This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D2042
Commission Implementing Decision (EU) 2015/2042 of 13 November 2015 on the equivalence of the regulatory framework of Switzerland for central counterparties to the requirements of Regulation (EU) No 648/2012 of the European Parliament and of the Council on OTC derivatives, central counterparties and trade repositories
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2042 tat-13 ta' Novembru 2015 dwar l-ekwivalenza bejn il-qafas regolatorju tal-Iżvizzera għall-kontropartijiet ċentrali u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2042 tat-13 ta' Novembru 2015 dwar l-ekwivalenza bejn il-qafas regolatorju tal-Iżvizzera għall-kontropartijiet ċentrali u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet
ĠU L 298, 14.11.2015, p. 42–45
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
14.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 298/42 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2042
tat-13 ta' Novembru 2015
dwar l-ekwivalenza bejn il-qafas regolatorju tal-Iżvizzera għall-kontropartijiet ċentrali u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-proċedura għar-rikonoxximent tal-kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li l-istandards regolatorji tagħhom huma ekwivalenti għal dawk stipulati f'dan ir-Regolament li jipprovdu servizzi tal-ikklirjar lill-membri tal-ikklirjar jew lil ċentri ta' negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, din il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjoni ta' ekwivalenza prevista fiha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta' CCPs sikuri u sodi sabiex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra mill-borża (“OTC”), anke meta dawn is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz. |
(2) |
Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta' CCPs, l-eżitu sostanzjali tal-arranġamenti applikabbli legali u superviżorji għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. L-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa għalaqstant sabiex jiġi vverifikat li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżvizzera jiżguraw li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati hemm ma jesponux lil membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri ta' negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju milli dawn tal-aħħar jistgħu jkunu esposti għalih minn CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, bħala konsegwenza, ma joħolqux livelli sistemiċi ta' riskju li mhumiex aċċettabli fl-Unjoni. |
(3) |
Fl-1 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni rċeviet il-parir tekniku tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs awtorizzati fl-Iżvizzera. Dan il-parir tekniku jikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli, fuq livell ġuridizzjonali, jiżguraw li s-CCPs awtorizzati fl-Iżvizzera jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
(4) |
Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament. |
(5) |
Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
(6) |
Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Iżvizzera għal kontropartijiet ċentrali awtorizzati hemmhekk jikkonsistu fl-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali tat-18 ta' Marzu 2004 (“l-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali”) u r-regolamenti adottati skontha mill-Bank Nazzjonali Żvizzeru (“SNB”), flimkien mal-Att Federali dwar Banek u Banek tat-Tfaddil (“l-Att dwar il-Banek”) u l-ordinanzi u ċ-ċirkolari maħruġa mill-Awtorità Superviżjorja tas-Suq Finanzjarju Żvizzeru (“FINMA”). L-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali ġiet riveduta riċentement bl-għan li timplimenta l-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji (“il-PFMIs”) maħruġa mis-CPSS-IOSCO u li tikseb ekwivalenza mar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-qafas regulatorju rivedut identifika