This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R2128
Commission Implementing Regulation (EU) 2019/2128 of 12 November 2019 establishing the model official certificate and rules for issuing official certificates for goods which are delivered to vessels leaving the Union and intended for ship supply or consumption by the crew and passengers, or to NATO or a United States’ military base (Text with EEA relevance)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2128 tat-12 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali u r-regoli għall-ħruġ ta’ ċertifikati uffiċjali għal oġġetti li jiġu kkonsenjati lill-bastimenti li jkunu se jitilqu mill-Unjoni u li huma maħsuba għall-provvista tal-vapuri jew għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri, jew għal bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2128 tat-12 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali u r-regoli għall-ħruġ ta’ ċertifikati uffiċjali għal oġġetti li jiġu kkonsenjati lill-bastimenti li jkunu se jitilqu mill-Unjoni u li huma maħsuba għall-provvista tal-vapuri jew għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri, jew għal bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2019/7000
ĠU L 321, 12.12.2019, p. 114–121
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
12.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 321/114 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2128
tat-12 ta’ Novembru 2019
li jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali u r-regoli għall-ħruġ ta’ ċertifikati uffiċjali għal oġġetti li jiġu kkonsenjati lill-bastimenti li jkunu se jitilqu mill-Unjoni u li huma maħsuba għall-provvista tal-vapuri jew għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri, jew għal bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 77(3)(a), 90(a) u (f) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-regoli li jridu jikkonformaw magħhom l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jwettqu kontrolli uffiċjali fuq annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari. |
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 (2) jistipula r-regoli għall-kontrolli uffiċjali ta’ kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji mill-annimali, prodotti derivati, ħuxlief u tiben u prodotti komposti minn pajjiżi terzi, li jkunu maħżuna f’imħażen li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, u li jridu jiġu kkonsenjati jew lil bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti li tinsab fit-territorju tal-Unjoni jew f’pajjiż terz, jew lil bastiment li jkunu se jitilqu mill-Unjoni u li huwa maħsub għall-provvista tal-vapuri jew għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri. |
(3) |
Ir-Regolament Delegat 2019/2124 b’mod partikolari jipprevedi li dawk il-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji mill-annimali, prodotti derivati, ħuxlief u tiben u prodotti komposti jrid ikollhom magħhom ċertifikat uffiċjali meta jitilqu mill-maħżen. |
(4) |
Ir-Regolament Delegat 2019/2124 jipprevedi wkoll li l-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji mill-annimali, prodotti derivati, ħuxlief u prodotti komposti minn pajjiżi terzi li jkunu destinati għal bastiment li jkun se jitlaq mill-Unjoni jrid ikollhom magħhom ċertifikat uffiċjali meta jiġu ttrasportati mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għall-bastiment. |
(5) |
Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ta’ konsistenza, jixraq li jiġi stabbilit mudell uniku ta’ ċertifikat uffiċjali għall-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali, prodotti derivati, ħuxlief u tiben u prodotti komposti minn pajjiżi terzi li jkunu destinati għall-kunsinna lil bastimenti li jkunu se jitilqu mill-Unjoni u li jkunu maħsuba għall-provvista tal-vapuri jew għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri, jew għall-bażijiet militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni jew f’pajjiż terz. |
(6) |
Spiss, il-kontenut tal-kunsinni jiġi ffurmat fl-imħażen. Tali kunsinni jistgħu jikkonsistu minn oġġetti li jkunu derivati minn diversi kunsinni ta’ oriġini jew ta’ kategoriji ta’ prodotti differenti. Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jenħtieġ li jintuża ċertifikat uffiċjali uniku għall-oġġetti fil-kunsinni li jkunu għadhom kif ġew iffurmati. It-traċċabbiltà tal-oġġetti jenħtieġ li tiġi żgurata billi fiċ-ċertifikat uffiċjali jiġi indikat in-numru tad-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED) li jiġi mal-kunsinni oriġinali li minnhom jkunu derivati l-oġġetti. |
(7) |
Iċ-ċertifikat uffiċjali jista’ jinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti jew f’format stampat jew f’format elettroniku. Għalhekk, jixraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti fir-rigward tal-ħruġ taċ-ċertifikat uffiċjali fiż-żewġ każijiet. |
(8) |
Għall-fini ta’ konsistenza, ir-regoli li japplikaw għall-ħruġ ta’ ċertifikati elettroniċi u għall-użu ta’ firma elettronika għal ċertifikati uffiċjali stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (3) jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali stabbilit f’dan ir-Regolament. |
(9) |
Il-mudelli taċ-ċertifikati huma inklużi fis-sistema elettronika TRACES, stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/623/KE (4) u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE (5) biex jiffaċilitaw u jħaffu l-proċeduri amministrattivi fil-fruntieri tal-Unjoni u fl-imħażen doganali u biex jippermettu l-komunikazzjoni elettronika bejn il-partijiet involuti. Għaldaqstant, il-format tal-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali stipulat f’dan ir-Regolament u n-noti dwar il-mili tiegħu jenħtieġ li jiġu adattati għas-sistema TRACES. |
(10) |
F’konformità mal-Artikolu 133(4) tar-Regolament (UE) 2017/625, is-sistema TRACES trid tiġi integrata fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC). Għalhekk, il-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali stipulat f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi adattat għall-IMSOC. |
(11) |
Ir-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019. Għaldaqstant, ir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw ukoll minn dik id-data. |
(12) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjoni
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandha tapplika d-definizzjoni ta’ “maħżen” stabbilita fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/2124.
