This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008F0947
Council Framework Decision 2008/947/JHA of 27 November 2008 on the application of the principle of mutual recognition to judgments and probation decisions with a view to the supervision of probation measures and alternative sanctions
Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas- 27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi
Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas- 27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi
ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102–122
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/03/2009
16.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 337/102 |
DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2008/947/ĠAI
tas-27 ta’ Novembru 2008
dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(1)(a) u (c) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża (1),
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),
Billi:
(1) |
L-Unjoni Ewropea għandha l-għan li tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan jippresupponi li hemm intendiment ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja da parti ta’ l-Istati Membri li, fl-elementi essenzjali tiegħu, huwa identiku għal u bbażat fuq, il-prinċipji ta’ libertà, demokrazija, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali, kif ukoll l-istat tad-dritt. |
(2) |
L-għan tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fl-Unjoni Ewropea huwa li jkun provdut grad għoli ta’ sigurtà għaċ-ċittadini kollha. Wieħed mill-fundamenti ta’ dan l-għan huwa l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, stabbilit fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 u affermat mill-ġdid fil-Programm ta’ l-Aja ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 għat-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (3). Fil-programm ta’ miżuri tad-29 ta’ Novembru 2000 li ġie adottat għall-fini ta’ l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali, il-Kunsill iddikjara lilu nnifsu favur il-koperazzjoni fil-qasam ta’ sentenzi sospiżi u ta’ liberazzjoni taħt kondizzjoni. |
(3) |
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu sentenzi jew miżuri ta’ kustodja li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà għall-fini ta’ l-infurzar tagħhom fl-Unjoni Ewropea (4) tikkonċerna r-rikonoxximent u l-infurzar reċiproku ta’ sentenzi jew miżuri ta’ kustodja li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà. Huma meħtieġa regoli komuni ulterjuri, b’mod partikolari fejn sentenza mhux ta’ kustodja li tinvolvi s-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation jew sanzjonijiet alternattivi, tkun ġiet imposta fir-rigward ta’ persuna li ma jkollhiex ir-residenza legali u ordinarja tagħha fl-Istat fejn tinstab il-ħtija. |
(4) |
Il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-30 ta’ Novembru 1964 dwar is-Sorveljanza ta’ Ħatjin Sentenzjati Kondizzjonalment jew Liberati Kondizzjonalment ġiet irratifikata biss minn 12-il Stat Membru, f’xi każijiet b’għadd ta’ riżervi. Id-Deċiżjoni Qafas attwali tipprevedi strument aktar effettiv għax hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u li fiha jipparteċipaw l-Istati Membri kollha. |
(5) |
Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u taderixxi mal-prinċipji rikonoxxuti fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li huma wkoll espressi fil-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, speċjalment fil-Kapitolu VI tagħha. L-ebda dispożizzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas m’għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprojbixxi r-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ sentenza u/jew sorveljanza ta’ miżura ta’ probation jew sanzjoni alternattiva jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi għal ħsieb li l-miżura ta’ probation jew is-sanzjoni alternattiva kienet imposta biex tikkastiga persuna minħabba s-sess, ir-razza, ir-reliġjon, l-oriġini etnika, iċ-ċittadinanza, il-lingwa, l-opinjonijiet politiċi jew l-orjentazzjoni sesswali tagħha jew li din il-persuna tista’ tkun żvantaġġata għal waħda minn dawn ir-raġunijiet. |
(6) |
Din id-Deċiżjoni Qafas ma għandha twaqqaf lil ebda Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu rigward id-dritt għal proċess ġust, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta’ l-istampa, il-libertà ta’ l-espressjoni f’media oħra u l-libertà ta’ reliġjon. |
(7) |
Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu applikati konformement mad-dritt taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea li jiċċirkolaw u jirresjedu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, skond l-Artikolu 18 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. |
(8) |
L-għan tar-rikonoxximent reċiproku u s-sorveljanza ta’ sentenzi sospiżi, sentenzi kondizzjonali, sanzjonijiet alternattivi u deċiżjonijiet dwar rilaxx kondizzjonali hu li jitjiebu l-prospetti biex persuna kkundannata tiġi re-integrata fis-soċjetà, billi din tingħata l-possibbilta’ tippreserva r-rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali u oħrajn, iżda wkoll biex jitjieb il-monitoraġġ tal-konformità mal-miżuri ta’ probation u s-sanzjonijiet alternattivi, bil-ħsieb li tiġi pprevenuta r-reċidività, u b’hekk ikun qed jittieħed kont debitu tal-protezzjoni tal-vittmi u l-pubbliku ġenerali. |
(9) |
Hemm diversi tipi ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi li huma komuni fost l-Istati Membri u li l-Istati Membri kollha huma fil-prinċipju lesti li jissorveljaw. Is-sorveljanza ta’ dawn it-tipi ta’ miżuri u sanzjonijiet għandha tkun obbligatorja, soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet previsti f’din id-Deċiżjoni Qafas. L-Istati Membri jistgħu jiddikkjaraw li, addizzjonalment, huma lesti li jissorveljaw tipi oħra ta’ miżuri ta’ probation u/jew tipi oħra ta’ sanzjonijiet alternattivi. |
(10) |
