EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1256

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1256 tal-15 ta’ Lulju 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-226 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-adozzjoni proposta tal-Emenda 48 għall-Anness 6, il-Parti I, tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

ST/10712/2022/INIT

ĠU L 191, 20.7.2022, p. 61–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1256/oj

20.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/61


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1256

tal-15 ta’ Lulju 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-226 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-adozzjoni proposta tal-Emenda 48 għall-Anness 6, il-Parti I, tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2)

L-Istati Membri tal-Unjoni huma Stati kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago (“l-Istati kontraenti”) u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Bħalissa hemm seba’ Stati Membri rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

(3)

Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO għandu jadotta standards u prattiki rakkomandati internazzjonali u jiddeżinjahom bħala Annessi għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.(“l-Annessi”).

(4)

Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Anness jew kwalunkwe emenda ta’ tali Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentata lill-Istati kontraenti, jew fl-aħħar ta’ tali perjodu itwal li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm sadanittant ma jkunx hemm maġġoranza tal-Istati kontraenti li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom mal-Kunsill tal-ICAO.

(5)

Il-Kunsill tal-ICAO, fil-226 sessjoni tiegħu, għandu jadotta l-Emenda 48 għall-Anness 6, il-Parti I, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (“Emenda 48”).

(6)

L-iskop ewlieni tal-Emenda 48 hu li jipposponi d-data tal-applikabbiltà tal-Anness 6, il-Parti I, l-istandard 6.18.1 għall-1 ta’ Jannar 2025.

(7)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-226 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO fir-rigward tal-Emenda 48. Dik il-pożizzjoni jenħtieġ li tkun ta’ appoġġ għall-Emenda 48 u jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.

(8)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni mill-Kunsill tal-ICAO tal-Emenda 48, li għandha titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz ta’ proċedura ta’ ittra lill-Istati tal-ICAO, tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni, dment li l-Emenda 48 tiġi adottata mingħajr ebda bidla sostanzjali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-226 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti tiegħu, għandha tkun ta’ appoġġ għall-Emenda 48 proposta għall-Anness 6, il-Parti I, tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“Emenda 48”) fl-intier tagħha.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta l-Emenda 48 mingħajr ebda bidla sostanzjali, għandha tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni għall-Emenda 48 adottata bi tweġiba għall-ittra rilevanti lill-Istati tal-ICAO.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.

2.   Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


Top