għadd ta' differenzi bejn ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli, f'livell ġuridiku, għas-CCPs fl-Iżvizzera, u r-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Madankollu, l-SNB ħareġ Rapport ta' Spjegazzjoni dwar ir-reviżjoni parzjali tal-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali li jipprovdi gwida interpretattiva dwar l-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali, u li fih spjega, b'mod partikulari, li l-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali riveduta timplimenta l-PFMIs u li l-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali għandha tiġi interpretata b'kont meħud tal-PFMIs u t-Titoli IV u V tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
(7) |
Barra minn hekk, is-CCPs awtorizzati fl-Iżvizzera għandhom jadottaw statuti, regolamenti tal-organizzazzjoni u r-regolament tal-kompetenzi u ċertu politiki organizzazzjonali (regolamenti u politiki organizzazzjonali), li jridu jippreskrivu fid-dettall il-mod li bih dawk is-CCP ser jissodisfaw dawk l-istandards b'konformità ma', kif spjegat fir-Rapport ta' Spjegazzjoni dwar ir-reviżjoni parzjali tal-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali, l-PFMIs u r-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
(8) |
Kemm l-SNB kif ukoll il-FINMA jikkondividu funzjonijiet regolatorji u superviżorji rigward is-CCPs u jikkoperaw fl-eżerċizzju ta' dawk il-funzjonijiet. Is-CCPs stabbiliti fl-Iżvizzera huma awtorizzati bħala banek mill-FINMA. Il-FINMA tista' teżenta lis-CCPs mill-konformità ma' ċerti dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Banek u tadatta d-dispożizzjonijiet tagħha biex tieħu in kunsiderazzjoni l-attivitajiet tal-ikklirjar u l-profil tar-riskju tas-CCPs. Iċ-ċirkolarijiet tal-FINMA jindirizzaw, fost affarijiet oħra, is-solvenza, il-governanza, l-immaniġġjar tar-riskju, l-awditjar u r-rappurtaġġ. |
(9) |
Għaldaqstant, ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Iżvizzera għandhom struttura fuq żewġ livelli. Il-prinċipji ewlenin għas-CCPs stabbiliti fl-Att dwar il-Banek u l-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali u r-regolamenti, l-ordnijiet u ċ-ċirkolari maħruġa skont dawn (“ir-regoli primarji”), jistabbilixxu l-istandards ta' livell għoli li s-CCPs iridu jkunu konformi magħhom sabiex jakkwistaw il-liċenzja biex jipprovdu sevizzi tal-ikklirjar fl-Iżvizzera. Dawn ir-regoli primarji jikkostitwixxu l-ewwel livell ta' rekwiżiti legalment vinkolanti fl-Iżvizzera. Sabiex jagħtu prova tal-konformità mar-regoli primarji, is-CCPs awtorizzati fl-Iżvizzera jridu jissottomettu r-regolamenti u l-politiki organizzazzjonali tagħhom lill-FINMA għall-approvazzjoni. Dawn ir-regolamenti u politiki organizzazzjonali jikkostitwixxu t-tieni livell ta' rekwiżiti legalment vinkolanti fl-Iżvizzera. Ladarba jiġu approvati mill-FINMA, dawn ir-regolamenti u politiki organizzazzjonali jsiru legalment vinkolanti fuq is-CCP. Dawk ir-regolamenti u l-politiki għalhekk jiffurmaw parti integrali mill-arranġamenti legali u superviżorji li s-CCP awtorizzata fl-Iżvizzera trid tikkonforma magħhom. Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli primarji jew mar-regolamenti u politiki organizzazzjonali tas-CCP, il-FINMA għandha s-setgħa li tieħu azzjonijiet amministrattivi kontra s-CCP, inkluż ir-revoka tal-liċenzja bankarja tas-CCP kkonċernata. |
(10) |
Ir-regoli primarji applikabbli għas-CCPs, ikkumplimentati mir-regolamenti u l-politiki organizzazzjonali tagħhom, jagħtu riżultati sostanzjali ekwivalenti għall-effetti tar-regoli li jinsabu fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. B'mod partikolari, ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs attwalment awtorizzati fl-Iżvizzera rigward in-numru ta' inadempjenzi koperti mir-riżorsi finanzjarji totali, ir-riskju tal-likwidità, il-kontinwità tan-negozju, ir-rekwiżiti tal-kollateral, il-politika ta' investiment, ir-riskju tas-saldu, is-segregazzjoni u l-portabilità, il-kalkolu ta' marġni inizjali u l-governanza, inklużi r-rekwiżiti organizzazzjonali, ir-rekwiżiti relatati mal-maniġment għoli, il-kumitat tar-riskju, iż-żamma tar-rekords, il-parteċipazzjonijiet kwalifikanti, l-informazzjoni trażmessa lill-awtorità kompetenti, il-kunflitt ta' interess, l-esternalizzazzjoni u t-tmexxija tan-negozju, jagħtu riżultati sostanzjali ekwivalenti għal dawk stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012, u għalhekk għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti. |
