This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014L0111
Commission Implementing Directive 2014/111/EU of 17 December 2014 amending Directive 2009/15/EC with regard to the adoption by the International Maritime Organization (IMO) of certain Codes and related amendments to certain conventions and protocols Text with EEA relevance
Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/111/UE tas- 17 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2009/15/KE fir-rigward tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ta' ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f'ċerti konvenzjonijiet u protokolli Test b'rilevanza għaż-ŻEE
Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/111/UE tas- 17 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2009/15/KE fir-rigward tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ta' ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f'ċerti konvenzjonijiet u protokolli Test b'rilevanza għaż-ŻEE
ĠU L 366, 20.12.2014, p. 83–87
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
20.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 366/83 |
DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/111/UE
tas-17 ta' Diċembru 2014
li temenda d-Direttiva 2009/15/KE fir-rigward tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ta' ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f'ċerti konvenzjonijiet u protokolli
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (1), u b'mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 7(2) tagħha,
Filwaqt li taġixxi b'konformità mal-proċedura ta' kontroll ta' konformità stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS) (2),
Billi:
(1) |
B'konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw sabiex jiddefinixxu, kif xieraq, pożizzjoni jew approċċ komuni fil-fora kompetenti internazzjonali bl-iskop li jitnaqqsu r-riskji ta' kunflitt bejn il-leġiżlazzjoni marittima tal-Unjoni u strumenti internazzjonali. |
(2) |
Id-Direttiva 2009/15/KE, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), tifforma liġi waħda koerenti fejn l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti jiġu rregolati b'mod konsistenti skont l-istess prinċipji u definizzjonijiet. B'konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/15/KE, jekk Stat Membru jiddeċiedi, fir-rigward ta' vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu, li jawtorizza organizzazzjoni sabiex twettaq f'ismu l-ispezzjonijiet u l-perizji relatati maċ-ċertifikati statutorji, dan għandu jafda dawn id-dmirijiet biss f'idejn organizzazzjoni rikonoxxuta, li, skont l-Artikolu 2(g) ta' dik id-Direttiva, tfisser organizzazzjoni rikonoxxuta skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009. Għaldaqstant, is-sett ta' regoli li abbażi tagħhom jiġu rikonoxxuti l-organizzazzjonijiet ikkonċernati għandu impatt fuq iż-żewġ atti. |
(3) |
It-teminu “konvenzjonijiet internazzjonali” kif iddefinit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2009/15/KE ifisser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sikurezza tal-Ħajja fuq il-Baħar tal-1 ta' Novembru 1974 (“il-Konvenzjoni SOLAS”) bl-eċċezzjoni tal-kapitolu XI-2 tal-Anness tagħha, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija tal-5 ta' April 1966 (“il-Konvenzjoni tal-Linji tat-Tagħbija” u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri tat-2 ta' Novembru 1973 (“il-Konvenzjoni MARPOL”), flimkien mal-protokolli u l-emendi tagħhom, u l-kodiċijiet ta' status mandatorju relatati magħhom fl-Istati Membri kollha, fil-verżjoni aġġornata tagħhom. |
(4) |
L-Assemblea tal-IMO fit-28 sessjoni tagħha adottat Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO (il-Kodiċi III), kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-IMO A.1070(28) tal-4 ta' Diċembru 2013, kif ukoll emendi għall-Konvenzjoni tal-Linji tat-Tagħbija, bl-iskop li tagħmel il-Kodiċi III obbligatorju, flimkien ma' skema assoċjata ta' verifika tal-Istat tal-bandiera, kif inhu stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-IMO A.1083(28) tal-4 ta' Diċembru 2013. |
