Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1005

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1005 tat-22 ta' Ġunju 2016 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward il-fibri tal-asbestos (krisotilu) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/3722

    ĠU L 165, 23.6.2016, p. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1005/oj

    23.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 165/4


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1005

    tat-22 ta' Ġunju 2016

    li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward il-fibri tal-asbestos (krisotilu)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-entrata 6 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tipprojbixxi l-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-fibri tal-asbestos u tal-oġġetti u t-taħlitiet li fihom dawn il-fibri miżjuda intenzjonalment.

    (2)

    L-Istati Membri jistgħu jeżentaw it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' dijaframmi li fihom fibri tal-krisotilu għall-installazzjonijiet tal-elettroliżi eżistenti. Din kienet tinkludi l-possibbiltà li jiġi eżentat it-tqegħid fis-suq tal-fibri tal-krisotilu biex jintużaw fil-fabbrikazzjoni u l-manutenzjoni ta' tali dijaframmi u l-użu tal-fibri tal-krisotilu għal dawn il-finijiet.

    (3)

    Minn ħames istallazzjonijiet ta' elettroliżi li fl-2011 l-Istati Membri rrappurtaw (2) li kienu ikkonċedewlhom eżenzjoni, tnejn biss, fl-Iżvezja u l-Ġermanja, għadhom joperaw.

    (4)

    Fit-18 ta' Jannar 2013, b'mod li jikkonforma mal-obbligu fil-paragrafu 1 tal-entrata 6, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) biex tħejji dossier skont l-Anness XV f'konformità mal-Artikolu 69(1) tar-REACH bil-għan li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu ta' dijaframmi li fihom il-krisotilu. Fis-17 ta' Jannar 2014, l-Aġenzija ffinalizzat id-dossier tal-Anness XV, li pproponiet li temenda r-restrizzjoni eżistenti billi jiġi limitat it-tul tal-eżenzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri għat-tqegħid fis-suq u l-użu ta' dijaframmi li fihom il-krisotilu u l-fibri tal-krisotilu li jintużaw esklussivament fiż-żamma tagħhom sal-31 ta' Diċembru 2025 u li jippermetti lill-Istati Membri li jimponu rekwiżit ta' rappurtar li jippermetti monitoraġġ u infurzar aħjar.

    (5)

    Id-dossier wara ġie ppreżentat għall-konsultazzjoni pubblika u ġie sottomess għal eżami mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (minn hawn 'il quddiem ir-“RAC”) u mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (minn hawn 'il quddiem is-“SEAC”).

    (6)

    Fit- 26 ta' Novembru 2014, ir-RAC adotta opinjoni li kkonkludiet li f'impjant minnhom ma kien hemm l-ebda espożizzjoni tal-ħaddiema għall-krisotilu, u li fl-impjant l-ieħor l-esponiment kien qed jiġi minimizzat permezz ta' miżuri ta' mmaniġġjar tar-riskji li huma effettivi biex jikkontrollaw ir-riskji potenzjali mill-użu tal-krisotilu għal livell ta' riskju ta' periklu baxx. L-opinjoni kkonkludiet ukoll li ma l-krisotilu mhux joħroġ fl-ambjent u għalhekk il-benefiċċji tas-saħħa u tal-ambjent bl-għeluq immedjat taż-żewġ impjanti jkunu negliġibbli. Barra minn hekk, minħabba kunsiderazzjonijiet speċifiċi fil-proċess u t-teknoloġija użati f'wieħed mill-impjanti, ma kien hemm l-ebda alternattiva adattata.

    (7)

    Sabiex jippromwovi l-objettiv ta' eliminazzjoni gradwali tal-użu ta' krisotilu fl-UE u biex itejjeb iċ-ċarezza u t-trasparenza ta' eżenzjoni eżistenti, ir-RAC qabel mal-emenda proposta stabbilita fid-dossier tal-Anness XV. Id-dossier juri li hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

    (8)

    Fid-9 ta' Marzu 2015, is-SEAC adotta opinjoni li tinnota li f'impjant minnhom iċ-ċelloli li fihom l-asbestos għandhom jitneħħew sal-2025 u li fl-ieħor, l-operatur iddikjara li l-ittestjar tal-livell ta' produzzjoni tiegħu, u li jinsab għaddej bħalissa, bl-użu ta' dijaframmi ħielsa mill-krisotilu fl-installazzjoni li hemm bħalissa jista' jwassal għal sostituzzjoni sħiħa sa mhux aktar tard mill-2025. Is-SEAC ikkonkluda wkoll li l-għeluq immedjat ta' dan l-impjant se jirriżulta fi spejjeż f'termini ta' telf ta' valur miżjud u ta' impjiegi u ħa nota tal-impenn li l-operatur ta' dak l-impjant biex jitwaqqfu l-importazzjonijiet kollha tal-krisotilu sal-aħħar tal-2017. Minħabba l-għan ġenerali tal-eliminazzjoni gradwali tal-użu tal-krisotilu fl-UE u sabiex tittejjeb iċ-ċarezza u t-trasparenza tal-eżenzjoni eżistenti, is-SEAC irrakkomanda li t-tul tal-eżenzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri għat-tqegħid fis-suq ta' dijaframmi u ta' fibri għandu jkun limitat sa tmiem l-2017 u kkonkluda li l-emenda proposta tar-restrizzjoni eżistenti, kif modifikata mis-SEAC, hija l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni.