Artikolu 2
Mudell taċ-ċertifikat uffiċjali
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 21(1) u tal-Artikolu 29(c) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/2124, il-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali stabbilit fil-Parti I tal-Anness ta’ dan ir-Regolament għandu jintuża għaċ-ċertifikazzjoni uffiċjali ta’ kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali, prodotti derivati, ħuxlief u tiben u prodotti komposti li jiġu kkonsenjati:
(a) |
lill-bastimenti li jkunu se jitilqu mit-territorju tal-Unjoni u li jkunu maħsuba għall-provvista tal-vapuri jew għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri, jew |
(b) |
minn maħżen li jinsab fit-territorju tal-Unjoni lejn il-bażijiet militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni jew f’pajjiż terz. |
Iċ-ċertifikat uffiċjali jista’ jinħareġ f’format stampat jew b’mod elettroniku permezz tal-IMSOC.
2. Fejn il-kontenut tal-kunsinni jkun iffurmat f’maħżen u jkun magħmul minn prodotti ta’ oriġini jew ta’ kategoriji ta’ prodotti differenti, jista’ jinħareġ ċertifikat uffiċjali uniku biex jakkumpanja lil tali kunsinna.
Artikolu 3
Rekwiżiti għal ċertifikati uffiċjali li ma jiġux ippreżentati fl-IMSOC
Iċ-ċertifikati uffiċjali li ma jiġux ippreżentati fl-IMSOC għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
1. |
minbarra l-firma tal-uffiċjal taċ-ċertifikazzjoni, iċ-ċertifikat uffiċjali għandu jkollu timbru uffiċjali. Il-kulur tal-firma u tat-timbru għandu jkun differenti mill-kulur tal-istampar. |
2. |
fejn iċ-ċertifikat ikun fih stqarrijiet, l-istqarrijiet li ma jkunux rilevanti għandhom jiġu ingassati, inizjalati u ttimbrati mill-uffiċjal taċ-ċertifikazzjoni, jew jitneħħew għalkollox miċ-ċertifikat. |
3. |
iċ-ċertifikat uffiċjali għandu jikkonsisti minn:
|
4. |
Fejn iċ-ċertifikat uffiċjali jikkonsisti minn sekwenza ta’ paġni, kull paġna trid tindika l-kodiċi uniku kif imsemmi fl-Artikolu 89(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 u jrid ikollha l-firma tal-uffiċjal taċ-ċertifikazzjoni u t-timbru uffiċjali. |
5. |
Iċ-ċertifikat uffiċjali għandu jinħareġ qabel ma l-kunsinni li jkun relatat magħhom jitilqu mill-kontroll tal-awtoritajiet kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew fil-maħżen. |
Artikolu 4
Rekwiżiti għal ċertifikati uffiċjali ppreżentati fl-IMSOC u għall-użu tal-firma elettronika
1. Iċ-ċertifikati uffiċjali ppreżentati fl-IMSOC għandhom ikunu bbażati fuq il-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali stipulat fil-Parti I tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
2. Iċ-ċertifikat uffiċjali għandu jiġi ppreżentat fl-IMSOC qabel ma l-kunsinni li jkun relatat magħhom jitilqu mill-kontroll tal-awtoritajiet kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew fil-maħżen.
3. Iċ-ċertifikati uffiċjali ppreżentati fl-IMSOC għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-ħruġ ta’ ċertifikat uffiċjali elettroniku u għall-użu ta’ firma elettronika stipulati fl-Artikolu 39 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715.