(5) |
Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-IMO fis-66 sessjoni tiegħu adotta emendi għall-Protokoll tal-1978 relatat mal-Konvenzjoni MARPOL, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni MEPC.246(66) tal-4 ta' April 2014, u għall-Protokoll tal-1997 relatat mal-Konvenzjoni MARPOL, kif immodifikat mill-Protokoll tal-1978 relatat magħha, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni MEPC.247(66) tal-4 ta' April 2014, bil-għan li jagħmel il-Kodiċi III obbligatorju, flimkien ma' skema assoċjata ta' verifika tal-Istat tal-bandiera. |
(6) |
Il-Kumitat għas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-IMO fit-93 sessjoni tiegħu adotta emendi għall-Konvenzjoni SOLAS, kif stipulat fir-riżoluzzjoni MSC.366(93) tat-22 ta' Mejju 2014, u għall-Protokoll tal-1988 relatat mal-Konvenzjoni tal-Linji tat-Tagħbija, kif stipulat fir-riżoluzzjoni MSC.375(93) tat-22 ta' Mejju 2014, bil-għan li jagħmel il-Kodiċi III obbligatorju, flimkien ma' skema assoċjata ta' verifika tal-Istat tal-bandiera. |
(7) |
L-MEPC fil-65 sessjoni tiegħu u l-MSC fit-92 sessjoni tiegħu adottaw Kodiċi tal-IMO dwar Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti (il-Kodiċi RO), kif stipulat fir-riżoluzzjoni MSC.349(92) tal-21 ta' Ġunju 2013. |
(8) |
L-MEPC fil-65 sessjoni tiegħu adotta emendi għall-Protokoll tal-1978 relatati mal-Konvenzjoni MARPOL bil-għan li jagħmel il-Kodiċi RO obbligatorju, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni MEPC.238(65) tas-17 ta' Mejju 2013. |
(9) |
L-MSC fit-92 sessjoni tiegħu adotta emendi għall-Konvenzjoni SOLAS u għall-Protokoll tal-1988 relatat mal-Konvenzjoni tal-Linji tat-Tagħbija bil-għan li jagħmel il-Kodiċi RO obbligatorju, kif stabbilit fir-riżoluzzjonijiet MSC.350(92) u MSC.356(92) tal-21 ta' Ġunju 2013. |
(10) |
Għaldaqstant il-Kodiċijiet III u RO huma mistennija li jidħlu fis-seħħ matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2015 u l-1 ta' Jannar 2018 b'konformità mar-regoli applikabbli dwar l-adozzjoni, ir-ratifika u d-dħul fis-seħħ ta' emendi taħt kull waħda mill-konvenzjonijiet tal-IMO ikkonċernati. |
(11) |
Fit-13 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/268/UE dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fir-rigward tal-adozzjoni ta' ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f'ċerti konvenzjonijiet u protokolli (4). B'konformità mal-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni, il-Kunsill awtorizza l-Istati Membri li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni u soġġett għad-dikjarazzjoni stabbilita fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni, bl-emendi msemmija fil-premessi (4) sa (9) ta' din id-Direttiva. |
(12) |
Id-dikjarazzjoni annessa mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/268/UE tiddikjara li l-Istati Membri jikkunsidraw li l-Kodiċi III u l-Kodiċi RO fihom sett ta' rekwiżiti minimi li fuqhom l-Istati jistgħu jelaboraw u jtejbu kif meħtieġ għat-tisħiħ tas-sikurezza marittima u għall-protezzjoni tal-ambjent. |
(13) |
Tiddikjara wkoll li xejn fil-Kodiċi III jew fil-Kodiċi RO ma għandu jinftiehem li jirristrinġi jew jillimita bi kwalunkwe mod it-twettiq tal-obbligi tal-Istati Membri taħt il-liġi tal-Unjoni fir-rigward tad-definizzjoni ta' “ċertifikati statutorji” u “ċertifikati ta' klassi”, tal-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligiu l-kriterji stipulati għal organizzazzjonijiet rikonoxxuti, u tad-dmirijiet tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tar-rikonoxximent, il-valutazzjoni u, fejn ikun il-każ, l-impożizzjoni ta' miżuri korrettivi jew sanzjonijiet fuq organizzazzjonijiet rikonoxxuti. L-istess dikjarazzjoni tgħid li, fil-każ ta' verifika tal-IMO, l-Istati Membri se jiddikjaraw li hija biss il-konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li l-Istati Membri jkunu aċċettaw, anke fit-termini ta' din id-dikjarazzjoni, li għandha tiġi vverifikata. |