    (9)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/732/UE (3), li tistabbilixxi l-aqwa tekniki disponibbli (BAT) skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar l-emissjonijiet industrijali (IED), tistipula li l-użu tad-dijaframmi tal-asbestos ma huwiex meqjus bħala BAT u għaldaqstant il-kundizzjonijiet tal-permess għall-istallazzjonijiet tal-klor-alkali mħaddma fl-Unjoni jridu jiġu aġġornati sat-12 ta' Diċembru 2017 b'tali mod li dawn l-istallazzjonijiet ma jibqgħux jużaw id-dijaframmi tal-asbestos minn dik id-data. Madankollu, b'differenza għaċ-ċelluli tal-merkurju li taħt ebda ċirkustanza ma huma kkunsidrati bħala BAT, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, f'ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali, id-dijaframmi tal-asbestos jistgħu jintużaw f'installazzjoni partikolari għal perjodu itwal u definit f'kundizzjonijiet li jkunu konsistenti mal-għanijiet ambjentali tal-IED, sakemm il-kundizzjonijiet u d-dewmien ta' dan l-użu jkunu speċifikati b'mod li jorbot legalment.

    (10)

    Minn meta ġiet adottata l-opinjoni tas-SEAC, l-operatur tal-impjant fejn hija prevista sostituzzjoni sħiħa sal-2025 daħal fi ftehim vinkolanti mal-awtoritajiet tal-Istat Membru konċernat bil-ħsieb li mill-2014 'il quddiem tiġi ggarantita s-sostituzzjoni gradwali ta' dijaframmi li fihom il-krisotilu b'materjal alternattiv mingħajr asbestos u s-sostituzzjoni tiġi kompluta sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2025. Għalhekk huwa xieraq li t-tul ta' żmien tal-eżenzjoni mogħtija mill-Istati Membri biex jippermettu l-użu ta' dijaframmi li fihom il-krisotilu u ta' fibri tal-krisotilu li jintużaw esklussivament fil-manutenzjoni tagħhom hija limitatam, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2025.

    (11)

    Barra minn hekk, għalkemm skont il-ftehim vinkolanti, l-operatur qabel li jieqaf jimporta l-fibri tal-krisotilu u d-dijaframmi li fihom il-krisotilu sal-aħħar tal-2017, iktar tard huwa ikkonferma li l-importazzjonijiet kienu diġà waqqfu minħabba li kien xtara biżżejjed fibri tal-krisotilu biex jiġġestixxi t-tranżizzjoni għal materjal alternattiv. Għalhekk huwa xieraq li tintemm il-possibbiltà li tippermetti lill-Istati Membri jippermettu t-tqegħid fis-suq ta' dijaframmi li fihom il-krisotilu u l-fibri tal-krisotilu esklussivament għall-manutenzjoni tagħhom.

    (12)

    Rapport li jindika l-ammont ta' krisotili użati f'dijaframmi fl-istallazzjonijiet li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet għandu jiġi trasmess lill-Kummissjoni. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema diġà tipprevedi li min iħaddem għandu jesponi lill-ħaddiema għall-fibri tal-krisotilu l-inqas possibbli, u f'kull każ dejjem 'l isfel mil-limitu tal-valur stabbilit. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu valuri ta' limitu aktar stretti għal dawn il-fibri fl-arja u jistgħu jitolbu l-kejl/monitoraġġ regolari tagħhom. Ir-riżultati ta' tali kejl/monitoraġġ għandhom jiġu inklużi fir-rapport.

    (13)

    Saret konsultazzjoni mal-Forum għall-Iskambju tal-Informazzjoni dwar l-Infurzar u tqiesu r-rakkomandazzjonijiet ta' dan il-Forum.

    (14)

    Għalhekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

    (15)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  Eżenzjonijiet mogħtija mill-pajjiżi tal-UE u mill-Istati taż-ŻEE-EFTA dwar l-asbestos li jinsabu fl-Artikoli skont l-Entrata 6 tal-Anness XVII tar- Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH).

    http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/13170

    (3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/732/UE tad-9 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali. għall-produzzjoni tal-chlor-alkali (ĠU L 332, 11.12.2013, p. 34).

    (4)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).


    ANNESS

    Fl-Anness XVII, l-entrata 6, il-paragrafu 1 tal-kolonna 2 tiġi sostitwita b'dan li ġej:

     

    “1.

    Il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' dawn il-fibri u tal-oġġetti u t-taħlitiet li fihom dawn il-fibri miżjuda intenzjonalment, huma pprojbiti.

    Madankollu, jekk l-użu ta' dijaframmi li fihom il-krisotilu għall-installazzjonijiet tal-elettroliżi użati fit-13 ta' Lulju 2016 kien ġie eżentat minn Stat Membru f'konformità mal-verżjoni ta' dan il-paragrafu fis-seħħ sa dik id-data, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika qabel l-1 ta' Lulju 2025 għall-użu f'dawk l-istallazzjonijiet ta' tali dijaframmi jew ta' krisotili użati esklussivament fil-manutenzjoni ta' tali dijaframmi, sakemm dan l-użu jkunf'konformità mal-kundizzjonijiet ta' permess stabbilit f'konformità mad- Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

    Kwalunkwe utent downstream li jibbenefika minn tali eżenzjoni għandu jibgħat, sal-31 ta' Jannar ta' kull sena kalendarja, u lill-Istat Membru fejn tinsab l-installazzjoni tal-elettroliżi relevanti, rapport li jindika l-ammont ta' krisotili użati f'dijaframmi skont l-eżenzjoni. L-Istat Membru għandu jibgħat kopja lill-Kummissjoni Ewropea.

    Meta, sabiex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, Stat Membru jitlob il-monitoraġġ ta' krisotili fl-arja minn utenti downstream, ir-riżultati għandhom jiġu inklużi f'dak ir-rapport.



    Top