Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31975L0033

    Id-Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-meters ta' l-ilma kiesaħ

    ĠU L 14, 20.1.1975, p. 1–9 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/12/2015; Imħassar b' 32011L0017

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1975/33/oj

    31975L0033

    Id-Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-meters ta' l-ilma kiesaħ

    Official Journal L 014 , 20/01/1975 P. 0001 - 0009
    Finnish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0069
    Greek special edition: Chapter 13 Volume 3 P. 0022
    Swedish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0069
    Spanish special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0044
    Portuguese special edition Chapter 13 Volume 4 P. 0044
    CS.ES Chapter 13 Volume 002 P. 147 - 155
    ET.ES Chapter 13 Volume 002 P. 147 - 155
    HU.ES Chapter 13 Volume 002 P. 147 - 155
    LT.ES Chapter 13 Volume 002 P. 147 - 155
    LV.ES Chapter 13 Volume 002 P. 147 - 155
    MT.ES Chapter 13 Volume 002 P. 147 - 155
    PL.ES Chapter 13 Volume 002 P. 147 - 155
    SK.ES Chapter 13 Volume 002 P. 147 - 155
    SL.ES Chapter 13 Volume 002 P. 147 - 155


    Id-Direttiva tal-Kunsill

    tas-17 ta’ Diċembru 1974

    dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-meters ta' l-ilma kiesaħ

    (75/33/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

    Billi fl-Istati Membri l-kostruzzjoni u l-metodi ta’ kontroll tal-meters ta' l-ilma kiesaħ huma soġġetti għal disposizzjonijiet mandatarji li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, u b'konsegwenza ta' dan jostakolaw il-kummerċ fi strumenti bħal dawn; billi huwa għalhekk meħtieġ li dawn id-disposizzjonijiet jiġu approssimati;

    Billi d-Direttiva tal-Kunsill Nru 71/316/KEE [3] tas-26 ta’ Lulju 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li huma relatati mad-disposizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti ta' kejl kif ukoll għall-metodi ta’ kontroll metroloġiku, kif emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni [4], stabbiliet l-approvazzjoni tad-disinn tal-KEE u l-proċeduri tal-verifika inizjali tal-KEE; billi, f’konformità ma’ dik id-Direttiva, għandhom jiġu stabbiliti ħtiġiet tekniċi għad-disinn u l-funzjonament tal-meters ta' l-ilma kiesaħ; billi għandhom jiġu sodisfatti ħtiġiet bħal dawn, u għandhom isiru l-kontrolli, u għandhom jitwaħħlu s-sinjali u l-marki adatti, qabel ma dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jiġu importati, mibjugħin u użati b’mod liberu,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Din id-Direttiva għandha tapplika għall-meters ta' l-ilma kiesaħ, li huma strumenti ta’ kejl ta' integrazzjoni biex jistabbilixxu b'mod kontinwu, il-volum ta’ ilma (u l-ebda likwidu ieħor) li jgħaddi minnhom, u li jkun fihom mekkaniżmu ta’ kejl marbut ma’ mekkaniżmu indikatur. L-ilma għandu jkun ikkunsidrat bħala "kiesaħ" meta t-temperatura tiegħu tkun bejn iż-0º u t-30ºĊ

    Artikolu 2

    Il-meters ta' l-ilma kiesaħ li jkollhom fuqhom il-marki u s-sinjali tal-KEE huma deskritti fl-Anness għal din id-Direttiva. Dawn għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tad-disinn tal-KEE u għandhom jiġu sottomessi għal verifika inizjali tal-KEE.

    Artikolu 3

    L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta, jipprojbixxi jew jirrestrinġi t-tqegħid fis-suq jew id-dħul fis-servizz ta' meters ta' l-ilma kiesaħ li jkollhom fuqhom is-simbolu ta' l-approvazzjoni tad-disinn tal-KEE u l-marka tal-verifika inizjali tal-KEE, minħabba l-karatteristiċi metroloġiċi tagħhom.

