Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2293

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2293 tal-20 ta’ Diċembru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mar-Renju Unit fir-rigward tal-estensjoni tad-deroga mill-obbligu li titħassar id-data tal-passiġġieri tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri wara t-tluq tagħhom mir-Renju Unit

    ST/14472/2021/INIT

    ĠU L 458, 22.12.2021, p. 514–516 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2293/oj

    22.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 458/514


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2293

    tal-20 ta’ Diċembru 2021

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mar-Renju Unit fir-rigward tal-estensjoni tad-deroga mill-obbligu li titħassar id-data tal-passiġġieri tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri wara t-tluq tagħhom mir-Renju Unit

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 16(2) u l-Artikolu 87(2), il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2) (“it-TCA”) jistabbilixxi regoli li skonthom id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (“PNR”) tista’ tiġi ttrasferita lil, ipproċessata u użata mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għal titjiriet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, u jistabbilixxi salvagwardji speċifiċi f’dak ir-rigward.

    (2)

    It-Titolu III tal-Parti Tlieta tat-TCA jistabbilixxi regoli li skonthom id-data tal-PNR tista’ tiġi ttrasferita lil, ipproċessata u użata mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għal titjiriet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, u jistabbilixxi salvagwardji speċifiċi f’dak ir-rigward.

    (3)

    L-Artikolu 552(4) tat-TCA jipprovdi li r-Renju Unit għandu jħassar id-data tal-PNR tal-passiġġieri wara t-tluq tagħhom mill-pajjiż sakemm valutazzjoni tar-riskju ma tindikax il-ħtieġa li tali data tal-PNR tinżamm.

    (4)

    L-Artikolu 552(11) tat-TCA jipprovdi li r-Renju Unit jista’ jidderoga mill-Artikolu 552(4) tat-TCA fuq bażi temporanja għal perjodu interim, sakemm l-aġġustamenti tekniċi jiġu implementati mir-Renju Unit malajr kemm jista’ jkun. Matul dak il-perjodu interim, l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għandha tevita l-użu tad-data tal-PNR li trid titħassar f’konformità mal-Artikolu 552(4) tat-TCA billi tapplika s-salvagwardji addizzjonali għal dik id-data tal-PNR elenkati fl-Artikolu 552(11), il-punti (a) sa(d), tat-TCA.

    (5)

    L-Artikolu 552(10) tat-TCA jiddikjarali l-Artikolu 552(11) tat-TCA japplika minħabba ċ-ċirkostanzi speċjali li jipprevjenu lir-Renju Unit milli jagħmel l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa biex jittrasforma s-sistemi ta’ pproċessar tal-PNR li kienu joperaw fir-Renju Unit meta kien japplika għalih id-dritt tal-Unjoni f’sistemi li jippermettu li d-data tal-PNR titħassar f’konformità mal-Artikolu 552(4) tat-TCA.

    (6)

    L-Artikolu 552(13) tat-TCA jipprovdi li jekk iċ-ċirkostanzi speċjali msemmija fl-Artikolu 552(10) tat-TCA jippersistu, il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jestendi l-perjodu interim imsemmi fl-Artikolu 552(11) tat-TCA b’sena.

    (7)

    Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (3) tapplika fl-Unjoni skont it-Trattati.

    (8)

    Fl-1 ta’ Ottubru 2021, ir-Renju Unit ippreżenta lill-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja stabbilit mit-TCAil-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 552(12), il-punt (b), tat-TCA.

    (9)

    Fil-valutazzjoni tiegħu, ir-Renju Unit ikkonkluda li ċ-ċirkostanzi speċjali msemmija fl-Artikolu 552(10) tat-TCA jippersistu, b’referenza għas-sitwazzjoni speċifika li qed jiffaċċja r-Renju Unit li jrid jadatta s-sistemi tal-ipproċessar tad-data tal-PNR ikkonfigurati għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni bħala Stat Membru f’sistema kkonfigurata biex tissodisfa r-rekwiżiti tat-TCA fir-rigward tat-trasferimenti internazzjonali tad-data tal-PNR mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi. Ir-Renju Unit iddeskriva l-isforzi tiegħu biex jittrasforma s-sistemi ta’ pproċessar tal-PNR tiegħu f’sistemi li jippermettu li d-data tal-PNR titħassar skont l-Artikolu 552(4) tat-TCA. Ir-Renju Unit innota li kien qed iwettaq analiżi tar-rekwiżiti legali, tekniċi u operazzjonali, inkluż ir-rekwiżiti kemm funzjonali kif ukoll mhux funzjonali, bil-ħsieb li jiġi żgurat li s-sistemi tal-ipproċessar tad-data tal-PNR tar-Renju Unit jikkonformaw mal-Artikolu 552(4) tat-TCA. F’konformità mal-Artikolu 552(13) tat-TCA il-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja kkunsidra l-valutazzjoni tar-Renju Unit fit-19 ta’ Ottubru 2021.

    (10)

    Fl-1 ta’ Ottubru 2021, ir-Renju Unit ippreżenta wkoll lill-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja, ir-rapport mill-korp amministrattiv indipendenti msemmi fl-Artikolu 552(12), il-punt (a), tat-TCA, inkluż anness mill-awtorità superviżorja tar-Renju Unit kif imsemmi fl-Artikolu 525(3) ta’ dak il-ftehim, dwar jekk is-salvagwardji previsti fl-Artikolu 552(11) ta’ dak il-ftehim ġewx applikati b’mod effettiv.

    (11)

    F’konformità mal-Artikolu 552(13) tat-TCA, il-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja kkunsidra r-rapport tar-Renju Unit fit-19 ta’ Ottubru 2021. F’dik l-okkażjoni, ir-Renju Unit iddikjara li kellu l-intenzjoni li jikkomplementa l-anness għal dak ir-rapport u li dan kellu jsir f’Novembru 2021, qabel ma l-Kunsill ta’ Sħubija jieħu deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-perjodu interim skont l-Artikolu 552(13) tat-TCA.

    (12)

    Għalhekk, huwa kkunsidrat li ċ-ċirkostanzi speċjali msemmija fl-Artikolu 552(10) tat-TCA jippersistu, u li, skont l-Artikolu 552(13) tat-TCA, jenħtieġ li l-Kunsill ta’ Sħubija jestendi l-perjodu interim imsemmi fl-Artikolu 552(11) tat-TCA b’sena, sal-31 ta’ Diċembru 2022.

    (13)

    Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa vinkolanti għall-Istati Membri kollha bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2021/689, li hija bbażata fuq l-Artikolu 217 TFUE bħala l-bażi ġuridika sostantiva tagħha.

    (14)

    Id-Danimarka u l-Irlanda huma marbuta bil-Parti III tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2021/689 u għalhekk qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li timplimenta l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija skont l-Artikolu 552(13) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandha tkun li taqbel li l-perjodu interim li matulu r-Renju Unit jista’ jidderoga mill-obbligu li jħassar id-data tal-PNR tal-passiġġieri wara t-tluq tagħhom mir-Renju Unit jiġi estiż b’sena, sal-31 ta’ Diċembru 2022.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. VIZJAK


    (1)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2.

    (2)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

    (3)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132.


    Top