Il-miżuri ta’ probation u s-sanzjonijiet alternattivi li, fil-prinċipju, għandhom obbligatorjament jiġu sorveljati jinkludu inter alia ordnijiet relatati mal-imġiba (bħal obbligu li jitwaqqaf il-konsum ta’ l-alkoħol), ir-residenza (bħal obbligu li tiġi mibdula r-residenza għal raġunijiet ta’ vjolenza domestika), l-edukazzjoni u t-taħriġ (bħal obbligu li jiġi segwit “kors għal sewqan sigur”), l-attivitajiet tad-divertiment (bħal obbligu li jieqaf il-logħob jew l-attendenza ta’ ċertu sport) u limitazzjonijiet fuq jew modalitajiet ta’ twettiq ta’ attività professjonali (bħal obbligu li tiġi mfittxija attività professjonali f’ambjent tax-xogħol differenti; dan l-obbligu ma jinkludix is-sorveljanza ta’ konformità ma’ kwalunkwe diskwalifika professjonali imposta fuq il-persuna bħala parti mis-sanzjoni). |
(11) |
Fejn xieraq, jista’ jintuża monitoraġġ elettroniku bil-ħsieb tas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation jew sanzjonijiet alternattivi, skond il-liġi u l-proċeduri nazzjonali. |
(12) |
L-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata tingħata s-sentenza jista’ jibgħat is-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation lill-Istat Membru fejn il-persuna li ingħatat is-sentenza hija legalment u ordinarjament residenti bil-ħsieb tar-rikonoxximent ta’ dan u bil-ħsieb tas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation jew sanzjonijiet alternattivi li jkunu jinsabu fihom. |
(13) |
Id-deċiżjoni dwar jekk is-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation jintbagħtux lill-Stat Membru ieħor għandha tittieħed f’kull każ individwali mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru emittenti, b’kont meħud, fost l-oħrajn, tad-dikjarazzjonijiet magħmula skond l-Artikoli 5(4), 10(4) u 14(3). |
(14) |
Is-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation jistgħu jintbagħtu wkoll lil Stat Membru ieħor li m’huwiex dak li fih il-persuna li ingħatat is-sentenza hija residenti, jekk l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat ta’ esekuzzjoni, b’kont meħud ta’ kwalunkwe kondizzjoni stabbilita fid-dikjarazzjoni relattiva magħmula minn dak l-Istat konformement ma’ din id-Deċiżjoni Qafas, tagħti l-kunsens tagħha għal dan. B’mod partikolari, jista’ jingħata kunsens, bil-ħsieb ta’ re-abilitazzjoni soċjali, fejn il-persuna li ingħatat is-sentenza, mingħajr ma titlef id-dritt ta’ residenza tagħha, bi ħsiebha tgħix fi Stat Membru ieħor għaliex tingħata kuntratt ta’ xogħol, jekk hi hija membru tal-familja ta’ persuna legali u ordinarja ta’ dak l-Istat Membru, jew jekk hi bi ħsiebha ssegwi studju jew taħriġ f’dak l-Istat Membru, skond il-liġi Komunitarja. |
(15) |
L-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġi u l-proċeduri nazzjonali tagħhom stess għar-rikonoxximent ta’ sentenza u, fejn applikabbli, deċiżjoni ta’ probation. Fil-każ ta’ sentenza kondizzjonali jew sanzjoni alternattiva fejn is-sentenza ma jkunx fiha sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà li għandhom jiġu infurzati f’każ ta’ non-konformità ma’ l-obbligi jew l-istruzzjonijiet ikkonċernati, dan jista’ jimplika li wara li jkunu għamlu d-dikjarazzjoni relattiva skond din id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri meta jkunu qed jiddeċiedu li jirrikonoxxu, jaqblu li jissorveljaw il-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi kkonċernati u li ma jassumu l-ebda responsabbiltà oħra ħlief għat-teħid tad-deċiżjonijiet sussegwenti li jikkonsistu fil-modifika ta’ obbligi jew istruzzjonijiet li jkunu jinsabu fil-miżura ta’ probation jew is-sanzjoni alternattiva, jew modifika tat-tul ta’ żmien tal-perijodu ta’ probation. Konsegwentement, ir-rikonoxximent f’tali każijiet ma għandu l-ebda effett ulterjuri ħlief li jippermetti lill-Istat ta’ esekuzzjoni li jieħu dawk it-tipi ta’ deċiżjonijiet sussegwenti. |
(16) |
Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi sentenza u, fejn ikun il-każ, deċiżjoni ta’ probation, jekk is-sentenza kkonċernata nħarġet kontra persuna li ma nstabetx ħatja, bħal fil-każ ta’ persuna marida mentalment, u s-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation tipprevedi trattament mediku/terapewtiku li l-Istat ta’ esekuzzjoni ma jistax jissorvela fir-rigward ta’ tali persuni taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. |
(17) |
Ir-raġuni għal rifjut fir-rigward tat-territorjalità għandha tiġi applikata biss f’każijiet eċċezzjonali u bil-ħsieb tal-aħjar koperazzjoni possibbli taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, b’kont meħud ta’ l-għanijiet tagħha. Kwalunkwe deċiżjoni sabiex tiġi applikata din ir-raġuni għal rifjut għandha tkun ibbażata fuq analiżi ta’ każ b’każ u fuq konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati emittenti u l-Istati ta’ esekuzzjoni. |
(18) |
Jekk il-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi jinkludu servizz komunitarju, f’dak il-każ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jkun intitolat li jirrifjuta li jirrikonoxxi s-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation jekk is-servizz komunitarju normalment jitlesta f’inqas minn sitt xhur. |
(19) |
Il-forma taċ-ċertifikat hija abbozzata b’tali mod li elementi essenzjali tas-sentenza u, fejn xieraq, tad-deċiżjoni tal-probation jkunu inklużi fiċ-ċertifikat, li għandu jiġi tradott fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Iċ-ċertifikat għandu jgħin lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni jiġu megħjuna biex jieħdu deċiżjonijiet skond din id-Deċiżjoni Qafas, inklużi deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-irfigħ tar-responsabbiltà għas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi, deċiżjonijiet dwar l-adattament ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi, u deċiżjonijiet sussegwenti notevolment f’każ ta’ non-konformità ma’ miżura ta’ probation jew sanzjoni alternattiva. |
(20) |
Fid-dawl tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata din id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri emittenti u ta’ esekuzzjoni għandhom jippromwovu li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom kuntatt dirett meta jkunu qed japplikaw din id-Deċiżjoni Qafas. |
(21) |
L-Istati Membri kollha jiżguraw li persuni sentenzjati, li fir-rigward tagħhom jittieħdu deċiżjonijiet skond din id-Deċiżjoni Qafas, ikunu soġġetti għal sett ta’ drittijiet u rimedji legali skond il-liġi nazzjonali, irrispettivament minn jekk l-awtoritajiet kompetenti maħtura biex jieħdu deċiżjonijiet skond din id-Deċiżjoni Qafas humiex ta’ natura ġudizzjarja jew non-ġudizzjarja. |
(22) |
Id-deċiżjonijiet kollha sussegwenti relatati ma’ sentenza sospiża, sentenza kondizzjonali jew sanzjoni alternattiva li jirriżultaw f’impożizzjoni ta’ sanzjoni ta’ kustodja għandhom jittieħdu minn awtorità ġudizzjarja. |