    Artikolu 4

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien tmintax-il xahar min-notifika tagħha, u għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-test tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, is-17 ta’ Diċembru 1974.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Durafour

    [1] ĠU Nru C 2, tad-9. 1. 1974, p. 62.

    [2] ĠU Nru C 8, tas-16. 4. 1969, p. 6.

    [3] ĠU Nru L 202, tat-23. 2. 1970, p. 1.

    [4] ĠU Nru L 73, tas-27. 3. 1972, p. 14.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    I. TERMINOLOĠIJA U DEFINIZZJONIJIET

    1.0 Dan l-Anness japplika biss għall-meters ta' l-ilma kiesaħ ibbażati fuq proċess mekkaniku dirett li jinvolvi l-użu ta’ kompartamenti volumetriċi b’ħitan li jiċċaqalqu jew l-azzjoni tal-veloċità ta' l-ilma fuq ir-rata ta' tidwir ta’ parti li tiċċaqlaq (it-turbina, l-impeller, eċċ…).

    1.1. Ir-rata taċ-ċirkolazzjoni

    Ir-rata taċ-ċirkolazzjoni hija l-volum ta' l-ilma li jgħaddi minn ġewwa l-meter għal kull unità ta’ ħin, il-volum ikun imfisser f’metri kubi jew inkella f’litri, waqt li l-ħin f’sigħat, f'minuti jew f'sekondi.

    1.2. Il-volum fornut

    Il-volum fornut huwa l-volum totali ta’ ilma li jkun għadda mill-meter f’ċertu ħin.

    1.3. Ir-rata ta’ ċirkolazzjoni massima (Qmax)

    Ir-rata ta’ ċirkolazzjoni massima, Qmax, hija l-ogħla rata ta’ ċirkolazzjoni li fiha l-meter ikun jista’ jaħdem f’perjodi limitati mingħajr ma tiġrilu ebda ħsara, u mingħajr ma jaqbeż l-iżbalji massimi permissibbli u l-valur massimu permissibbli għat-telf tal-pressjoni.

    1.4. Ir-rata ta’ ċirkolazzjoni nominali (Qn)

    Ir-rata ta’ ċirkolazzjoni nominali, Qn, hija ugwali għal nofs ir-rata ta’ ċirkolazzjoni massima, Qmax. Din hija mfissra f’metri kubi kull siegħa u hija użata biex tindika l-meter.

    F’rata ta’ ċirkolazzjoni nominali, Qn, l-meter għandu jkun kapaċi jaħdem waqt użu normali, i.e., f’kondizzjonijiet ta’ tħaddim kontinwu u intermittenti, mingħajr ma jaqbeż l-iżbalji massimi permissibbli.

    1.5. Ir-rata ta’ ċirkolazzjoni minima (Qmin)

    Ir-rata ta’ ċirkolazzjoni minima, (Qmin), hija r-rata ta’ ċirkolazzjoni li 3 ’l fuq minnha l-meter ma jistax jaqbeż l-iżbalji massimi permissibbli, u hija stabbilita bħala funzjoni ta’ Qn.

    1.6. Il-medda tar-rata ta’ ċirkolazzjoni

    Il-medda tar-rata ta’ ċirkolazzjoni tal-meter ta' l-ilma hija limitata bir-rata ta’ ċirkolazzjoni massima u dik minima, Qmax u Qmin. Hija maqsuma f’żewġ partijiet, imsejħin dik ta’ fuq u dik ta’ isfel, bi żbalji massimi permissibbli differenti.

    1.7. Ir-rata taċ-ċirkolazzjoni transizzjonali (Qt)

    Ir-rata taċ-ċirkolazzjoni transizzjonali, Qt, hija r-rata taċ-ċirkolazzjoni li taqsam il-partijiet ta’ fuq u ta’ isfel tal-medda taċ-ċirkolazzjoni u r-rata li fiha l-iżbalji massimi permissibbli ma jibqux kontinwi.

