EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0811

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 811/2007 tal- 11 ta’ Lulju 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 917/2004 dwar ir-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 797/2004 dwar miżuri li jtejbu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ l-apikultura

ĠU L 182, 12.7.2007, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/08/2015; Impliċitament imħassar minn 32015R1366

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/811/oj

12.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 182/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 811/2007

tal-11 ta’ Lulju 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 917/2004 dwar ir-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 797/2004 dwar miżuri li jtejbu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ l-apikultura

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 797/2004 tas-26 ta’ April 2004 dwar miżuri li jtejbu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ l-apikultura (1), u partikolarment l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

Biex jiġi evitat kull riskju ta’ ambigwità, jeħtieġ li l-Artikolu 2, paragrafu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 917/2004 (2) jistabbilixxi b’mod ċar li l-miżuri fil-programmi dwar l-apikultura għandhom jiġu implimentati qabel tmiem is-sena li jirreferu għaliha.

(2)

Il-possibbiltà li jiġu emendati l-limiti finanzjarji ta’ kull miżura fi programm dwar l-apikultura matul l-eżerċizzju annwali, mingħajr ma tali emendi ma jiġu approvati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 797/2004, attwalment hija limitata għal massimu ta’ 20 % ta’ dawk il-limiti finanzjarji.

(3)

Dan il-limitu ta’ 20 % huwa meqjus bħala wieħed restrittiv mil-lat ta’ amministrazzjoni, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni. Għalhekk dan għandu jitneħħa.

(4)

Bil-għan li tinkiseb simplifikazzjoni, l-adattament tal-miżuri tal-programmi dwar l-apikultura tul sena jista’ jsir iktar flessibbli u b’hekk ikunu jistgħu jitneħħew il-limiti f’allokazzjoni baġitarja ġdida skond it-tip ta’ miżuri fi ħdan il-baġit allokat għal kull Stat Membru.

(5)

Jeħtieġ ikun hemm dispożizzjonijiet biex l-adattament tal-miżuri tal-programmi dwar l-apikultura jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni minħabba li ma kienx sar hekk fil-programm triannwali kkomunikat inizjalment.

(6)

Għaldaqstant, jeħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 917/2004 jiġi emendat.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni għal-Laħam tat-Tjur u għall-Bajd,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 917/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 għandu jinbidel kif ġej:

(a)

it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa mħassar;

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel sentenza għandha tinbidel bit-test li ġej:

“Il-miżuri tal-programmi dwar l-apikultura, previsti għal kull sena matul il-perjodu ta’ tliet snin, għandhom jiġu applikati bi sħiħ sal-31 ta’ Awwissu tas-sena li matulha jkun qed jitwettaq l-eżerċizzju, li jirreferu għaliha.”

(2)

L-Artikolu 6 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Sakemm jibqgħu konformi ma’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 797/2004, il-miżuri tal-programmi dwar l-apikultura jistgħu jiġu adattati matul l-eżerċizzju annwali. Il-limiti finanzjarji ta’ kull waħda mill-miżuri msemmija jistgħu jiġu emendati sakemm ma jinqabiżx il-limitu totali tal-previżjonijiet ta’ l-ispejjeż annwali u li l-kontribut finanzjarju tal-Komunità fil-programmi dwar l-apikultura ma jaqbiżx il-50 % ta’ l-ispejjeż ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’kull abbozz ta’ adattament tal-miżuri matul l-eżerċizzju annwali skond l-ewwel paragrafu minħabba li ma kienx sar hekk fil-programm triannwali kkomunikat inizjalment. Jekk il-Kummissjoni ma toġġezzjonax, l-adattament previst isir applikabbli mill-ewwel jum tat-tieni xahar minn wara n-notifika msemmija.

Sa mhux aktar tard minn xahrejn wara kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummmissjoni sommarju ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-ispejjeż skond l-azzjoni.”

(3)

L-Artikolu 7 huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 125, 28.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 163, 30.4.2004, p. 83. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2006 (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 52).


Top