(23) |
Peress li l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward ta’ l-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, id-data personali pproċessata meta tiġi implimentata din id-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi protetta skond il-prinċipji stabbiliti f’dik il-Konvenzjoni. |
(24) |
Peress li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri l-faċilitazzjoni tar-re-abilitazzjoni ta’ persuni sentenzjati, it-titjib tal-protezzjoni tal-vittmi u tal-pubbliku ġenerali, il-faċilitazzjoni ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi xierqa fil-każ ta’ persuni ħatjin li ma jgħixux fl-Istat fejn instabu ħatja,, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri nfushom fid-dawl tan-natura transkonfinali tas-sitwazzjonijiet involuti u għaldaqstant jistgħu, minħabba l-iskala ta’ l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell ta’ l-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif definit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea kif applikat fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, din id-Deċiżjoni Qafas ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, |
ADOTTA DAN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:
Artikolu 1
Għanijiet u Ambitu ta’ applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tiffaċilita r-re-abilitazzjoni soċjali ta’ persuni sentenzjati, li ttejjeb il-protezzjoni tal-vittmi u tal-pubbliku ġenerali, u li tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi xierqa fil-każ ta’ ħatjin li ma jgħixux fl-Istat fejn tinstab il-ħtija. Bil-ħsieb li jinkisbu dawn l-għanijiet, din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi regoli li konformement magħhom Stat Membru, minbarra l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tkun ġiet issentenzjata, jirrikonoxxi sentenzi u, fejn applikabbli, deċiżjonijiet ta’ probation u jissorvelja miżuri ta’ probation imposti abbażi ta’ sentenza, jew sanzjonijiet alternattivi li jinsabu f’tali sentenza, u jieħu d-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha relatati ma’ dik is-sentenza, sakemm ma jkunx pprovdut mod ieħor f’din id-Deċiżjoni Qafas.
2. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika biss għal:
(a) |
ir-rikonoxximent ta’ sentenzi u, fejn applikabbli, deċiżjonijiet ta’ probation; |
(b) |
it-trasferiment tar-responsabbiltà għas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi; |
(ċ) |
id-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha relatati ma’ dawk taħt a) u b), |
kif deskritt fi u previst f’din id-Deċiżjoni Qafas.
3. Din id-Deċiżjoni Qafas ma għandhiex tapplika għal:
(a) |
esekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà li jaqgħu fl-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI; |
(b) |
ir-rikonoxximent u l-esekuzzjoni tal-pieni finanzjarji u ordnijiet ta’ konfiska li jaqgħu fl-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI ta’ l-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal pieni finanzjarji (5) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (6). |
4. Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta’ rispett lejn id-drittijiet fundamentali u lejn il-prinċipji legali kif affermati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:
(1) |
“sentenza” għandha tfisser deċiżjoni finali jew ordni tal-qorti ta’ l-Istat emittenti, li tistabbilixxi li persuna fiżika wettqet reat kriminali u li timponi:
|
(2) |
“sentenza sospiża” għandha tfisser sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, li l-esekuzzjoni tagħha hija sospiża kondizzjonalment, fl-intier tagħha jew parzjalment, meta s-sentenza tingħata permezz ta’ l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ probation waħda jew aktar. Tali miżura ta’ probation tista’ tiġi tingħata fis-sentenza nnifisha jew f’deċiżjoni ta’ probation separata meħuda minn awtorità kompetenti; |
(3) |
“sentenza kondizzjonali” għandha tfisser sentenza li fiha l-impożizzjoni ta’ sentenza tkun ġiet differita kondizzjonalment bl-impożizzjoni ta’ miżura ta’ probation waħda jew aktar jew li fiha miżura ta’ probation waħda jew aktar jiġu imposti flok sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà. Tali miżuri ta’ probation jistgħu jingħataw fis-sentenza nnifisha jew f’deċiżjoni ta’ probation separata meħuda minn awtorità kompetenti; |
(4) |
“sanzjoni alternattiva” għandha tfisser sanzjoni, barra minn sentenza ta’ kustodja, miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà jew piena finanzjarja, li timponi obbligu jew istruzzjoni; |
(5) |
“deċiżjoni ta’ probation” għandha tfisser deċiżjoni finali ta’ qorti jew deċiżjoni finali ta’ awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti meħuda abbażi ta’ tali sentenza li
|
(6) |
“rilaxx kondizzjonali” għandha tfisser deċiżjoni finali minn awtorità kompetenti jew li toħroġ mil-liġi nazzjonali dwar ir-rilaxx kmieni ta’ persuna sentenzjata wara li parti mis-sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà tkun ġiet skontata bl-impożizzjoni ta’ miżura ta’ probation waħda jew aktar; |
(7) |
“miżuri ta’ probation” għandha tfisser l-obbligi u l-istruzzjonijiet imposti minn awtorità kompetenti fuq persuna fiżika, skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti, in konnessjoni ma’ sentenza sospiża, sentenza kondizzjonali jew rilaxx kondizzjonali; |
(8) |
“Stat emittenti” għandha tfisser l-Istat Membru li fih tingħata sentenza; |
(9) |
“Stat ta’ esekuzzjoni” għandha tfisser l-Istat Membru li fih il-miżuri ta’ probation u s-sanzjonijiet alternattivi huma sorveljati wara deċiżjoni skond l-Artikolu 8. |
Artikolu 3
Ħatra ta’ l-awtoritajiet kompetenti
1. Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill liema awtorità jew awtoritajiet, skond il-liġi nazzjonali tiegħu, hija/huma kompetenti biex taġixxi/jaġixxu skond din id-Deċiżjoni Qafas fis-sitwazzjoni fejn dak l-Istat Membru jkun l-Istat emittenti jew l-Istat ta’ esekuzzjoni.
2. L-Istati Membri jistgħu jinnominaw awtoritajiet non-ġudizzjarji bħala l-awtoritajiet kompetenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet skond din id-Deċiżjoni Qafas, dment li tali awtoritajiet ikollhom il-kompetenza għat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura simili skond il-liġi u l-proċeduri nazzjonali tagħhom.