    1.8. L-iżball massimu permissibbli

    L-iżball massimu permissibbli huwa l-limitu ta' l-iżball permess minn din id-Direttiva għall-approvazzjoni tad-disinn tal-KEE u l-verifika inizjali tal-KEE ta' meter ta' l-ilma.

    1.9. Telf ta’ pressjoni

    Telf ta’ pressjoni tfisser it-telf li jkun ikkawżat bil-preżenza tal-meter ta' l-ilma fil-conduit.

    II. KARATTERISTIĊI METROLOĠIĊI

    2.1 L-iżbalji massimi permissibbli

    L-iżball massimu permess fil-parti ta’ isfel, minn Qmin inkluża sa Qt mhux inkluża, huwa ta’ ± 5%.

    L-iżball massimu permess fil-parti ta’ fuq, minn Qmin inkluża sa Qt inkluża, huwa ta’ ±2%.

    2.2. Klassijiet metroloġiċi

    Il-meters ta' l-ilma huma maqsumin, skond il-valuri ta’ Qmin u Qt iddefiniti hawn fuq, fi tliet klassijiet metroloġiċi li jidhru fit-tabella ta’ hawn taħt:

    Klassijiet | nQ |

    <15 m3/s | =15 m3/s |

    Klassi A

    Valur ta’: Qmin | 0·04 Qn | 0·08 Qn |

    Valur ta’: Qt | 0·10 Qn | 0·30 Qn |

    Klassi B

    Valur ta’: Qmin | 0·02 Qn | 0·03 Qn |

    Valur ta’: Qt | 0·08 Qn | 0·20 Qn |

    Klassi Ċ

    Valur ta’: Qmin | 0·01 Qn | 0·006 Qn |

    Valur ta’: Qt | 0·015 Qn | 0·015 Qn |

    III. KARATTERISTIĊI METROLOĠIĊI

    3.1 Il-Kostruzzjoni - Disposizzjonijiet Ġenerali

    Il-meters għandhom ikunu mibnija b’tali mod li:

    (1) jipprovdu servizz twil u jagħtu garanzija kontra l-frodi,

    (2) jikkonformaw mad-disposizzjionijiet ta’ din id-Direttiva, taħt kondizzjonijiet ta’ użu normali.

    Meta l-meters ikunu soġġetti għal xi ċirkolazzjonijiet li jerġgħu lura b’mod aċċidentali, dawn għandhom ikunu kapaċi jilqgħu għaliha mingħajr l-ebda deterjorazzjoni jew bdil fil-karatteritstiċi metroloġiċi tagħhom, waqt li fl-istess ħin għandhom jirreġistraw din iċ-ċirkolazzjoni li terġa' lura..

    3.2. Il-materjali

    Il-meter ta' l-ilma għandu jkun magħmul minn materjal ta’ saħħa u ta' stabbilità adegwati għall-għan li għalih għandu jintuża l-meter ta' l-ilma. Dan għandu jkun mibni minn ġewwa minn materjali li jkunu jifilħu għall-korrużjoni interna u esterna normali u jekk ikun possibbli għandu jkun protett minn xi trattament tal-wiċċ adatt. Il-varjazzjonijiet fit-temperatura ta' l-ilma fi ħdan il-medda tat-temperatura tat-tħaddim ma għandhomx jaffettwaw b’mod negattiv il-materjali użati fil-kostruzzjoni tal-meters ta' l-ilma.

    3.3. Is-saħħa - reżistenza għall-pressjoni

    Meter għandu jkun kapaċi jiflaħ b'mod kostanti - mingħajr difetti fit-tħaddim, telf, tnixxija minn ġol-ħitan jew deformazzjonijiet permanenti - għall-pressjoni kontinwa ta' l-ilma li għaliha jkun ġie mfassal, imsejħa l-pressjoni massima tat-tħaddim. Il-valur minimu għal din il-pressjoni huwa ta’ 10 bars.