Artikolu 5
Noti dwar il-mili taċ-ċertifikat uffiċjali
Iċ-ċertifikat uffiċjali għandu jimtela b’referenza għan-noti stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-kontrolli uffiċjali ta’ kunsinni ta’ annimali u ta’ oġġetti fi tranżitu, trażbord u trasport ulterjuri, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008, (KE) Nru 1251/2008, (KE) Nru 119/2009, (UE) Nru 206/2010, (UE) Nru 605/2010, (UE) Nru 142/2011, (UE) Nru 28/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/759 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE ( Ara paġna 73 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistipula r-regoli dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (“ir-Regolament IMSOC”) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/623/KE tad-19 ta’ Awwissu 2003 dwar l-iżvilupp ta’ sistema kompjuterizzata integrata magħrufa bħala Traces (ĠU L 216, 28.8.2003, p. 58).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces u li temenda d-Deċiżjoni 92/486/KEE (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63).
ANNESS
PARTI 1
Mudell taċ-ċertifikat uffiċjali li jakkumpanja l-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali, prodotti derivati, ħuxlief u tiben u prodotti komposti minn pajjiżi terzi li jiġu kkonsenjati lill-bastimenti li jkunu se jitilqu mill-Unjoni jew lill-bażijiet militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti
PARTI 2
Noti dwar il-mili tal-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali
Ġenerali
Biex tindika xi għażla b’mod pożittiv, jekk jogħġbok agħmel sinjal fuq il-kaxxa rilevanti jew immarkaha b’X.
Il-“kodiċi ISO” jirreferi għall-kodiċi internazzjonali standard b’żewġ ittri li jintuża għal pajjiż, f’konformità mal-istandard internazzjonali ISO 3166 alfa-2 (1).
Kull meta kaxxa tippermetti l-għażla ta’ opzjoni waħda jew iktar, dawk l-opzjonijiet biss jintwerew fil-verżjoni elettronika taċ-ċertifikat uffiċjali.
Parti I: Dettalji tad-dispaċċ tal-kunsinna
Kaxxa I.1. |
Post ta’ kontroll fuq il-fruntiera/Awtorità kompetenti: indika l-isem tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera (BCP) jew tal-awtorità kompetenti li toħroġ iċ-ċertifikat uffiċjali, kif xieraq, u n-numru ta’ referenza tat-TRACES tagħhom. |
Kaxxa I.2. |
Numru ta’ referenza taċ-ċertifikat: il-kodiċi obbligatorju uniku assenjat mill-awtorità kompetenti li toħroġ iċ-ċertifikat uffiċjali f’konformità mal-klassifikazzjoni tagħha stess. Huwa obbligatorju li din il-kaxxa timtela għaċ-ċertifikati kollha mhux ippreżentati fl-IMSOC. |
Kaxxa I.2.a |
Numru ta’ referenza tal-IMSOC: il-kodiċi ta’ referenza uniku assenjat b’mod awtomatiku mill-IMSOC, f’każ li ċ-ċertifikat irreġistrat fl-IMSOC. Timlix din il-kaxxa jekk iċ-ċertifikat mhux ippreżentat fl-IMSOC. |
Kaxxa I.3. |
Konsenjatur: fil-każ ta’ dispaċċ minn maħżen, indika l-isem u l-indirizz (it-triq, il-belt u r-reġjun, il-provinċja jew l-istat, in-nru tar-reġistrazzjoni/tal-approvazzjoni, kif xieraq) tal-maħżen li minnu sar id-dispaċċ tal-kunsinna. Timlix din il-kaxxa jekk id-dispaċċ tal-kunsinna sar direttament minn post ta’ kontroll fuq il-fruntiera. |
Kaxxa I.4. |
Operatur responsabbli mill-kunsinna: l-isem u l-indirizz (it-triq, il-belt u r-reġjun, il-provinċja jew l-istat, in-nru tar-reġistrazzjoni/tal-approvazzjoni, kif xieraq) tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli fl-Unjoni mill-bgħit tal-kunsinna lejn il-post tad-destinazzjoni. |
Kaxxa I.5. |
Post tad-destinazzjoni (bastiment): indika l-isem tal-bastiment li għalih hija maħsuba l-kunsinna, in-numru tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tal-bastiment, l-isem tal-port, l-isem u l-kodiċi ISO tal-Istat Membru tad-destinazzjoni tal-oġġetti. Timlix din il-kaxxa jekk iċ-ċertifikat uffiċjali jinħareġ għall-bgħit tal-kunsinna lejn bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti li tinsab fit-territorju tal-Unjoni jew f’pajjiż terz. |
Kaxxa I.6. |