3. Jekk deċiżjoni taħt l-Artikolu 14(1)(b) jew (c) tittieħed minn awtorità kompetenti minbarra qorti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq it-talba tal-persuna kkonċernata, tali deċiżjoni tkun tista’ tiġi riveduta minn qorti jew minn korp ieħor indipendenti simili għal qorti.
4. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħmel l-informazzjoni li jirċievi disponibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni.
Artikolu 4
Tipi ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi
1. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi li ġejjin:
(a) |
obbligu li l-persuna sentenzjata tinforma lil awtorità speċifika dwar kwalunkwe bidla ta’ residenza jew post tax-xogħol; |
(b) |
obbligu li ma tidħolx f’ċerti lokalitajiet, postijiet jew żoni definiti fl-Istat emittenti jew ta’ esekuzzjoni; |
(ċ) |
obbligu li jkun fih limitazzjonijiet dwar it-tluq mit-territorju ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni; |
(d) |
istruzzjonijiet marbuta ma’ imgiba, residenza, edukazzjoni u taħriġ, attivitajiet ta’ divertiment, jew li jkun fihom limitazzjonijiet dwar jew modalitajiet ta’ twettiq ta’ attività professjonali; |
(e) |
obbligu li tirrapporta f’ħinijiet speċifiċi lil awtorità speċifika; |
(f) |
obbligu li tevita kuntatt ma’ persuni speċifiċi; |
(g) |
obbligu li tevita kuntatt ma’ oġġetti speċifiċi, li jkunu ntużaw jew li x’aktarx jintużaw mill-persuna sentenzjata bil-ħsieb li twettaq reat kriminali; |
(h) |
obbligu li tikkumpensa finanzjarjament għall-ħsara kkawżata mir-reat u/jew obbligu li tipprovdi evidenza ta’ konformità ma’ tali obbligu; |
(i) |
obbligu li twettaq servizz komunitarju; |
(j) |
obbligu li tikkopera ma’ uffiċjal tal-probation jew ma’ rappreżentant ta’ servizz soċjali b’responsabbiltajiet fir-rigward tal-persuni sentenzjati; |
(k) |
obbligu li jsirilha trattament terapewtiku jew trattament għal xi vizzju. |
2. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, meta jkun qed jimplimentaw din id-Deċiżjoni Qafas, liema miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi, barra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, huwa lest jissorvelja. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħmel l-informazzjoni li jirċievi disponibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni.
Artikolu 5
Kriterji biex tintbagħat is-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation
1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti tista’ tibgħat is-sentenza u, fejn xieraq, id-deċiżjoni ta’ probation lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna sentenzjata hija legalment u ordinarjament residenti, f’każijiet fejn il-persuna sentenzjata rritornat jew trid tirritorna f’dak l-Istat.
2. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti tista’, fuq talba tal-persuna sentenzjata, tibgħat is-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation lil awtorità kompetenti fi Stat Membru barra mill-Istat Membru li fih il-persuna sentenzjata hija legalment u ordinarjament residenti, bil-kondizzjoni li din l-awtorità ta’ l-aħħar tkun qablet li din tintbagħat.
3. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jaqblu li tintbagħat sentenza u, fejn applikabbli, deċiżjoni ta’ probation taħt il-paragrafu 2.
4. Kull Stat Membru għandu jagħmel dikjarazzjoni lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni li tkun saret taħt il-paragrafu 3. L-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw tali dikjarazzjoni f’kull ħin. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jagħmel l-informazzjoni li jirċievi disponibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni.
Artikolu 6
Proċedura biex tintbagħat is-sentenza u fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation
1. Meta, fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) jew (2), l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti tibgħat sentenza u, fejn applikabbli, deċiżjoni ta’ probation lil Stat Membru ieħor, għandha tiżgura li din tkun akkumpanjata b’ċertifikat, li l-forma standard tiegħu tinsab fl-Anness I.
2. Is-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation, flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1, għandhom jintbagħtu mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti direttament lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni permezz ta’ kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jistabbilixxi l-awtentiċità tagħhom. L-oriġinal tas-sentenza u, fejn applikabbli, d-deċiżjoni ta’ probation, jew kopji ċċertifikati tagħhom, kif ukoll l-oriġinal taċ-ċertifikat, għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni jekk din hekk titlob. Il-komunikazzjonijiet uffiċjali kollha għandhom isiru wkoll direttament bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmijin.
3. Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi ffirmat u l-kontenut tiegħu ċertifikat bħala preċiż mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti.
4. Barra l-miżuri u s-sanzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4(1), iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinkludi biss dawk il-miżuri jew is-sanzjonijiet kif notifikati mill-Istat ta’ esekuzzjoni skond il-paragrafu 4(2).
5. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tibgħat is-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation, flimkien maċ- ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 lil Stat ta’ esekuzzjoni wieħed biss fi kwalunkwe ħin partikolari.
6. Jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni ma tkunx magħrufa mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, din ta’ l-aħħar għandha tagħmel l-investigażżjonijiet kollha meħtieġa, inkluż permezz tal-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew stabbilit mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/428/ĠAI tad-29 ta’ Ġunju 1998 (7), sabiex tinkiseb l-informazzjoni mill-Istat ta’ esekuzzjoni.
7. Meta awtorità ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni li tirċievi sentenza u, fejn applikabbli, deċiżjoni ta’ probation, flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1, ma jkollhiex il-kompetenza li tirrikonoxxiha u tieħu l-miżuri meħtieġa li jirriżultaw għas-sorveljanza tal-miżura ta’ probation jew is-sanzjoni alternattiva, hija għandha, ex officio, tibgħatha lill-awtorità kompetenti u għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti b’dan bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub.
Artikolu 7
Konsegwenzi għall-Istat emittenti
1. Ladarba l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tkun irrikonoxxiet is-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation tkun intbagħtitilha u tkun infurmat lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti dwar it-tali rikonoxximent, l-Istat emittenti ma għandux ikollu aktar il-kompetenza fir-rigward tas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi imposti, u lanqas biex jieħu l-miżuri sussegwenti msemmijin fl-Artikolu 14(1).