    3.4. Telf ta’ pressjoni

    It-telf tal-pressjoni minn ġewwa l-meter ta' l-ilma jiġi stabbilit permezz ta’ testijiet ta' l-approvazzjoni tad-disinn tal-KEE, u dan ma għandux ikun aktar minn 0.25 bars fir-rata ta’ ċirkolazzjoni nominali u mhux aktar minn 1 bar fir-rata ta’ ċirkolazzjoni massima.

    Fuq il-bażi tar-riżultati tat-testijiet il-meters huma maqsumin f’wieħed minn erba’ gruppi b’dawn il-valuri massimi li ġejjin għat-telf fil-pressjoni: 1, 0.6, 0.3 u 0.1 bars. Il-valur relevanti għandu jkun indikat fiċ-ċertifikat ta' l-approvazzjoni tad-disinn tal-KEE.

    3.5. Mekkaniżmi indikaturi

    L-indikatur għandu jippermetti, permezz ta’ tqegħid sempliċi wieħed ħdejn l-ieħor ta' l-elementi kostitwenti varji tiegħu, il-qari tal-volum ta' l-ilma mkejjel b'mod li wieħed ikun jista' jorbot fuqu, sempliċi u li ma joffri l-ebda ambigwità, imfisser f’termini ta’ metri kubi. Il-volum jingħata jew permezz:

    (a) tal-pożizzjoni tal-werrej (jew aktar minn wieħed) fuq skali f'forma ta' ċirku;

    (b) tal-qari ta’ sensiela ta’ ċifri konsekuttivi li jkunu f’linja waħda f'apertura waħda jew aktar;

    (ċ) ta’ kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ sistemi.

    Il-metru kubu u l-multipli tiegħu huma indikati bl-iswed, waqt li s-sotto-multipli tal-metru kubu huma indikati bl-aħmar.

    L-għoli attwali jew apparenti taċ-ċifri ma jistax ikun anqas minn 4 mm.

    Fuq indikaturi diġitali (tipi (b) u (ċ)) it-tħarrik viżibbli taċ-ċifri kollha għandu jkun ’il fuq fil-valur. L-avvanzament ta’ kwalunkwe unità diġitali għandu jkun komplet waqt li ċ-ċifra ta' l-inqas valur li jkun imiss tiddeskrivi l-aħħar deċimu tal-kors tiegħu; ir-roller li juri ċ-ċifri ta’ l-inqas valur jista’ jimxi b'mod kontinwu fil-każ tat-tip (ċ). In-numru sħiħ ta’ metri kubi għandu jkun indikat b’mod ċar.

    L-indikaturi li jkollhom werrejja (tipi (a) u (ċ)) għandhom iduru f’direzzjoni skond l-arloġġ. Il-valur f’metri kubi għal kull diviżjoni ta’ skala għandu jkun imfisser bħala 10n, fejn n huwa n-numru sħiħ pożittiv jew negattiv jew inkella żero, li b’hekk jistabbilixxi sistema ta’ għaxriet konsekuttivi. Dawn li ġejjin għandhom jintwerew ħdejn kull parti ta' l-iskala: × 1000 — × 100 — × 10 – × 1 — × 0·1 — × 0.01 — × 0·001.

    Fiż-żewġ każijiet (indikaturi diġitali jew tat-tip dial):

    - is-simbolu ta' l-unità m3 għandu jidher jew fuq id-dial jew viċin ħafna ta' l-indikazzjoni diġitali;

    - l-element gradwat viżibbli li l-aktar li jimxi mgħaġġel, l-element tal-kontroll, li l-intervall ta' l-iskala tiegħu huwa magħruf bħala "l-intervall ta' l-iskala tal-verifika", għandu jibqa' għaddej b'mod kontinwu. Dan l-element tal-kontroll jista’ jkun wieħed permanenti jew inkella wieħed li jiġi ffittjat b'mod temporanju billi jiġu miżjuda xi partijiet li jkunu jistgħu jinqalgħu. Dawn il-partijiet ma għandhomx ikollhom xi influwenza sinifikanti fuq il-karatteristiċi metroloġiċi tal-meter.