(14) |
Fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni, il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/15/KE kif ukoll dak tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 jinkludu referenzi għall-“konvenzjonijiet internazzjonali” kif deskritti fil-premessa (3). F'dan il-qafas, emendi għal konvenzjonijiet tal-IMO jiddaħħlu b'mod awtomatiku fil-liġi tal-Unjoni fl-istess ħin li jidħlu fis-seħħ fil-livell internazzjonali, inklużi l-kodiċijiet relatati ta' status obbligatorju bħalma huma l-kodiċijiet III u RO, li għaldaqstant jifformaw parti mill-istrumenti tal-IMO rilevanti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/15/KE. |
(15) |
L-emendi lill-konvenzjonijiet internazzjonali jistgħu madankollu jkunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni marittima tal-Unjoni skont il-proċedura ta' kontroll ta' konformità jekk ikunu jissodisfaw tal-inqas wieħed miż-żewġ kriterji stipulati fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002. |
(16) |
Il-Kummissjoni evalwat l-emendi għall-konvenzjonijiet tal-IMO b'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 u ddeterminat li jeżistu numru ta' diskrepanzi bejn il-Kodiċi III u l-Kodiċi RO, fuq naħa, u d-Direttiva 2009/15/KE u r-Regolament (KE) Nru 391/2009, fuq in-naħa l-oħra. |
(17) |
L-ewwel punt: il-paragrafu 16.1 tal-parti 2 tal-Kodiċi III jipprevedi lista minima ta' riżorsi u proċessi li l-Istati tal-bandiera għandhom jistabbilixxu, inkluża d-dispożizzjoni ta' struzzjonijiet amministrattivi li jappartjenu, fost l-oħrajn, għaċ-ċertifikati ta' klassi tal-vapuri rikjesti mill-Istat tal-Bandiera sabiex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti strutturali, mekkaniċi, elettriċi, u/jew oħrajn ta' konvenzjoni internazzjonali li l-Istat tal-bandiera jkun jagħmel parti minnha jew il-konformità ma' rekwiżit tar-regolament nazzjonali tal-Istat tal-bandiera. Madankollu, kif inhu mfisser fil-premessa (21) hawn taħt, il-liġi tal-Unjoni tagħmel distinzjoni bejn ċertifikati statutorji u ċertifikati ta' klassi. Tal-aħħar huma dokumenti ta' natura privata u la huma atti ta' Stat tal-bandiera u lanqas ma huma maħruġin f'isem xi Stat tal-bandiera. Din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi III fil-fatt tirreferi għall-Kapitolu II-1 tas-SOLAS, il-Parti A-1, ir-Regolament 3-1, li jipprovdi li l-vapuri għandhom ikunu ddisinjati, mibnija u miżmuma b'konformità mar-rekwiżiti strutturali, mekkaniċi u elettriċi ta' soċjetà ta' klassifikazzjoni li tkun rikonoxxuta mill-Amministrazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament XI-1/1. 1. Il-konvenzjoni SOLAS tidentifika b'mod ċar il-vapur jew ir-rappreżentazzjoni legali tiegħu vis-à-vis l-Istat tal-bandiera bħala l-oġġett ta' dan ir-rekwiżit. Barra minn hekk, meta taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala soċjetà ta' klassi, organizzazzjoni rikonoxxuta toħroġ ċertifikati tal-klassi tal-vapuri li jkunu konformi mar-regoli, mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-arranġamenti kuntrattwali proprji tagħha, li l-Istat tal-Bandiera ma jagħmilx sehem minnhom. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi III tikkontradixxi d-delineazzjoni tal-klassi u tal-attivitajiet statutorji kif stipulata fil-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti. |
(18) |