2. Il-kompetenza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tmur lura lill-Istat emittenti:
(a) |
hekk kif l-awtorità kompetenti tiegħu tkun innotifikat l-irtirar taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6(1), skond l-Artikolu 9(4), lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni; |
(b) |
fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 14(3) flimkien ma’ 14(5); u |
(ċ) |
fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 20. |
Artikolu 8
Deċiżjoni ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni
1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation mibgħuta skond l-Artikolu 5 u konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6a u għandha mingħajr dewmien tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation u s-sanzjonijiet alternattivi, dment li din ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għar-rifjut ta’ rikonoxximent u sorveljanza msemmijin fl-Artikolu 11.
2. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tipposponi d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tas-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation fis-sitwazzjoni fejn iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6(1) huwa inkomplet jew manifestament ma jikkorrispondix mas-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation, sa tali skadenza raġonevoli stabbilita biex iċ-ċertifikat ikun kompletat jew ikkoreġut.
Artikolu 9
Adattament tal-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi
1. Jekk in-natura jew it-tul ta’ żmien tal-miżura ta’ probation jew is-sanzjoni alternattiva rilevanti, jew it-tul ta’ żmien tal-perijodu ta’ probation, ikunu inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat tista’ tadattahom b’mod konformi man-natura u t-tul ta’ żmien tal-miżuri ta’ probation u s-sanzjonijiet alternattivi, jew it-tul ta’ żmien tal-perijodu ta’ probation, li japplikaw, skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, għal reati ekwivalenti. Il-miżura ta’ probation, is-sanzjoni alternattiva jew it-tul ta’ żmien tal-perijodu ta’ probation adattati għandhom jikkorrispondu kemm jista’ jkun ma’ dawk imposti fl-Istat emittenti.
2. Fejn il-miżura ta’ probation, is-sanzjoni alternattiva jew il-perijodu ta’ probazzjoni jkunu ġew adattati peress li t-tul ta’ żmien tagħhom jaqbeż it-tul ta’ żmien massimu previst taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, it-tul ta’ żmien tal-miżura ta’ probazzjoni, is-sanzjoni alternattiva jew il-perijodu ta’ probation adattati ma għandux ikun inqas mit-tul ta’ żmien massimu previst għal reati ekwivalenti skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.
3. Il-miżura ta’ probation adattata, is-sanzjoni alternattiva jew il-perijodu ta’ probation m’għandhomx ikunu aktar severi jew itwal mill-miżura ta’ probation, is-sanzjoni alternattiva jew il-perijodu ta’ probation li kien impost oriġinarjament.
4. Wara l-wasla ta’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(2) jew 18(5), l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira ċ-ċertifikat dment li s-sorveljanza fl-Istat ta’ esekuzzjoni tkun għada ma bdietx. F’tali każ, id-deċiżjoni għandha tittieħed u tiġi kkomunikata mill-aktar fis possibbli u f’mhux aktar tard minn għaxart ijiem mill-wasla ta’ l-informazzjoni.
Artikolu 10
Kriminalità doppja
1. Ir-reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat emittenti b’sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċaħda tal-libertà għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin, u skond kif inhuma definiti bil-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, skond it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja ta’ l-att, iwasslu għal rikonoxximent tas-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation u għas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation u s-sanzjonijiet alternattivi:
— |
parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, |
— |
terroriżmu, |
— |
traffikar ta’ persuni, |
— |
sfruttament sesswali ta’ tfal u l-pornografija bi tfal, |
— |
traffikar illeċitu fid-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi, |
— |
traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjonijiet u splussivi, |
— |
korruzzjoni, |
— |
frodi, inkluża dik li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej skond it-tifsira tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (8), |
— |
laundering tar-rikavati minn kriminalità, |
— |
falsifikazzjoni ta’ flus, inkluż l-euro, |
— |
reati konnessi ma’ l-informatika, |
— |
reati ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu ta’ speċi ta’ annimali fil-periklu li jinqerdu u ta’ speċi ta’ pjanti u varjetajiet fil-periklu li jinqerdu, |
— |
faċilitazzjoni tad-dħul u tar-residenza mhux awtorizzati, |
— |
omiċidju, offiżi gravi fuq persuna, |
— |
kummerċ illeċitu fl-organi u t-tessuti umani, |
— |
ħtif ta’ persuni, żamma illegali ta’ persuni u t-teħid ta’ ostaġġi, |
— |
razziżmu u ksenofobija, |
— |
serq organizzat jew bl-armi, |
— |
traffikar illeċitu f’beni kulturali, inklużi antikitajiet u opri ta’ l-arti, |
— |
frodi, |
— |
racketeering u estorsjoni, |
— |
falsifikazzjoni u piraterija ta’ prodotti, |
— |
falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u t-traffikar tagħhom, |
— |
falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament, |
— |
traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u promoturi tat-tkabbir (growth promoters) oħrajn, |
— |
traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjoattivi, |
— |
traffikar ta’ vetturi misruqin, |
— |
stupru, |
— |
inċendju volontarju, |
— |
reati li jaqgħu fil-kompetenza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, |
— |
ħtif illegali ta’ ajruplani/bastimenti, |
— |
sabotaġġ. |
2. Il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi unanimament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiddeċiedi fi kwalunkwe waqt li jżid kategoriji oħrajn ta’ reati mal-lista prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kunsill għandu jeżamina, fid-dawl tar-rapport sottomess lilu skond l-Artikolu 26(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jekk il-lista għandhiex tiġi estiża jew emendata.
3. Għal reati oħrajn barra dawk koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel ir-rikonoxximent tas-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation u s-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi soġġett għall-kondizzjoni li s-sentenza tirrigwarda atti li jikkostitwixxu wkoll reat skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostitwenti jew mid-deskrizzjoni tiegħu.