    It-tul ta' l-intervall ta' l-iskala tal-verifika ma għandux ikun anqas minn 1mm u mhux aktar minn 5mm. L-iskala għandha tikkonsisti fi:

    - jew f'linji ta' l-istess ħxuna li ma jkunux aktar minn kwart tad-distanza bejn il-fusijiet taż-żewġ linji konsekuttivi u li jvarjaw biss fit-tul;

    - jew inkella faxex kontrastanti ta’ wisa’ kostanti li jkunu daqs it-tul tad-diviżjoni ta' l-iskala.

    Iżda, għal perjodu ta’ sitt snin u nofs min-notifika ta’ din id-Direttiva:

    (a) il-moviment ’l isfel taċ-ċifri għandu jkun permess; dan il-moviment għandu jiġi indikat bi vleġġa,

    (b) it-tul tad-diviżjoni ta' l-iskala jista’ jkun ta’ 0·8mm.

    3.6. In-numri taċ-ċifri fid-diviżjoni ta' l-iskala tal-verifika u l-valuri tagħhom

    Għandu jkun possibbli għall-mekkaniżmu indikatur li jirreġistra volum, espress f’termini ta’ metri kubi, li jkun jikkorrispondi għal ta’ lanqas għal tħaddim ta’ 1999 siegħa bir-rata taċ-ċirkolazzjoni nominali, mingħajr ma jmur lura għaċ-ċifra żero.

    Id-daqs tad-diviżjoni ta' l-iskala tal-verifika għandu jkun ibbażat fuq il-formula 1 × 10n jew 2 × 10n jew 5 × 10n. Matul il-verifika, dan għandu jkun żgħir biżżejjed biex jiżgura ineżattezza ta’ kejl ta’ mhux aktar minn 0.5% (waqt li tħalli spazju għal xi żball ta’ qari possibbli ta’ mhux aktar minn nofs it-tul ta' l-iżgħar diviżjoni ta' l-iskala) u żgħir biżżejjed biex fir-rata ta’ ċirkolazzjoni minima it-test ma jieħux aktar minn siegħa u nofs.

    Iżda, għal perjodu ta’ sitt snin u nofs min-notifika ta’ din id-Direttiva, għandu jkun awtorizzat perjodu massimu ta’ seba’ sigħat.

    Mekkaniżmu supplimentari (stilla, diska b’marka ta’ referenza, eċċ.) jista’ jiżdied biex juri l-moviment tal-mekkaniżmu ta' kejl qabel ma dan isir viżibbli b'mod ċar fuq l-indikatur.

    3.7. Mekkaniżmu ta’ aġġustament

    Jista' jitwaħħal mekkaniżmu ta’ aġġustament mal-meters li bih ikun possibbli li tiġi mibdula r-rabta bejn il-volum indikat u l-volum li jkun għadda fil-fatt. Dan il-mekkaniżmu huwa obbligatorju għall-meters li jagħmlu użu mill-azzjoni tal-veloċità ta' l-ilma fuq id-dawrien ta’ parti li tiċċaqlaq.

    3.8. Mekkaniżmu aċċelleratur

    L-użu ta’ mekkaniżmu aċċelleratur għaż-żieda fil-veloċità tal-meter taħt il-Qmin huwa projbit.

    IV. MARKI U ISKRIZZJONIJIET

    4.1. Iskrizzjonijiet ta’ identifikazzjoni

    Huwa obbligatorju għall-meters kollha li jkollhom, b'mod li jinqara u li ma jitħassarx, jew separatament jew miġbura flimkien fuq il-kaxxa tal-meter, fuq il-kwadrant ta' l-indikatur, jew il-plakka ta' indikazzjoni, l-informazzjoni li ġejja:

    (a) l-isem jew l-isem tan-negozju tad-ditta tal-manifattur jew it-trade mark tiegħu;

    (b) il-klassi metroloġika u r-rata taċ-ċirkolazzjoni nominali Qn f’metri kubi kull siegħa;

    (ċ) is-sena tal-manifattura, in-numru tas-serje individwali;

    (d) vleġġa jew tnejn li juru d-direzzjoni taċ-ċirkolazzjoni;

    (e) is-simbolu ta’ l-approvazzjoni tad-disinn tal-KEE;

    (f) il-pressjoni massima tat-tħaddim f’bars jekk din tkun tista’ taqbeż l-10 bars;

    (ġ) l-ittra "V" jew "H" jekk il-meter ikun jista’ jaħdem sew biss jew fil-pożizzjoni vertikali (V) jew inkella f’dik orizzontali (H).

