EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0857

2009/857/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta' Diċembru 2007 dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 9 C(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 205(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea bejn l- 1 ta' Novembru 2014 u l- 31 ta' Marzu 2017 min-naħa l-waħda, u mill- 1 ta' April 2017 min-naħa l-oħra

ĠU L 314, 1.12.2009, p. 73–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/857/oj

1.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/73


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Diċembru 2007

dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 9 C(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 205(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea bejn l-1 ta' Novembru 2014 u l-31 ta' Marzu 2017 min-naħa l-waħda, u mill-1 ta' April 2017 min-naħa l-oħra

(2009/857/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Billi:

(1)

Huwa kkunsidrat xieraq li jiġu adottati dispożizzjonijiet li jippermettu transizzjoni bla xkiel mis-sistema ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, kif definit fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, li ser jibqa' japplika sal-31 ta' Ottubru 2014,għas-sistema ta' votazzjoni prevista fl-Artikolu l-Artikolu 9 C(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 205(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, li għandha tapplika mill-1 ta' Novembru 2014, inkluż, matul perijodu transitorju sal-31 ta' Marzu 2017, dispożizzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 3(2), tal-Protokoll imsemmi hawn fuq.

(2)

Huwa mfakkar li l-prattika tal-Kunsill hija li jiddedika kull sforz biex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika ta' l-atti adottati bil-maġġoranza kwalifikata,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

TAQSIMA 1

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI BEJN L-1 TA' NOVEMBRU 2014 U L-31 TA' MARZU 2017

Artikolu 1

Bejn l-1 ta' Novembru 2014 u l-31 ta' Marzu 2017, jekk membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw:

(a)

mill-inqas tliet kwarti tal-popolazzjoni, jew

(b)

mill-inqas tliet kwarti ta' l-għadd ta' Stati Membri

meħtieġa biex jikkostitwixxu minoranza li timblokka b'riżultat ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu l-Artikolu 9 C(4), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 205(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, jindikaw l-oppożizzjoni tagħhom għall-adozzjoni ta' att mill-Kunsill bil-maġġoranza kwalifikata, il-Kunsill għandu jiddiskuti din il-kwistjoni.

Artikolu 2

Il-Kunsill għandu, matul dawn id-diskussjonijiet, jagħmel kull ma jkun fis-setgħa tiegħu sabiex isib soluzzjoni sodisfaċenti, fi żmien raġonevoli u bla ħsara għat-termini perentorji stabbiliti bil-liġi ta' l-Unjoni, sabiex jindirizza t-tħassib imqajjem mill-membri tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Għal dan il-għan, il-President tal-Kunsill, bl-assistenza tal-Kummissjoni u filwaqt li jirrispetta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill, għandu jieħu kwalunkwe inizjattiva meħtieġa biex jiffaċilita l-kisba ta' ftehim fuq bażi aktar wiesgħa fil-Kunsill. Il-membri tal-Kunsill għandhom jagħtuh l-għajnuna tagħhom.

TAQSIMA 2

DISPOŻIZZJONIJIET LI GĦANDHOM JIĠU APPLIKATI MILL-1 TA' APRIL 2017

Artikolu 4

Mill-1 ta' April 2017, jekk membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw:

(a)

mill-inqas 55 % tal-popolazzjoni, jew

(b)

mill-inqas 55 % ta' l-għadd ta' Stati Membri

meħtieġa biex jikkostitwixxu minoranza li timblokka b'riżultat ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu l-Artikolu 9 C(4), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 205(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, jindikaw l-oppożizzjoni tagħhom għall-adozzjoni ta' att mill-Kunsill bil-maġġoranza kwalifikata, il-Kunsill għandu jiddiskuti din il-kwistjoni.

Artikolu 5

Il-Kunsill għandu, matul din id-diskussjoni, jagħmel kull ma jista' biex jilħaq soluzzjoni sodisfaċenti, fi żmien raġonevoli u bla ħsara għat-termini perentorji stabbiliti fil-liġi ta' l-Unjoni, biex jindirizza t-tħassib imqajjem mill-membri tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 6

Għal dan il-għan, il-President tal-Kunsill, bl-assistenza tal-Kummissjoni u filwaqt li jirrispetta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill, għandu jieħu kwalunkwe inizjattiva meħtieġa biex jiffaċilita l-kisba ta' ftehim fuq bażi aktar wiesgħa fil-Kunsill. Il-membri tal-Kunsill għandhom jagħtuh l-għajnuna tagħhom.

TAQSIMA 3

DĦUL FIS-SEĦĦ

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AMADO


Top