4. Kull Stat Membru jista’, waqt l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew wara, b’dikjarazzjoni notifikata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill jiddikjara li m’huwiex ser japplika l-paragrafu 1. Tali dikjarazzjoni tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin. Tali dikjarazzjonijiet jew irtirar ta’ dikjarazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 11
Raġunijiet għar-rifjut ta’ rikonoxximent u sorveljanza
1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tiċħad li tirrikonoxxi s-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation u tassumi r-responsabbiltà għas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation jew sanzjonijiet alternattivi jekk:
(a) |
iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6 ma jkunx komplet jew ma jkunx jaqbel manifestament mas-sentenza jew mad-deċiżjoni ta’ probation u ma jkunx ikkompletat jew ikkorreġut f’terminu raġonevoli stabbilit mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni; |
(b) |
il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(1), 5(2) jew 6(4) m’humiex sodisfatti; |
(ċ) |
ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-assunzjoni tar-responsabbiltà għas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation jew sanzjonijiet alternattivi jmorru kontra l-prinċipju ne bis in idem; |
(d) |
is-sentenza tirrigwarda, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3) u, fejn l-Istat ta’ esekuzzjoni jkun għamel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 10(4), f’każ imsemmi fl-Artikolu 10(1), is-sentenza tirrigwarda atti li ma jkunux jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Madanakollu fi kwistjonijiet ta’ taxxa jew dazju, dwana u skambju, l-esekuzzjoni tas-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation ma tistax tiġi miċħuda minħabba li l-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta’ taxxa jew dazju jew ma jkunx fiha l-istess tip ta’ regoli dwar taxxa jew dazju, dwana u skambju bħal dawk fil-liġi ta’ l-Istat emittenti; |
(e) |
l-infurzar tas-sentenza jkun preskritt skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni u jirrigwarda att li jaqa’ fil-kompetenza tagħha skond dik il-liġi; |
(f) |
ikun hemm immunità skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, li tagħmel is-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation jew ta’ sanzjonijiet alternattivi impossibbli; |
(g) |
jekk, taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, il-persuna sentenzjata, minħabba l-età tagħha, ma tistax tinżamm kriminalment responsabbli għall-atti li fuqhom ingħatat is-sentenza; |
(h) |
is-sentenza ngħatat in absentia, dment li ċ-ċertifikat ma jiddikjarax li l-persuna kienet ġiet imsejħa personalment jew infurmata permezz ta’ rappreżentant kompetenti skond id-dritt nazzjonali ta’ l-Istat emittenti dwar il-ħin u l-post tal-proċedimenti li rriżultaw fis-sentenza li tkun ingħatat in absentia, jew li l-persuna indikat lil awtorità kompetenti li hi ma tikkontestax il-każ; |
(i) |
is-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation tipprovdi għal trattament mediku/terapewtiku li, minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9, l-Istat ta’ esekuzzjoni ma jkunx jista’ jissorvelja minħabba s-sistema legali jew tal-kura tas-saħħa tiegħu; |
(j) |
il-miżura ta’ probation jew is-sanzjoni alternattiva hija ta’ tul ta’ żmien ta’ inqas minn 6 xhur; jew |
(k) |
is-sentenza tkun relatata ma’ reati kriminali li taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni huma meqjusa bħala li twettqu kollha kemm huma jew f’parti maġġuri jew essenzjali fit-territorju tiegħu, jew f’post ekwivalenti għat-territorju tiegħu. |
2. Kwalunkwe deċiżjoni taħt il-paragrafu 1(k) fir-rigward ta’ reati mwettqin parzjalment fit-territorju ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, jew f’post ekwivalenti għat-territorju tiegħu, għandha tittieħed biss mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’każijiet eċċezzjonali u fuq bażi ta’ każ b’każ, b’konsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u partikolarment għal jekk parti ewlenija jew essenzjali ta’ l-imġiba in kwistjoni seħħetx fl-Istat emittenti.
3. Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 (a), (b), (c), (h), (i), (j) u (k) qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix is-sentenza jew, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation u tassumi responsabbiltà għas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkomunika, b’mezzi xierqa, ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti u, kif meħtieġ, titlobha tissupplixxi l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa mingħajr dewmien.
4. Fejn l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tkun iddeċidiet li tinvoka raġuni għal rifjut imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, partikolarment ir-raġunijiet msemmija taħt 1(d) jew (k), hi tista’ madankollu, bi ftehim ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, tiddeċiedi li tissorvelja l-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi li huma imposti fis-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation tintbagħatilha, mingħajr ma tassumi r-responsabbiltà biex tieħu kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 14(1)(a), (b) u (c).
Artikolu 12
Limitu ta’ żmien
1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi malajr kemm jista’ jkun, u fi żmien 60 jum wara li tirċievi s-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation, jekk tirrikonoxxix jew le s-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation u jekk tassumix ir-responsabbiltà għas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation jew s-sanzjonijiet alternattivi. Hija għandha tinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti bid-deċiżjoni tagħha, bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub.
2. Meta f’każijiet eċċezzjonali, ma jkunx possibbli għall-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni li tikkonforma mal-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 1, hija għandha minnufih tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezz, waqt li tagħti r-raġunijiet għad-dewmien u tindika kemm bi ħsiebha tieħu żmien biex tagħti deċiżjoni finali.
Artikolu 13
Liġi regolatorja
1. Is-sorveljanza u l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi għandhom ikunu rregolata mil-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.
2. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tissorvelja obbligu msemmi fl-Artikolu 4(1)(h) billi tirrikjedi li l-persuna sentenzjata tipprovdi evidenza ta’ konformità ma’ obbligu li tikkumpensa għall-ħsara kkawżata mir-reat.
Artikolu 14
Ġurisdizzjoni għat-teħid tad-deċiżjonijiet kollha sussegwenti u l-liġi regolatorja
1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet sussegwenti kollha relatati ma’ sentenza sospiża, rilaxx kondizzjonali, sentenza kondizzjonali u sanzjoni alternattiva, b’mod partikolari f’każ ta’ non-konformità ma’ miżura ta’ probation jew sanzjoni alternattiva jew jekk il-persuna sentenzjata twettaq reat kriminali ġdid.
Tali deċiżjonijiet sussegwenti jinkludu notevolment:
(a) |
il-modifika ta’ l-obbligi jew l-istruzzjonijiet li jinsabu fil-miżura ta’ probation jew is-sanzjoni alternattiva, jew il-modifika tat-tul ta’ żmien tal-perijodu ta’ probation; |
(b) |
ir-revoka tas-sospensjoni ta’ l-esekuzzjoni tas-sentenza jew ir-revoka tad-deċiżjoni dwar rilaxx kondizzjonali; u |
(ċ) |
l-impożizzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà f’każ ta’ sanzjoni alternattiva jew sentenza kondizzjonali. |
2. Il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tapplika għad-deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafu 1 u għall-konsegwenzi sussegwenti kollha tas-sentenza inkluż, fejn applikabbli, l-infurzar, u jekk meħtieġ, l-adattament tas-sentenza ta’ kustodja jew il-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà.