It-tieni punt: il-paragrafu 18.1 tal-parti 2 tal-Kodiċi III jirrikjedi li l-Istat tal-bandiera jiddetermina, “fir-rigward ta' dawk il-vapuri biss li huma intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu”, li organizzazzjoni rikonoxxuta jkollha riżorsi adegwati f'termini ta' kapaċitajiet tekniċi, maniġerjali u ta' riċerka sabiex twettaq id-dmirijiet fdati f'idejha. B'kuntrast għal dan, taħt il-liġi tal-Unjoni dan l-aspett huwa indirizzat bħala rekwiżit għall-finijiet tar-rikonoxximent kif rifless fil-kriterju a.3 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, u fir-rigward tal-flotta sħiħa fil-klassi tal-organizzazzjoni kkonċernata, mingħajr distinzjoni bbażata fuq il-bandiera. Kieku d-dispożizzjoni ta' hawn fuq tal-Kodiċi III kellha tiġi inkorporata fil-liġi tal-Unjoni, din tillimita l-applikazzjoni tal-kriterju A.3 fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 għall-prestazzjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta biss għar-rigward ta' vapuri li jtarju l-bandiera ta' Stati Membri, b'kontradizzjoni għar-rekwiżiti li hemm fis-seħħ bħalissa. |
(19) |
It-tielet punt: il-paragrafu 19 tal-parti 2 tal-Kodiċi III jintroduċi l-projbizzjoni li Stat tal-bandiera ma jistax jagħti l-mandat lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tiegħu li japplikaw għall-vapuri, ħlief dawk intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu, kwalunkwe rekwiżiti li jappartjenu, fost l-oħrajn, għar-regoli, ir-rekwiżiti u l-proċeduri tagħhom dwar il-klassifikazzjoni. Skont id-Direttiva 2009/15/KE, l-Istati Membri jistgħu biss jawtorizzaw organizzazzjoni sabiex taġixxi f'isimhom għaċ-ċertifikazzjoni statutorja tal-flotta rispettiva tagħhom jekk dik l-organizzazzjoni tkun ġiet rikonoxxuta u tkun qed tiġi monitorjata għal dak il-għan skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009. F'dan il-qafas, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jridu jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti fl-attivitajiet rilevanti tagħhom rigward il-flotta kklassifikata kollha tagħhom, irrispettivament mill-bandiera. Dan jorbot mal-biċċa l-kbira tal-kriterji stipulati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, kif ukoll ma' obbligi oħrajn, b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) ta' dak ir-Regolament. Kieku d-dispożizzjoni ta' hawn fuq tal-Kodiċi III kellha tiġi inkorporata fil-liġi tal-Unjoni, fost l-oħrajn din tillimita l-applikazzjoni tar-rekwiżiti eżistenti dwar ir-rikonoxximent fir-Regolament (KE) Nru 391/2009 kemm-il darba jkunu jikkwalifikaw bħala regoli, rekwiżiti u proċeduri għall-prestazzjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta biss fir-rigward ta' vapuri li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri. |
(20) |
Ir-raba' punt: it-taqsima 1.1 tal-parti 2 tal-Kodiċi RO tiddefinixxi “Organizzazzjoni Rikonoxxuta” bħala organizzazzjoni li ġiet ivvalutata minn Stat tal-bandiera, u li nstabet konformi mal-parti 2 tal-Kodiċi RO. B'kuntrast, l-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2009/15/KE jipprevedi li organizzazzjoni rikonoxxuta hija “organizzazzjoni rikonoxxuta skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009”. Abbażi tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni mogħtija fil-premessi (21)-(23), jidher li diversi dispożizzjonijiet fil-parti 2 tal-Kodiċi RO huma inkompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 391/2009. Għaldaqstant, organizzazzjoni rikonoxxuta kif iddefinita fil-Kodiċi RO ma tonorax ir-rekwiżiti kollha tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 u għalhekk ma tistax tissodisfa d-definizzjoni ta' organizzazzjoni rikonoxxuta kif inhu stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
(21) |