(11) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżvizzera jiżguraw li s-CCPs awtorizzati hemmhekk jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
(12) |
Skont it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżvizzera fir-rigward ta' CCPs awtorizzati hemmhekk iridu jipprovdu għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi ta' dawn is-CCPs fuq bażi kontinwa. |
(13) |
Is-CCPs awtorizzati fl-Iżvizzera huma soġġetti għal superviżjoni kontinwa mill-FINMA u sorveljanza kontinwa mill-SNB, bl-għan li jimmonitorjaw it-tkomplija tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti regolatorji applikabbli l-oħra. Is-CCPs awtorizzati fl-Iżvizzera huma soġġetti għal awditu annwali. Is-CCPs għandhom jipprovdu lill-entità tal-awditjar bl-informazzjoni mitluba għat-twettiq tal-awditu. Jekk l-entità tal-awditjar tidentifika ksur tad-dispożizzjonijiet superviżorji jew irregolaritajiet oħra, din tagħti lis-CCP kkonċernata perjodu biex terġa' tistabbilixxi l-konformità u tinforma lill-FINMA jekk il-konformità ma tiġix restawrata. F'każ ta' ksur serju tad-dispożizzjonijiet ta' superviżjoni jew ta' irregolaritajiet serji, l-entità tal-awditjar tinnotifika lill-FINMA direttament. Barra minn hekk, kemm is-CCPs kif ukoll l-entitajiet tal-awditjar jridu jipprovdu lill-FINMA bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex twettaq il-kompiti tagħha u għandhom jirrappurtaw minnufih lilha kull inċident li huwa ta' importanza sostanzjali għas-superviżjoni. Barra minn hekk, il-FINMA twettaq ukoll analiżijiet fuq il-post immirati, tirrevedi rapporti perjodiċi u tiltaqa' regolarment mal-amministrazzjoni u l-persunal tas-CCP. |
(14) |
Il-FINMA tista' tadotta miżuri speċifiċi meta tikkonkludi li jkun sar ksur tal-arranġamenti legali u superviżorji. B'mod partikolari, il-FINMA tista' timponi projbizzjoni fuq persuna milli taġixxi f'pożizzjoni maniġerjali jew tikkonfiska l-profitti magħmula bħala riżultat ta' ksur. Il-FINMA tista' wkoll taħtar aġent ta' investigazzjoni biex jinvestiga ċ-ċirkostanzi speċifiċi rigward il-ksur tal-arranġamenti legali u superviżorji jew biex jimplimenta l-miżuri ta' superviżjoni li tkun ordnat. Is-CCP taħt investigazzjoni għandha tagħti lill-aġent ta' investigazzjoni aċċess għall-kwartieri tagħha u tipprovdi l-informazzjoni u d-dokumenti kollha lill-uffiċjal ta' investigazzjoni li jkun qed iwettaq l-investigazzjoni. Fl-aħħar nett, il-FINMA tista' wkoll tirrevoka l-liċenzja bankarja ta' CCP jew tikkanċella r-reġistrazzjoni tagħha f'każ li ma tibqax tikkonforma mal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli u tista' toħroġ direttivi lill-korpi governattivi tas-CCP. |
(15) |
L-SNB jissorvelja s-CCPs b'kooperazzjoni mal-FINMA. B'mod partikolari, l-SNB huwa responsabbli għall-ivvalutar tal-konformità tas-CCPs mar-rekwiżiti minimi stipulati fl-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali. Is-CCPs għandhom jipprovdu lis-SNB bl-informazzjoni meħtieġa biex jivvaluta l-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti minimi u jissottomettu ruħhom għal spezzjonijiet fuq il-post. B'mod partikolari, is-CCPs għandhom jissottomettu rapporti perjodiċi u ad hoc lill-SNB u jinfurmawh minn qabel bi kwistjonijiet jew tibdil speċifiċi. L-SNB jista' wkoll jimponi penali u sanzjonijiet oħra f'każ li l-informazzjoni jew provi mitluba mill-SNB ma jingħatawx, ma jirrispettawx ir-rekwiżiti formali, ma jkunux kompluti