EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1370

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1370/2014 tad- 19 ta' Diċembru 2014 li jistipula għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib fil-Finlandja

ĠU L 366, 20.12.2014, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1370/oj

20.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 366/18


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1370/2014

tad-19 ta' Diċembru 2014

li jistipula għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-produtturi tal-ħalib fil-Finlandja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Awwissu 2014, il-gvern Russu introduċa projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti mill-Unjoni lejn ir-Russja, inklużi prodotti tal-ħalib.

(2)

B'aktar minn 25 % tal-produzzjoni tagħha tal-ħalib esportata lejn ir-Russja, valur li jirrappreżenta l-64 % tat-total tal-esportazzjonijiet tagħha tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib lil pajjiżi terzi, il-Finlandja tgħodd fost l-Istati Membri li l-produzzjoni tal-ħalib tagħhom kienet l-aktar dipendenti fuq l-esportazzjonijiet lejn ir-Russja qabel l-introduzzjoni tal-projbizzjoni.

(3)

Il-prezzijiet tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjendi agrikoli esperjenzaw tnaqqis f'daqqa f'Settembru 2014, li jista' jiġi attribwit b'mod esklussiv lill-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet. Filwaqt li l-prezz tal-ħalib medju fil-Finlandja huwa relattivament għoli meta kkumparat mal-prezzijiet fl-Unjoni b'mod ġenerali, l-ispejjeż tal-produzzjoni fil-Finlandja huma l-ogħla fl-Unjoni.

(4)

Il-kontinwità tas-settur Finlandiż tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib hija mhedda mill-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet, hekk kif dak is-settur kien investa fi prodotti b'valur miżjud għoli maħsuba biex jissodisfaw il-gosti u l-ħtiġijiet tas-suq Russu. Prodotti tal-ħalib immanifatturati għas-suq Russu jridu jiġu assorbiti mis-suq bl-imnut Finlandiż bi prezzijiet imnaqqsa. Is-settur jeħtieġ iż-żmien biex isib żbokki ġodda jew biex jadatta l-produzzjoni għal prodotti ġodda li jistgħu jissodisfaw id-domanda. Id-dipendenza fuq l-intervent pubbliku u l-ħżin privat hija insuffiċjenti biex tindirizza din it-theddida.

(5)

Għalhekk, sabiex jiġi indirizzat ix-xkiel eżistenti fis-suq b'mod effiċjenti u effettiv, huwa xieraq li tingħata għajnuna lill-Finlandja fil-forma ta' pakkett finanzjarju ta' darba bil-ħsieb li jingħata appoġġ lill-produtturi tal-ħalib li huma affettwati mill-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet u, bħala riżultat, jiltaqgħu ma' problemi ta' likwidità.

(6)

Il-pakkett finanzjarju disponibbli għall-Finlandja għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta' kwoti nazzjonali tal-produzzjoni tal-ħalib 2013/2014, u proporzjonali għat-tnaqqis osservat fil-prezzijiet tal-ħalib. Sabiex ikun żgurat li l-appoġġ ikun immirat għal dawk il-produtturi affettwati mill-projbizzjoni filwaqt li jitqies il-baġit limitat tar-riżorsi, il-Finlandja għandha tqassam dak l-ammont abbażi ta' kriterji oġġettivi u b'mod mhux diskriminatorju, filwaqt li tevita kwalunkwe distorsjoni tas-suq u tal-kompetizzjoni.

(7)

Minħabba li l-pakkett finanzjarju allokat lil kull Stat Membru kkonċernat se jikkumpensa biss parti limitata mit-telf reali mġarrab mill-produtturi, il-Finlandja għandha titħalla tagħti appoġġ addizzjonali lill-produtturi tal-ħalib.

(8)

L-appoġġ addizzjonali għandu jingħata taħt l-istess kondizzjonijiet ta' oġġettività, nuqqas ta' diskriminazzjoni u nuqqas ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u għandu jqis l-għajnuna nazzjonali li l-produtturi jkunu rċevew għall-istess għan fuq il-bażi tal-Artikolu 142 tal-Att ta' Adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja.

(9)

L-għajnuna prevista f'dan ir-Regolament għandha tingħata bħala miżura ta' appoġġ tas-swieq agrikoli skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(10)

Minħabba raġunijiet ta' baġit, l-Unjoni għandha tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Finlandja b'rabta mal-appoġġ finanzjarju tal-produtturi tal-ħalib meta dawn il-pagamenti jsiru sa ċertu data ta' skadenza.

(11)

Sabiex tiżgura t-trasparenza u l-monitoraġġ flimkien mal-amministrazzjoni xierqa tal-ammont disponibbli għaliha, il-Finlandja għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar il-kriterji oġġettivi użati biex ikunu ddeterminati l-metodi biex jingħata l-appoġġ u d-dispożizzjonijiet meħuda biex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(12)

Sabiex ikun żgurat li l-produtturi tal-ħalib jirċievu l-appoġġ malajr kemm jista' jkun, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw dan ir-Regolament minnufih. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Unjoni tal-ammont totali ta' EUR 10 729 307 għandha tkun disponibbli għall-Finlandja bħala appoġġ immirat għall-produtturi tal-ħalib milquta mill-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti tal-Unjoni.

Il-Finlandja għandha tuża dan l-ammont abbażi ta' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, dment li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri kkonċernati għandhom iqisu l-firxa tal-effetti tal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjonijiet fuq il-produtturi kkonċernati.

Il-Finlandja għandha tagħmel dawk il-pagamenti sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2015.

Artikolu 2

Il-Finlandja tista' tagħti appoġġ addizzjonali lill-produtturi tal-ħalib li jirċievu l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1, sa massimu daqs l-ammont stipulat f'dak l-Artikolu.

L-appoġġ addizzjonali għandu jingħata taħt l-istess kondizzjonijiet ta' oġġettività, nuqqas ta' diskriminazzjoni u nuqqas ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u għandu jqis l-għajnuna nazzjonali li l-produtturi jkunu rċevew għall-istess għan fuq il-bażi tal-Artikolu 142 tal-Att ta' Adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja.

Il-Finlandja għandha tħallas l-appoġġ addizzjonali sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2015.

Artikolu 3

Il-Finlandja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b'dan li ġej:

(a)

minnufih u mhux aktar tard mit-30 ta' April 2015, il-kriterji oġġettivi użati biex ikunu ddeterminati l-metodi biex jingħata l-appoġġ immirat u l-miżuri meħuda biex tkun evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

(b)

mhux iktar tard mill-31 ta' Lulju 2015, l-ammonti totali tal-għajnuna mħallsa u l-għadd u t-tip ta' benefiċjarji.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).


Top