristiċi viżwali u tal-mess;

(8) Billi l-muniti l-ġodda ta' l-euro għandhom ikunu jingħarfu waħda mill-oħra iktar faċilment u eħfef biex jindraw jekk ikun hemm rabta bejn id-dijametru u l-valur tagħhom;

(9) Billi jinħtieġu ċerti karatteristiċi speċjali ta' sigurtà sabiex jitnaqqas l-iskop ta' frodi għall-euro 1 u euro 2 ġaladarba l-valur tagħhom huwa għoli; billi l-użu ta' metodi ta' teknika li bihom il-muniti jkunu magħmula fi tliet saffi u t-tagħqid ta' żewġ kuluri differenti fil-munita hija meqjusa bħala l-karatteristika l-iktar effiċjenti ta' sigurtà li teżisti llum;

(10) Billi l-għotja ta' wiċċ Ewopew lil naħa waħda tal-muniti u wiċċ nazzjonali lin-naħa l-oħra hija espressjoni xierqa ta' l-idea ta' l-għaqda monetarja Europea bejn l-Istati Membri u tista' żżid b' mod sinifikanti l-grad ta' aċċettazzjoni tal-muniti miċ-ċittadini Ewropej;

(11) Billi fit-30 ta' Ġunju 1994 il-Parlament Europew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 94/27/KE [4], li tillimita l-użu tan-nijkil f'ċerti prodotti bil-għarfien li n-nijkil jista' jikkawża allerġiji taħt ċerti kondizzjonijiet; billi l-muniti mhumiex koperti b'din id-Direttiva; billi, madankollu, xi Stati Membri diġà jużaw il-lig li ma fihx nijkil li jissejjaħ Deheb Nordiku fis-sistema tal-muniti kurrenti tagħhom għal raġunijiet ta' saħħa pubblika; billi jidher mixtieq it-tnaqqis tal-kontenut ta' nijkil fil-muniti meta tidħol is-sistema l-ġdida ta' flus;

(12) Billi huwa għalhekk xieraq li tiġi segwita fil-prinċipju l-proposta tad-diretturi taz-zekek imsemmija iktar "il fuq u li tiġi adattata biss sal-limitu meħtieġ sabiex jingħata kont b'mod partikolari tal-ħtiġiet speċifiċi ta' kategoriji importanti ta' utenti tal-muniti u l-ħtieġa li jitnaqqas l-użu tan-nijkil fil-muniti;"

(13) Billi mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi preskritti għall-muniti ta' l-euro, il-valur tal-ħxuna biss huwa ta' natura indikattiva, ġaladarba l-ħxuna attwali ta' munita jiddependi minn dijametru u toqol preskritt,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ewwel serje ta' muniti euro għandha tinkludi tmien denominazzjonijiet fil-firxa ta' bejn ċenteżmu u 2 euro bl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li ġejjin:

L-ewwel serje tal-muniti ewro għandu jkun fiha tminn denominazzjonijiet li jibdew minn ċenteżmu sa żewġ ewri bl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li ġejjin:

Valur fuq il-wiċċ (ewro) | Dijametru F'mm | Spessur f'mm (1) | Piż fi Grammi | Għamla | Lewn | Komposizzjoni | Xifer |

2 | 25,75 | 1,95 | 8,5 | Tonda | Il-parti ta' barra: bajda | Ram u nickel (Cu75Ni25) | Bl-ittri u ssingjata fin |

Il-parti ta' ġewwa: safra | Tlett-saffi: nickel-ram isfar/nickel/nickel-ram isfar (CuZn20Ni5/Ni12/CuZn20Ni5) |

1 | 23,25 | 2,125 | 7,5 | Għamla tonda | Parti ta' barra: Safra | Nickel - ram isfar (CuZn20Ni5) | Bis-singi interrotti |

Parti ta' ġewwa: Bajda | Tlett-saffi: Cu75Ni25/Ni7/Cu75Ni25 |

0,50 | 24,25 | 1,69 | 7 | Tonda | Safra | "Nordi Gold" Cu89Al5Zn5Sn1 | Bis-singi ħoxnin |

0,20 | 22,25 | 1,63 | 5,7 | Għamla ta' "Fjura Spanjola" | Safra | "Nordic Gold" Cu89Al5Zn5Sn1 | Lixxa |

0,10 | 19,75 | 1,51 | 4,1 | Tonda | Safra | "Nordic Gold" Cu89Al5Zn5Sn1 | Bis-singi ħoxnin |

0,05 | 21,25 | 1,36 | 3,9 | Tonda | Ħamra | Azzar miksi bir-ram | Lixxa |

0,02 | 18,75 | 1,36 | 3 | Tonda | Ħamra | Azzar miksi bir-ram | Lixxa b'sing |

0,01 | 16,25 | 1,36 | 2,3 | Tonda | Ħamra | Azzar miksi bir-ram | Lixxa |

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1999.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, skond it-Trattat, bla ħsara għall-Artikolu 109k(1) u l-Protokolli 11 u 12.

Magħmul fi Brussel, fit-3 ta' Mejju 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Brown

[1] ĠU C 208, tad-9.7.1997, p. 5u ĠU C 386, tal-20.12.1997, p. 12.

[2] Opinjoni mogħtija fil-25 ta' Ġunju 1997 (ĠU C 205, tal-5.7.1997, p. 18).

[3] Opinjoni tal-Parlament Europew tas-6 ta' Novembru 1997 (ĠU C 358, ta' l-24.11.1997, p. 24), pożizzjoni komuni tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 1997 (ĠU C 23, tat-23.1.1998, p. 1) u Deċiżjoni tal-Parlament Europew tas-17 ta' Diċembru 1997 (ĠU C 14, tad-19.1.1998).

[4] ĠU L 188, tat-22.7.1994, p. 1.

--------------------------------------------------

Top