20.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/110


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA Nru 004/19/COL

tas-6 ta' Frar 2019

li temenda, għall-mitt u r-raba' darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat [2019/1008]

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (“l-Awtorità”),

Wara li kkunsidrat:

il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), b'mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26,

il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b),

Billi:

Skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat.

Skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet indirizzati fil-Ftehim ŻEE, jekk dan il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jipprevedi dan b'mod speċifiku jew jekk l-Awtorità tikkunsidra li jkun meħtieġ.

Il-Kapitolu dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir (1) fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA skada fil-31 ta' Diċembru 2018.

Il-Kapitolu jikkorrispondi mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir (2), li wkoll skada fil-31 ta' Diċembru 2018.

Fid-19 ta' Diċembru 2018 il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni lill-Istati Membri dwar l-estensjoni tal-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir sal-31 ta' Diċembru 2020  (3).

L-estensjoni ġiet adottata mill-Kummissjoni fid-dawl tal-ħtieġa tal-kontinwità u ċ-ċertezza tad-dritt fit-trattament tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir. L-estensjoni allinjat ukoll id-data tal-iskadenza ta' dawk il-linji gwida ma' dawk tal-maġġoranza tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat f'konformità mal-programm dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, minħabba nuqqas ta' kapaċità ta' assigurazzjoni jew riassigurazzjoni li tkopri l-esportazzjonijiet lejn il-Greċja, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi t-tneħħija temporanja tal-Greċja mil-lista ta' pajjiżi ta' riskju kummerċjabbli sal-31 ta' Diċembru 2019.

Għandha tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat fiż-Żona Ekonomika Ewropea skont l-objettiv tal-omoġeneità stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ŻEE. Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti fl-istrumenti kollha ta' għajnuna mill-Istat, b'kunsiderazzjoni tal-ħtieġa għall-kontinwità u ċ-ċertezza tad-dritt fit-trattament tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir, u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fiż-Żona Ekonomika Ewropea, il-Kapitolu tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir jenħtieġ li jerġa' jiġi adottat.

Wara li kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsultat mal-Istati tal-EFTA,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kapitolu tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir jiġi adottat mill-ġdid b'effett mill-1 ta' Jannar 2019 bl-emendi li ġejjin:

L-ewwel sentenza tal-paragrafu 40 tal-Kapitolu dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandha tinqara kif ġej:

(40) L-Awtorità se tapplika l-prinċipji stabbiliti f'dawn il-Linji Gwida sal-31 ta' Diċembru 2020.

Il-Greċja se titneħħa temporanjament mil-lista ta' pajjiżi b'riskju kummerċjabbli fl-Anness tal-Kapitolu dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA sal-31 ta' Diċembru 2019.

Artikolu 2

L-unika verżjoni awtentika ta' din id-Deċiżjoni hija dik bil-lingwa Ingliża.

Deċiżjoni meħuda fi Brussell, fis-6 ta' Frar 2019.

Għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA

Bente ANGELL-HANSEN

Il-President

Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

Frank J. BÜCHEL

Membru tal-Kulleġġ

Högni KRISTJÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ

Carsten ZATSCHLER

Kontrofirmatarju bħala Direttur, Affarijiet Legali u Eżekuttivi


(1)   ĠU L 343, 19.12.2013, p. 54 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 71, 19.12.2013, p. 1, para. 40.

(2)   ĠU C 392, 19.12.2012, p. 1, para. 40.

(3)   ĠU C 457, 19.12.2018, p. 9.