3. Kull Stat Membru jista’, fil-ħin ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew fi stadju aktar tard, jiddikjara li bħala Stat ta’ esekuzzjoni huwa ser jirrifjuta li jassumi r-responsabbiltà prevista fil-paragrafu 1(b) u (c) f’każijiet jew f’kategoriji ta’ każijiet li għandhom jiġu speċifikati minn dak l-Istat Membru, b’mod partikolari:
(a) |
f’każijiet relatati ma’ sanzjoni alternattiva, fejn is-sentenza ma tinkludix sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà li għandha tkun inforzata f’każ ta’ non-konformità ma’ l-obbligu/i jew l-istruzzjoni(jiet) ikkonċernata/i; |
(b) |
f’każijiet relatati ma’ sentenza kondizzjonali; |
(ċ) |
f’każijiet fejn is-sentenza tirrigwarda atti li ma jikkostitwixxux reat skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostitwenti jew mid-deskrizzjoni tiegħu. |
4. Meta Stat Membru jagħmel użu minn xi waħda mill-possibbiltajiet imsemmijin fil-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tittrasferixxi l-ġurisdizzjoni lura lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru emittenti f’każ ta’ non-konformità ma’ miżura ta’ probation jew sanzjoni alternattiva jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tkun tal-fehma li jeħtieġ li tittieħed deċiżjoni sussegwenti, kif imsemmi fil-paragrafu 1(b) jew (c).
5. Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 3, l-obbligu li tiġi rikonoxxuta s-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation, kif ukoll l-obbligu li mingħajr dewmien jittieħdu l-miżuri meħtieġa kollha għas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1), ma għandux jiġi affettwat.
6. Id-dikjarazzjonijiet kif imsemmijin fil-paragrafu 3 għandhom isiru permezz ta’ notifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Tali dikjarazzjoni tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin. Id-dikjarazzjonijiet jew l-irtirar imsemmijin f’dan l-Artikolu għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 15
Konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti
Fejn u kull meta jinħass li huwa xieraq, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti u ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni jistgħu jikkonsultaw lil xulxin bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-applikazzjoni bla xkiel u effiċjenti ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.
Artikolu 16
Obbligi ta’ l-awtoritajiet involuti fejn l-Istat ta’ esekuzzjoni għandu ġurisdizzjoni għal deċiżjonijiet sussegwenti
1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub, bid-deċiżjonijiet kollha dwar:
(a) |
il-modifika tal-miżuri ta’ probation jew tas-sanzjoni alternattiva; |
(b) |
ir-revoka tas-sospensjoni ta’ l-esekuzzjoni tas-sentenza jew ir-revoka tad-deċiżjoni dwar rilaxx kondizzjonali; |
(ċ) |
infurzar ta’ piena ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà minħabba n-non-konformità ma’ miżura ta’ probation jew sanzjoni alternattiva; |
(d) |
l-iskadenza tal-miżuri ta’ probation jew tas-sanzjoni alternattiva. |
2. Jekk tintalab hekk mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinformaha dwar it-tul massimu taċ-ċaħda tal-libertà li hija prevista fil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għar-reat, li rriżulta fis-sentenza, u li jista’ jiġi impost fuq il-persuna sentenzjata fil-każ ta’ ksur tal-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi. Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta immedjatament wara li jiġu riċevuti s-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation, flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6(1).
3. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub, ta’ kwalunkwe ċirkostanza jew sejba li, fl-opinjoni tagħha, tista’ tfisser li tittieħed waħda jew aktar mid-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (c).
Artikolu 17
Obbligi ta’ l-awtoritajiet involuti fejn l-Istat emittenti għandu ġurisdizzjoni għal deċiżjonijiet sussegwenti
1. Jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti jkollha ġurisdizzjoni għad-deċiżjonijiet sussegwenti msemmijin fl-Artikolu 14(1) skond l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14(3), l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha minnufih tinnotifikaha dwar:
(a) |
kwalunkwe sejba li probabbli tirriżulta f’revoka tas-sospensjoni ta’ l-esekuzzjoni tas-sentenza jew f’revoka tad-deċiżjoni dwar rilaxx kondizzjonali; |
(b) |
kwalunkwe sejba li probabbli tirriżulta fl-impożizzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà; |
(ċ) |
il-fatti u ċ-ċirkustanzi ulterjuri kollha li l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti titlob li jiġu pprovduti u li huma essenzjali sabiex tkun tista’ tieħu d-deċiżjonijiet sussegwenti skond il-liġi nazzjonali tagħha. |
2. Meta Stat Membru jkun għamel użu mill-possibbiltà msemmija fl-Artikolu 11(4), l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti fil-każ ta’ non-konformità mill-persuna sentenzjata ma’ miżura tal-probation jew sanzjoni alternattiva.
3. In-notifika tas-sejbiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) u fil-paragrafu 2 għandha tingħata billi tintuża l-formola standard li tinsab fl-Anness II. In-notifika tal-fatti u ċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1(c) għandha tingħata bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub, inkluż, fejn possibbli, permezz tal-formola li tinsab fl-Anness II.
4. Jekk, taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti, il-persuna sentenzjata għandu jingħatalha smigħ ġudizzjarju qabel tittieħed deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta’ sentenza, din il-ħtieġa tista’ tiġi sodisfatta b’segwitu mutatis mutandis tal-proċedura li tinsab fi strumenti tal-liġi internazzjonali jew tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea li jipprovdu l-possibbiltà li jintużaw konnessjonijiet bil-vidjo għal persuni li jisimgħu.
5. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni bid-deċiżjonijiet kollha dwar:
(a) |
ir-revoka tas-sospensjoni ta’ l-esekuzzjoni tas-sentenza jew ir-revoka tad-deċiżjoni dwar rilaxx kondizzjonali; |
(b) |
l-infurzar tas-sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, fejn tali miżura tinsab fis-sentenza; |
(ċ) |
l-impożizzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, fejn tali miżura ma tinsabx fis-sentenza; |
(d) |
l-iskadenza tal-miżura ta’ probation jew tas-sanzjoni alternattiva. |
Artikolu 18
Informazzjoni mill-Istat ta’ esekuzzjoni fil-każijiet kollha
L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub:
(1) |
dwar it-trażmissjoni tas-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6(1) lill-awtorità kompetenti responsabbli għar-rikonoxximent tagħha u għat-teħid ta’ miżuri riżultanti għas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi skond l-Artikolu 6(7); |
(2) |
dwar il-fatt li fil-prattika huwa impossibbli li jkunu sorveljati l-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi għar-raġuni li, wara t-trasmissjoni tas-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6(1) lill-Istat ta’ esekuzzjoni, il-persuna sentenzjata ma tkunx tista’ tinstab fit-territorju ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, f’liema każ ma għandu jkun hemm l-ebda obbligu ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni li jissorvelja l-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi; |
(3) |
dwar id-deċiżjoni finali għar-rikonoxximent tas-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation u t-teħid tar-responsabbilta’ għas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation jew s-sanzjonijiet alternattivi; |
(4) |
dwar kwalunkwe deċiżjoni li ma tiġix rikonoxxuta s-sentenza u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni ta’ probation u li tassumi responsabbiltà għas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation u s-sanzjonijiet alternattivi skond l-Artikolu 11, flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni; |
(5) |
dwar kwalunkwe deċiżjoni biex jiġu adatti l-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi skond l-Artikolu 9, flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni; |
(6) |
dwar kwalunkwe deċiżjoni dwar amnestija jew maħfra li jwasslu biex ma jkunx hemm sorveljanza tal-miżuri ta’ probation jew s-sanzjonijiet alternattivi għar-raġunijiet imsemmijin fl-Artikolu 19(1), flimkien, fejn applikabbli, mar-raġunijiet għad-deċiżjoni. |
Artikolu 19
Amnestija, maħfra, reviżjoni ta’ sentenza
1. Amnestija jew maħfra jistgħu jingħataw kemm mill-Istat emittenti kif ukoll mill-Istat ta’ esekuzzjoni.
2. L-Istat emittenti biss jista’ jiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal reviżjoni tas-sentenza li tifforma l-bażi għall-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi li għandhom jiġu sorveljati skond din id-Deċiżjoni Qafas.
Artikolu 20
Tmiem tal-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni
1. Jekk il-persuna sentenzjata taħrab jew ma tibqax ikollha residenza legali u ordinarja fl-Istat ta’ esekuzzjoni, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tittrasferixxi l-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation jew s-sanzjonijiet alternattivi u fir-rigward tad-deċiżjonijiet ulterjuri kollha relatati mas-sentenza lura lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti.
2. Jekk ikunu qed jittieħdu pro'eduri kriminali ġodda kontra l-persuna kkonċernata fl-Istat emittenti, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti tista’ titlob lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni biex tittrasferixxi l-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sorveljanza tal-miżuri ta’ probation jew s-sanzjonijiet alternattivi u fir-rigward tad-deċiżjonijiet ulterjuri kollha relatati mas-sentenza lura lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti. Fit-tali każ, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ titrasferixxi lura l-ġurisdizzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti.
3. Meta, fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-ġurisdizzjoni tiġi trasferita lura lill-Istat emittenti, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat għandha terġa’ tibda tali ġurisdizzjoni. Għas-sorveljanza ulterjuri tal-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tieħu kont tat-tul ta’ żmien u l-grad ta’ konformità mal-miżuri ta’ probation jew is-sanzjonijiet alternattivi fl-Istat ta’ esekuzzjoni, kif ukoll ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Istat ta’ esekuzzjoni skond l-Artikolu 16(1).
Artikolu 21
Lingwi
Iċ-Ċertifikati imsemmija fl-Artikolu 6(1) għandhom jiġu tradotti fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Kwalunkwe Stat Membru jista’, jew fl-addozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew aktar tard, jistqarr permezz ta’ dikjarazzjoni depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li huwa ser jaċċetta traduzzjoni f’waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali l-oħrajn ta’ l-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 22
Spejjeż
L-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jitħallsu mill-Istat ta’ esekuzzjoni, ħlief għall-ispejjeż li jsiru esklussivament fit-territorju ta’ l-Istat emittenti.
Artikolu 23
Relazzjoni ma’ ftehim u arranġamenti oħrajn
1. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha, f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, mis-6 ta’ Diċembru 2011 tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-30 ta’ Novembru 1964 dwar is-Sorveljanza ta’ Ħatjin Sentezjati Kondizzjonalemt jew Liberati Kondizzjonalment.
2. L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali li jkunu fis-seħħ wara s-6 ta’ Diċembru 2008, sakemm dawn jippermettu li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jiġu estiżi jew imkabbra u jgħinu sabiex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi.
3. L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara s-6 ta’ Diċembru 2008 sakemm tali ftehim jew arranġamenti jippermettu li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jiġu estiżi jew imkabbra u jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għas-sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi.
4. L-Istati Membri għandhom sas-6 ta’ Marzu 2009, jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-ftehim u l-arranġamenti eżistenti msemmija fil-paragrafu 2 li huma jixtiequ jkomplu japplikaw. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kunsill u l-Kummissjoni bi kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid kif imsemmi fil-paragrafu 3, fi żmien tliet xhur minn meta dan jiġi ffirmat.
Artikolu 24
Applikazzjoni Territorjali
Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-Ġibilta’.
Artikolu 25
Implimentazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas sas-6 ta’ Diċembru 2011.
2. L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skond din id-Deċiżjoni Qafas.
Artikolu 26
Reviżjoni
1. Sas-6 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport abbażi ta’ l-informazzjoni riċevuta minn Stati Membri skond l-Artikolu 25(2).
2. Abbażi ta’ dan ir-rapport, il-Kunsill għandu jivvaluta
(a) |
il-punt sa liema l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Qafas; u |
(b) |
l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. |
3. Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposti leġislattivi.
Artikolu 27
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, 27 ta’ Novembru 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ALLIOT-MARIE
(1) ĠU C 147, 30.6.2007, p. 1.
(2) Opinjoni tal-25 ta’ Ottubru 2007 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27.
(5) ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16.
(6) ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59.
(8) ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.
ANNESS I
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni
Test ta 'immaġni