jew ma jkunux preċiżi. Sabiex iwettaq il-valutazzjonijiet tiegħu, l-SNB jistrieħ fuq firxa wiesgħa ta' informazzjoni, inklużi awtovalutazzjoni u dokumentazzjoni interna tas-CCP, rapporti ta' awditu, kif ukoll rapporti regolari u laqgħat mal-maniġment u l-persunal tas-CCP. L-SNB joħroġ rakkomandazzjonijiet għal CCPs li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti minimi stipulati fl-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali. Jekk is-CCP kkonċernata tonqos milli tikkonforma mar-rakkomandazzjoni, l-SNB joħroġ ordni. Jekk is-CCP ma tikkonformax mal-ordni, l-SNB jista' jinforma lill-FINMA bis-sejbiet tiegħu, u din tista' tieħu azzjonijiet superviżorji u ta' infurzar addizzjonali fil-konfront ta' CCP. |
(16) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżvizzera rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk jipprovdu għal superviżjoni u infurzar effettivi tas-CCPs fuq bażi kontinwa. |
(17) |
Skont it-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżvizzera jridu jinkludu sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent tas-CCPs awtorizzati skont reġimi legali ta' pajjiżi terzi (“is-CCPs ta' pajjiżi terzi”). |
(18) |
Is-CCPs ta' pajjiż terz jistgħu japplikaw għal rikonoxximent mal-FINMA, li jippermettilhom li jipprovdu servizzi fl-Iżvizzera. Ir-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi fl-Iżvizzera huwa bbażat fuq l-eżistenza fil-pajjiż terz ikkonċernat ta' sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi. L-SNB jista' wkoll jindika CCP ta' pajjiż terz bħala sistemikament importanti għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji Żvizzeri u jista' jirrilaxxaha mill-konformità mar-rekwiżiti minimi stipulati mill-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali, sakemm ir-reġim legali u superviżorju ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti u l-arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz għas-superviżjoni tas-CCPs ikunu ġew konklużi. Is-CCPs rikonoxxuti għandhom ukoll jirrapportaw u jinformaw lill-FINMA dwar kwistjonijiet speċifiċi. Madankollu, ir-rekwiżiti ta' rrappurtar u ta' informazzjoni li għandhom jingħataw lill-FINMA mis-CCPs rikonoxxuti ma jaffettwawx il-funzjonijiet superviżorji li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz huma responsabbli għalihom. |
(19) |
Għalhekk, għandu jitqies li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżvizzera jipprovdu għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiż terz. |
(20) |
Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu għalhekk jitqiesu milħuqa mill-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżvizzera rigward CCPs awtorizzati hemmhekk u dawn l-arranġamenti legali u superviżorji għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-Kummissjoni għandha tkompli tagħmel monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju għas-CCPs fl-Iżvizzera, u tara li qed jitwettqu l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni. |
(21) |
Ir-reviżjoni regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fl-Iżvizzera għas-CCPs awtorizzati hemmhekk għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin barra l-ambitu tal-analiżi ġenerali, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-deċiżjoni. Tali valutazzjoni mill-ġdid tista' twassal għall-irtirar tar-rikonoxximent tal-ekwivalenza. |
(22) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżvizzera li jikkonsistu fl-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali u r-regolamenti adottati skontha, l-Att Federali dwar il-Banek u l-Banek tat-Tfaddil u l-ordinanzi u ċ-ċirkolari maħruġa skont dan l-Att, kif ikkomplimentati mir-Rapport ta' Spjegazzjoni dwar ir-reviżjoni parzjali tal-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali li jipprovdi gwida interpretattiva dwar l-Ordinanza tal-Bank Nazzjonali u applikabbli għas-CCPs awtorizzati bihom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.