    4.2. Lok tal-marki tal-verifika

    Għandu jkun hemm spazju fuq parti essenzjali għall-marki tal-verifika tal-KEE (normalment il-kaxxa tal-meter), li huwa viżibbli mingħajr żarmar.

    4.3. Is-siġill

    Il-meters ta' l-ilma għandu jkollhom mekkaniżmi ta' protezzjoni li jkunu jistgħu jiġu ssiġillati b’tali mod li wara l-issiġilar, kemm qabel kif ukoll wara li l-meter ta' l-ilma jkun ġie installat kif suppost, ma jkun hemm l-ebda possibbiltà li l-meter ta' l-ilma jew il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tiegħu jiżżarmaw jew isirulhom xi tibdiliet mingħajr ma ssir ħsara fil-mekkaniżmi ta’ protezzjoni.

    V. L-APPROVAZZJONI TAD-DISINN TAL-KEE

    5.1. Il-proċedura

    Il-proċedura ta' l-approvazzjoni tad-disinn tal-KEE għandha ssir f’konformità mad-Direttiva Nru 71/316/KEE.

    5.2. It-testijiet tad-disinn

    Meta jkun ġie aċċertat mill-file ta' l-applikazzjoni li d-disinn jikkonforma mad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom isiru testijiet tal-laboratorju fuq numru ta’ strumenti taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    5.2.1. Numru ta’ meters li għandhom jiġu ttestjati

    In-numru ta’ meters li għandhom jiġu sottomessi mill-manifattur huwa kif muri fit-tabella li ġejja:

    Ir-rata ta’ ċirkolazzjoni nominali, Qn, m3/h | Numru ta’ meters |

    Sa 5 dan inkluż | 10 |

    aktar minn 5 u sa 50 dan inkluż | 6 |

    aktar minn 50 u sa 1000 dan inkluż | 2 |

    Aktar minn 1000 | 1 |

    5.2.2. Il-pressjoni

    Għat-testijiet metroloġiċi (punt 5.2.4), il-pressjoni li jkun hemm fl-iżbokk tal-meter għandha tkun għolja biżżejjed sabiex tipprevjeni li jkun hemm formazzjoni ta' ħofor.

    5.2.3. It-tagħmir tat-test

    B’mod ġenerali l-meters għandhom jiġu ttestjati individwalment, u f'kull każ, b’tali mod li juru l-karatteristiċi individwali ta’ kull wieħed minnhom.

    Is-servizz metroloġiku ta’ l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex ikun żgurat li l-ineżattezza relattiva massima fil-kejl tal-volum ta’ ilma fornut ma jkunx ta' aktar minn 0.2%, inklużi l-kawżi varji ta’ żball fl-istallazzjoni.

    L-ineżattezza massima permissibbli hija ta’ 5% fil-każ tal-kejl ta’ pressjoni u 2.5% fil-każ tal-kejl ta’ telf ta’ pressjoni.

    Matul kull test, il-varjazzjoni relattiva fir-rati ta’ ċirkolazzjoni ma għandhiex tkun aktar minn 2.5% bejn il-Qmin u l-Qt u 5% bejn il-Qt u l-Qmax.

    It-tagħmir għandu jiġi approvat mis-servizz metroloġiku ta' l-Istat Membru konċernat isiru fejn isiru dawn it-testijiet.