Il-ħames punt: it-taqsima 1.3 tal-parti 2 tal-Kodiċi RO tiddefinixxi “ċertifikazzjoni u servizzi statutorji” bħala kategorija waħda ta' attivitajiet li organizzazzjoni rikonoxxuta tkun intitolata li twettaq f'isem l-Istat tal-bandiera, inkluż il-ħruġ ta' ċertifikati li jappartjenu kemm għar-rekwiżiti statutorji kif ukoll ta' klassi. B'kuntrast, id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(i) u (k) tad-Direttiva 2009/15/KE jagħmlu distinzjoni ċara bejn “ċertifikati statutorji”, li huma dawk iċ-ċertifikati maħruġin minn Stat tal-bandiera jew f'ismu skont il-konvenzjonijiet internazzjonali, u “ċertifikati tal-klassi”, li huma dawk id-dokumenti maħruġin minn organizzazzjoni rikonoxxuta li, fil-kapaċità tagħha ta' soċjetà ta' klassifikazzjoni, tiċċertifika li vapur ikun adatt għal użu jew servizz partikolari skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti u magħmulin pubbliċi minn dik l-organizzazzjoni rikonoxxuta. Minn dan isegwi li, skont il-liġi tal-Unjoni, iċ-ċertifikati statutorji u ċ-ċertifikati tal-klassi huma distinti u għandhom naturi differenti. Jiġifieri, iċ-ċertifikati statutorji huma ta' natura pubblika, waqt li ċ-ċertifikati tal-klassi huma ta' natura privata, għax jinħarġu mis-soċjetà ta' klassifikazzjoni skont ir-regoli, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet proprji tagħha. Għalhekk iċ-ċertifikati ta' klassifikazzjoni maħruġin minn organizzazzjoni rikonoxxuta għal vapur bħala affermazzjoni tal-konformità mar-regoli u l-proċeduri ta' klassifikazzjoni, inkluż meta vverifikati minn Stat tal-bandiera bħala prova ta' konformità mal-Kapitolu II-I tas-SOLAS, il-Parti A-1, ir-Regolament 3-1, huma dokumenti ta' natura strettament privata li la huma atti tal-Istat tal-bandiera u lanqas jitwettqu f'isem xi Stat tal-bandiera. Madankollu fil-Kodiċi RO jingħad sistematikament li “ċertifikazzjoni u servizzi statutorji” jitwettqu mill-RO “f'isem l-Istat tal-bandiera” u hekk tinħoloq kontradizzjoni fid-distinzjoni legali stabbilita fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Minkejja din il-kontradizzjoni, din id-dispożizzjoni fil-Kodiċi RO, jekk tiġi aċċettata bħala norma fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni, iġġib magħha riskju ċar li r-rekwiżiti dwar ir-rikonoxximent li hemm fir-Regolament (KE) Nru 391/2009 u li jappartjenu għall-attività kollha kemm hi tal-organizzazzjoni, irrispettivament mill-bandiera, ma jkunux jistgħu jiġu infurzati iktar fi ħdan l-UE. Minħabba r-rabta bejn iż-żewġ strumenti kif inhu mfisser fil-premessa (2), dan ir-riskju huwa wkoll rilevanti għad-Direttiva 2009/15/KE. |
(22) |
Is-sitt punt: it-taqsima 3.9.3.1. tal-parti 2 tal-Kodiċi RO tipprovdi għal mekkaniżmu ta' kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti taħt il-qafas waħdieni stabbilit mill-Istat tal-bandiera bil-għan li jiġu standardizzati l-proċessi li jikkonċernaw iċ-ċertifikazzjoni u s-servizzi statutorji għall-Istat tal-bandiera, kif meħtieġ; waqt li t-taqsima 3.9.3.2 tal-parti 2 tal-istess Kodiċi tistabbilixxi qafas “minn Stat tal-bandiera jew grupp ta' Stati tal-bandiera” sabiex tiġi rregolata l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tagħhom dwar aspetti tekniċi u ta' sikurezza ta' “ċertifikazzjoni u servizzi statutorji ta' vapuri […] f'isem l-imsemmi(ja) Stat(i) tal-bandiera”. B'kuntrast, il-kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet rikonoxxuti taħt il-liġi tal-Unjoni hija rregolata mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, li jirrikjedi li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jżommu l-ekwivalenza u jimmiraw għall-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tagħhom u tal-implimentazzjoni tagħhom, u jistabbilixxi qafas għall-għarfien reċiproku ta' ċertifikati tal-klassi ta' materjali, tagħmir u komponenti, f'każi xierqa. Dawn iż-żewġ proċessi ta' kooperazzjoni taħt l-Artikolu 10(1) jappartjenu għal attivitajiet privati tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, fil-kapaċità tagħhom bħala soċjetajiet tal-klassifikazzjoni, u għalhekk japplikaw mingħajr distinzjoni abbażi ta' bandiera. Għaldaqstant kieku l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni previsti fil-Kodiċi RO kellhom jiġu inkorporati fil-liġi tal-Unjoni, dawn jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas ta' kooperazzjoni stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 391/2009 għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti fir-rigward ta' vapuri li jtajru l-bandiera ta' Stati Membri biss, b'kontradizzjoni mar-rekwiżit li attwalment huma fis-seħħ. |
