Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0900

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/900 tat-22 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar l-Artikolu 50 TUE ippresedut mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

    ĠU L 138, 25.5.2017, p. 138–139 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/900/oj

    25.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 138/138


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/900

    tat-22 ta' Mejju 2017

    dwar l-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar l-Artikolu 50 TUE ippresedut mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 240(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2009/881/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fid-29 ta' Marzu 2017, il-Kunsill Ewropew irċieva notifika mir-Renju Unit tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, biex b'hekk jitnieda l-proċess skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

    (2)

    Fid-29 ta' April 2017, il-Kunsill Ewropew adotta linji gwida kif previst fl-Artikolu 50(2) TUE. B'mod partikolari, huwa approva l-arranġamenti proċedurali stipulati fl-Anness għad-Dikjarazzjoni tas-27 Kap ta' Stat jew ta' Gvern kif ukoll il-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta' Diċembru 2016. Skont il-punt 4 ta' dak l-Anness, bejn il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat tar-rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper), megħjuna minn Grupp ta' Ħidma apposta bi president permanenti, ser jiżguraw li n-negozjati jitwettqu skont il-linji gwida tal-Kunsill Ewropew u d-direttivi ta' negozjar tal-Kunsill, u tiġi provduta gwida lin-negozjatur tal-Unjoni.

    (3)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi stabbilit Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar l-Artikolu 50 TUE (“Grupp ta' Ħidma ''ad hoc”) bi president permanenti.

    (4)

    Jenħtieġ li l-Grupp ta' Ħidma ad hoc jassisti lill-Coreper u lill-Kunsill fil-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Grupp ta' Ħidma ad hoc jassisti lill-Coreper u lill-Kunsill matul in-negozjati skont l-Artikolu 50 TUE, f'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew u d-direttivi ta' negozjar tal-Kunsill. Minbarra dan, il-Grupp ta' Ħidma ad hoc jista' jipprovdi assistenza dwar kwistjonijiet marbuta mal-proċess skont l-Artikolu 50 TUE li mhumiex ser jiġu nnegozjati mar-Renju Unit.

    (5)

    Billi l-proċess skont l-Artikolu 50 TUE huwa wieħed temporanju, jenħtieġ li l-Grupp ta' Ħidma ad hoc jieqaf jeżisti wara li jkun wettaq il-mandat tiegħu

    (6)

    Wara n-notifika skont l-Artikolu 50 TUE, il-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru li jkun ħiereġ ma għandux jipparteċipa fid-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill f'deċiżjonijiet li jkunu jikkonċernawh,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar l-Artikolu 50 TUE huwa b'dan stabbilit.

    Dan għandu jiġi ppresedut mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Il-Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar l-Artikolu 50 TUE għandu jassisti lill-Coreper u lill-Kunsill fil-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

    Dan għandu jieqaf jeżisti wara li jkun twettaq il-mandat tiegħu.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. GRECH


    (1)  ĠU L 315, 2.12.2009, p. 50.


    Top