    5.2.4. Il-proċedura tat-test

    It-testijiet jinkludu l-ħidmiet li ġejjin, li jsiru fl-ordni kif ġej:

    (1) it-test tar-reżistenza għall-pressjoni

    (2) l-istabbiliment tal-kurvi ta' l-iżball fuq il-bażi tar-rata taċ-ċirkolazzjoni billi jiġi aċċertat l-effett tal-pressjoni u jiġu kkunsidrati l-kondizzjonijiet ta' l-istallazzjoni normali għal dan it-tip ta’ meter (sezzjonijiet dritti ta’ pajpijiet li jħarsu ’l fuq u ’l isfel mill-meter, limitazzjonijiet, ostakli, eċċ.) kif stipulati mill-manifattur;

    (3) l-istabbiliment tat-telf ta’ pressjoni;

    (4) test tar-reżistenza aċċelerat

    It-test tar-reżistenza għall-pressjoni huwa magħmul minn żewġ partijiet:

    (a) kull meter għandu jkun kapaċi jiflaħ, mingħajr ma jkun hemm l-ebda telf jew tnixxija minn ġol-ħitan tiegħu, pressjoni ta’ 16-il bar jew 1.6 drabi tal-pressjoni massima tat-tħaddim, applikata għal perjodu ta’ 15-il minuta (ara l-punt 4.1 (f));

    (b) kull meter għandu jkun kapaċi jiflaħ, mingħajr ma jkun hemm l-ebda ħsara jew sadd, għal pressjoni ta’ 20 bar jew id-doppju tal-pressjoni massima tat-tħaddim, applikata għal perjodu ta’ minuta (ara l-punt 4.1 (f));

    Ir-riżultati tat-testijiet (2) u (3) għandhom jagħtu numru suffiċjenti ta’ punti biex il-kurvi jkunu jistgħu jiġu mmarkati eżatt tul il-medda kollha.

    It-test tar-reżistenza aċċelerat għandu jsir kif ġej:

    Rata taċ-ċirkolazzjoni nominali Qn f’m3/s | Ir-rata taċ-ċirkulazzjoni tat-test | It-tip ta’ test | Numru ta’ interruzzjoni | Il-perjodu tal-pawsi (sek,) | Il-perjodu tat-tħaddim skond ir-rata taċ- ċirkolazzjoni tat-test | Il-perjodu ta’ kemm idum biex jibda u jnaqqas mill-attivita (sek.) |

    Qn ≤ 10 | Qn | Mhux kontinwu | 100000 | 15 | 15 sekonda | 0·15 (Qn) b’minimu ta’ sekonda [1] |

    2 Qn | kontinwu | | | 100 siegħa | |

    Qn> 10 | Qn | kontinwu | | | 800 siegħa | |

    2 Qn | kontinwu | | | 200 siegħa | |

    Qabel l-ewwel test u wara kull sensiela ta’ testijiet għandhom jiġu stabbiliti l-iżbalji tal-kejl, bħala ħtieġa minima, f’dawn ir-rati ta’ ċirkolazzjoni li ġejjin:

    Qmin, Qt, 0·3 Qn, 0·5 Qn, 1 Qn, 2 Qn

    F’kull test, il-volum ta' l-ilma li jkun għadda minn ġol-meter għandu jkun suffiċjenti biex idawwar il-werrej jew ir-roller fuq l-iskala tal-verifika f'dawra sħiħa jew aktar u biex jelimina l-effetti ta' distorsjoni ċiklika.

    5.2.5. Il-kondizzjonijiet ta' l-approvazzjoni tad-disinn tal-KEE

    Meter ta' l-ilma jiġi approvat jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) jikkonforma mad-disposizzjonijiet amministrattivi, tekniċi u metroloġiċi ta’ din id-Direttiva u l-Anness tagħha;

    (b) it-testijiet 1, 2 u 3 taħt il-punt 5.2.4 ikunu juru li dan jikkonforma mal-Partijiet II u III ta’ dan l-Anness fir-rigward tal-karatteristiċi metroloġiċi u tekonoloġiċi;

    (ċ) wara kull test tar-reżistenza aċċelerat:

    1. ma tkun ġiet osservata l-ebda varjazzjoni f’relazzjoni mal-kurva tal-bidu ikbar minn 1.5% bejn il-Qt u l-Qmax jew akbar minn 3% bejn il-Qmin u l-Qt;

    2. l-iżball massimu tal-meter bejn il-Qmin u l-Qt ikun ta" ±6% u bejn il-Qt u l-Qmax ta' ±2.5%.