(23) |
Is-seba' punt: it-taqsima 3.9.3.3 tal-parti 2 tal-Kodiċi RO hija identika għall-paragrafu 19 tal-parti 2 tal-kodiċi III; għaldaqstant il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-premessa (19) huma rilevanti bl-istess mod għad-dispożizzjoni tal-kodiċi RO. |
(24) |
Xejn fil-Kodiċi III jew fil-Kodiċi RO ma għandu jqiegħed xi restrizzjoni fuq il-kapaċità tal-Unjoni li tistabbilixxi, skont it-Trattati u l-liġi internazzjonali, kundizzjonijiet adattati għall-għoti ta' rikonoxximent lil organizzazzjonijiet li jkunu jixtiequ li jiġu awtorizzati mill-Istati Membri sabiex iwettqu perizji fuq il-vapuri u attivitajiet ta' ċertifikazzjoni f'isimhom, bil-għan li jilħqu l-objettivi tal-Unjoni u b'mod partikolari li jsaħħu s-sikurezza marittima u l-protezzjoni tal-ambjent. |
(25) |
L-iskema għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-klassi għall-materjal, it-tagħmir u l-komponenti stabbiliti bl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 hija eżegwibbli biss fl-Unjoni fir-rigward ta' vapuri li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru. F'dak li jikkonċerna bastimenti barranin, l-aċċettazzjoni ta' tali ċertifikati tibqa' fid-diskrezzjoni tal-Istati tal-bandiera mhux tal-UE rilevanti huma u jeżerċitaw il-ġuriżdizzjoni esklużiva tagħhom, jiġifieri skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS). |
(26) |
Abbażi tal-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi III u tal-Kodiċi RO imsemmija fil-premessi preċedenti huma inkompatibbli mad-Direttiva 2009/15/KE, jew mar-Regolament (KE) Nru 391/2009 u konsegwentement mad-Direttiva 2009/15/KE minħabba r-rabta bejn iż-żewġ strumenti kif spjegat fil-premessa (2), u għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Direttiva. Għaldaqstant l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2009/15/KE għandu jiġi emendat kif meħtieġ. |
(27) |
Minħabba li l-Kodiċi RO jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015, din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ mill-aktar fis, eżatt wara li tiġi ppubblikata. |
(28) |
Il-Kumitat tal-Ibħra Siguri u tal-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (il-COSS) ma tax opinjoni dwra il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva. Kien inħass li kien neċessarju att ta' implimentazzjoni u l-president ressaq l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni lill-kumitat tal-appelli għal aktar deliberazzjoni. Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-kumitat tal-appelli, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/15/KE, il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:
“(d) |
‘konvenzjonijiet internazzjonali’ tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sikurezza tal-Ħajja fuq il-Baħar tal-1 ta' Novembru 1974 (SOLAS 74) bl-eċċezzjoni tal-kapitolu XI-2 tal-Anness tagħha, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija tal-5 ta' April 1966 u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġiż mill-Vapuri tat-2 ta' Novembru 1973 (MARPOL) flimkien mal-protokolli u l-emendi tagħhom, u l-kodiċijiet ta' status mandatorju relatati magħhom fl-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 16.1, 18.1 u 19 tal-parti 2 tal-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-IMO, u tat-taqsimiet 1.1, 1.3, 3.9.3.1, 3.9.3.2, 3.9.3.3 tal-parti 2 tal-Kodiċi tal-IMO dwar Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti, fil-verżjoni aġġornata tagħhom.” |
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2015, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2016.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ l-għada li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 131, 28.5.2009, p. 47.
(2) ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11).