EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2019C0004

Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 004/19/COL tas-6 ta' Frar 2019 li temenda, għall-mitt u r-raba' darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat [2019/1008]

ĠU L 163, 20.6.2019, p. 110–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Mibdul minn E2021C0293

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1008/oj

20.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/110


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA Nru 004/19/COL

tas-6 ta' Frar 2019

li temenda, għall-mitt u r-raba' darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat [2019/1008]

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (“l-Awtorità”),

Wara li kkunsidrat:

il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), b'mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26,

il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b),

Billi:

Skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat.

Skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet indirizzati fil-Ftehim ŻEE, jekk dan il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jipprevedi dan b'mod speċifiku jew jekk l-Awtorità tikkunsidra li jkun meħtieġ.

Il-Kapitolu dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir (1) fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA skada fil-31 ta' Diċembru 2018.

Il-Kapitolu jikkorrispondi mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir (2), li wkoll skada fil-31 ta' Diċembru 2018.

Fid-19 ta' Diċembru 2018 il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni lill-Istati Membri dwar l-estensjoni tal-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir sal-31 ta' Diċembru 2020 (3).

L-estensjoni ġiet adottata mill-Kummissjoni fid-dawl tal-ħtieġa tal-kontinwità u ċ-ċertezza tad-dritt fit-trattament tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir. L-estensjoni allinjat ukoll id-data tal-iskadenza ta' dawk il-linji gwida ma' dawk tal-maġġoranza tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat f'konformità mal-programm dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, minħabba nuqqas ta' kapaċità ta' assigurazzjoni jew riassigurazzjoni li tkopri l-esportazzjonijiet lejn il-Greċja, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi t-tneħħija temporanja tal-Greċja mil-lista ta' pajjiżi ta' riskju kummerċjabbli sal-31 ta' Diċembru 2019.

Għandha tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat fiż-Żona Ekonomika Ewropea skont l-objettiv tal-omoġeneità stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ŻEE. Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti fl-istrumenti kollha ta' għajnuna mill-Istat, b'kunsiderazzjoni tal-ħtieġa għall-kontinwità u ċ-ċertezza tad-dritt fit-trattament tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir, u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fiż-Żona Ekonomika Ewropea, il-Kapitolu tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir jenħtieġ li jerġa' jiġi adottat.

Wara li kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsultat mal-Istati tal-EFTA,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kapitolu tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir jiġi adottat mill-ġdid b'effett mill-1 ta' Jannar 2019 bl-emendi li ġejjin:

L-ewwel sentenza tal-paragrafu 40 tal-Kapitolu dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandha tinqara kif ġej:

(40) L-Awtorità se tapplika l-prinċipji stabbiliti f'dawn il-Linji Gwida sal-31 ta' Diċembru 2020.

Il-Greċja se titneħħa temporanjament mil-lista ta' pajjiżi b'riskju kummerċjabbli fl-Anness tal-Kapitolu dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA sal-31 ta' Diċembru 2019.

Artikolu 2

L-unika verżjoni awtentika ta' din id-Deċiżjoni hija dik bil-lingwa Ingliża.

Deċiżjoni meħuda fi Brussell, fis-6 ta' Frar 2019.

Għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA

Bente ANGELL-HANSEN

Il-President

Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

Frank J. BÜCHEL

Membru tal-Kulleġġ

Högni KRISTJÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ

Carsten ZATSCHLER

Kontrofirmatarju bħala Direttur, Affarijiet Legali u Eżekuttivi


(1)  ĠU L 343, 19.12.2013, p. 54 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 71, 19.12.2013, p. 1, para. 40.

(2)  ĠU C 392, 19.12.2012, p. 1, para. 40.

(3)  ĠU C 457, 19.12.2018, p. 9.


Top