    VI VERIFIKA INIZJALI TAL-KEE

    Din għandha ssir f’post approvat mis-servizz metroloġiku ta' l-Istat Membru. It-tqassim tal-bini u t-tagħmir tat-test għandhom ikunu tali li l-verifika tkun tista’ ssir taħt kondizzjonijiet żguri u ta’ min jorbot fuqhom, u bla ħela ta’ ħin għall-persuna responsabbli mill-kontroll. Għandu jkun hemm konformità mad-disposizzjonijiet tal-punt 5.2.3, iżda l-meters jistgħu jiġu ttestjati, jekk ikun mixtieq hekk, f’sensiela. Jekk jintuża dan il-metodu, il-pressjoni tal-ħruġ mill-meters kollha għandha tkun suffiċjenti biex tipprevjeni xi formazzjoni ta' ħofor; jistgħu jkunu meħtieġa xi miżuri speċjali biex jipprevjenu interferenza bejn l-meters.

    L-istallazzjoni sħiħa tista’ tinkludi mekkaniżmi awtomatiċi, by-pass valves, restrictors taċ-ċirkolazzjoni, eċċ., sakemm kull ċirkwit ta’ test bejn il-meters li għandhom jiġu vverifikati u t-tankijiet tal-kontroll ikunu ddefiniti b’mod ċar u li jkun possibbli li jiġi vverifikat f’kull ħin l-assorbiment tal-pressjoni interna tiegħu.

    Tista’ tintuża kwalunkwe sistema ta’ provvista ta' l-ilma, iżda jekk ikunu mħaddma diversi ċirkwiti ta’ test b’mod parallel, ma għandu jkun hemm l-ebda interferenza li ma tkunx kompatibbli mad-disposizzjonijiet tal-punt 5.2.3.

    Jekk tank tal-kontroll huwa maqsum f’diversi kumpartamenti, il-ħitan diviżorji għandhom ikunu riġidi biżżejjed li jiżguraw li l-volum tal-kumpartament ma jkunx ivarja b’aktar minn 0.2% skond jekk il-kumpartamenti li jmissu ma' xulxin ikunux mimlija jew vojta.

    Il-verifika tinkludi test ta’ preċiżjoni ta’ minn lanqas tliet rati ta’ ċirkolazzjoni:

    (a) bejn 0·9 Qmax u Qmax;

    (b) bejn Qt u 1·1 Qt;

    (ċ) bejn Qmin u 1·1 Qmin.

    L-ewwel wieħed minn dawn it-testijiet jinvolvi li jkun stabbilit it-telf ta’ pressjoni, li għandha tkun anqas mill-valur indikat fiċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tad-disinn tal-KEE.

    L-iżbalji massimi permissibbli huma murija fil-punt 2.1.

    F’kull test, il-volum ta' l-ilma li jkun għadda minn ġol-meter għandu jkun suffiċjenti biex idawwar il-werrej jew ir-roller fuq l-iskala tal-verifika f'dawra sħiħa jew aktar u li jelimina l-effetti ta' distorsjoni ċiklika.

    Jekk l-iżbalji kollha jkunu jinsabu f’direzzjoni waħda, il-meter ta' l-ilma għandu jiġi aġġustat sabiex mhux l-iżbalji kollha jkunu aktar minn nofs l-iżball massimu permissibbli.

    [1] (Qn) huwa numru ugwali għall-valur ta’ Qn espress f’termini ta’ m3/siegħa

    --------------------------------------------------

    Top