Post tad-destinazzjoni (bażi militari tan-NATO/tal-Istati Uniti): indika l-isem tal-bażi militari tad-destinazzjoni tan-NATO/tal-Istati Uniti li tinsab fit-territorju tal-Unjoni, l-isem u l-kodiċi ISO tal-Istat Membru fejn tinsab il-bażi militari tad-destinazzjoni tan-NATO jew tal-Istati Uniti. Jekk id-destinazzjoni hija bażi militari tan-NATO/tal-Istati Uniti li tinsab f’pajjiż terz, il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ħruġ mill-Unjoni biss irid jiġi indikat f’din il-kaxxa. Timlix din il-kaxxa jekk iċ-ċertifikat uffiċjali jinħareġ għall-bgħit lill-bastimenti li jkunu se jitilqu mill-Unjoni. |
Kaxxa I.7. |
Mezz tat-trasport: Numru/i ta’ identifikazzjoni: għall-ajruplani; indika n-numru tat-titjira, għall-bastimenti; l-isem/ismijiet tal-vapur, għat-trasport bil-ferrovija; l-identifikazzjoni tal-ferrovija u n-numru tal-vagun, għat-trasport bit-triq; in-numru tal-pjanċa tal-vettura flimkien man-numru tal-pjanċa tat-trejler, jekk ikun xieraq. Għall-kunsinni f’kontejners, il-pjanċa tat-trejler mhijiex obbligatorja jekk in-numru tal-kontejner ikun ġie indikat. Fil-każ ta’ trasport b’lanċa, indika l-identifikazzjoni tal-vettura tat-triq, in-numru tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni tal-vettura flimkien man-numru tal-pjanċa tat-trejler jekk ikun xieraq, u l-isem tal-lanċa skedata. |
Nru tal-kontejner: |
jekk applikabbli, in-numri korrispondenti. In-numru tal-kontejner irid jiġi indikat jekk l-oġġetti jiġu ttrasportati f’kontejners magħluqa. |
Nru tas-siġill: |
in-numru tas-siġill uffiċjali biss irid jiġi ddikjarat. Siġill uffiċjali jkun applikabbli jekk jitwaħħal siġill fuq il-kontejner, it-trakk jew il-vagun tal-ferrovija taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti li toħroġ iċ-ċertifikat. |
Kaxxa I.8. |
Deskrizzjoni tal-oġġetti: Deskrizzjoni tal-oġġetti u t-tip ta’ prodott: indika l-kodiċi rilevanti tan-Nomenklatura Magħquda (NM), u t-titlu kif imsemmi fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (2). Pajjiż tal-oriġini: indika l-pajjiż tal-oriġini tal-oġġetti. Referenza tas-CHED tal-oriġini: indika r-referenza tas-CHED għall-kunsinna li minnha huwa derivat in-numru rilevanti ta’ kaxxi tal-prodott. L-informazzjoni taħt din il-kaxxa tista’ tiġi pprovduta wkoll f’dokument ta’ sostenn li jrid jiġi mehmuż maċ-ċertifikat uffiċjali. F’dan il-każ, il-kaxxa “Dokument ta’ sostenn” trid timtela, inkluż in-numru ta’ referenza tad-dokument(i) ta’ sostenn. |
Kaxxa I.9. |
Numru totali ta’ pakketti: indika n-numru ta’ kaxxi jew ta’ pakketti tal-oġġetti. Fil-każ ta’ kunsinni sfużi, din il-kaxxa hija fakultattiva. |
Kaxxa I.10. |
Piż nett totali f’kilogrammi: dan huwa definit bħala l-massa tal-oġġetti biss mingħajr l-ebda kontenitur jew imballaġġ. |
Kaxxa I.11. |
Data u ħin tat-tluq: indika d-data u l-ħin tat-tluq intenzjonat tal-mezz tat-trasport mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew mill-maħżen. |
Parti II: Dikjarazzjoni
Din il-parti trid timtela minn veterinarju uffiċjali jew spettur uffiċjali tal-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew fil-maħżen.
Parti III: Konferma tal-wasla tal-kunsinna
Din il-parti trid timtela:
— |
f’każ li d-destinazzjoni tkun bastiment li jkun se jitlaq mill-Unjoni; mill-awtorità kompetenti fil-port tad-destinazzjoni jew mir-rappreżentant uffiċjali tal-kaptan tal-bastiment; |
— |
f’każ li d-destinazzjoni tkun bażi militari tan-NATO/tal-Istati Uniti li tinsab fit-territorju tal-Unjoni; mill-awtorità kompetenti responsabbli mill-kontrolli fil-bażi militari tan-NATO/tal-Istati Uniti; |
— |
f’każ li d-destinazzjoni tkun bażi militari tan-NATO/tal-Istati Uniti li tinsab f’pajjiż terz; mill-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ħruġ. |
(1) Lista ta’ ismijiet tal-pajjiżi u elementi tal-kodiċi skont: http://www.iso.org/iso/country_codes/iso-3166-1_decoding_table.htm
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).