Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007L0035

    Direttiva tal-Kummissjoni 2007/35/KE tat- 18 ta’ Ġunju 2007 li temenda, għall-għanijiet ta’ l-adattament tagħha għall-progress tekniku, id-Direttiva tal-Kunsill 76/756/KEE rigward l-istallazzjoni ta’ dawl u mezzi ta’ senjalazzjoni bid-dawl fuq vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 157, 19.6.2007, p. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2014; Impliċitament imħassar minn 32009R0661

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/35/oj

    19.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 157/14


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/35/KE

    tat-18 ta’ Ġunju 2007

    li temenda, għall-għanijiet ta’ l-adattament tagħha għall-progress tekniku, id-Direttiva tal-Kunsill 76/756/KEE rigward l-istallazzjoni ta’ dawl u mezzi ta’ senjalazzjoni bid-dawl fuq vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur u bil-karrijiet tagħhom (1), u partikolarment it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 13(2) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/756/KEE tas-27 ta’ Lulju ta’ l-1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-iffissar tad-dawl u mezzi ta’ senjalazzjoni bid-dawl fuq vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 76/756/KEE hija waħda mid-Direttivi separati fil-kuntest tal-proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE stabbilita bid-Direttiva 70/156/KEE. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 70/156/KEE dwar sistemi komponenti u unitajiet tekniċi għall-vetturi għalhekk japplikaw għad-Direttiva 76/756/KEE.

    (2)

    Sabiex tiżdied is-sigurtà fit-toroq billi tittejjeb il-preżenza ta’ trakkijiet kbar u l-karrijiet tagħhom għandu jiddaħħal l-obbligu biex jitwaħħlu sinjali retro riflettivi fuq dawn il-vetturi fid-Direttiva 76/756/KEE.

    (3)

    Sabiex tkun tista’ tikkunsidra emendi oħra tar-Regolament NU/ECE Nru 48 (3), li l-Komunità diġà vvutat dwaru, huwa xieraq li tiġi adottata d-Direttiva 76/756/KEE għall-progress tekniku billi din tiġi allinjata mal-ħtiġijiet tekniċi ta’ dan ir-Regolament NU/ECE. Fl-interess taċ-ċarezza, l-Anness II tad-Direttiva 76/756/KEE għandu jinbidel.

    (4)

    Id-Direttiva Nru 76/756/KEE għandha għalhekk tiġi emendata.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Addattament għall-Progress Tekniku,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness II tad-Direttiva 76/756/KEE qiegħed jinbidel bl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    B’effett mill-10 ta’ Lulju 2011, jekk ma jkunx hemm konformità mal-ħtiġijiet stipulati fid-Direttiva 76/756/KEE, kif emendati b’din id-Direttiva, l-Istati Membri, fuq il-bażi li għandha x’taqsam ma’ l-installazzjoni tad-dawl u mezzi ta’ senjalazzjoni bid-dawl għandu jikkunsidra, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 70/156/KEE, ċ-Ċertifikati ta’ Konformità li jakkumpanjaw vetturi ġodda bħala mhux iktar validi għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 7(1) ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mid-9 ta’ Lulju 2008, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Għandhom mingħajr dewmien jipprovdu lill-Kummissjoni bit-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella korrispendenti bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-10 ta’ Lulju 2008.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-riferenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Ġunju 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Günter VERHEUGEN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2006/96/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 81).

    (2)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/28/KE (ĠU L 171, 30.6.1997, p. 1).

    (3)  ĠU L 137, 30.5.2007, p. 1.


    ANNESS

    “ANNESS II

    1.

    Il-ħtiġiet tekniċi huma dawk stipulati fil-paragrafi 2, 5 u 6 tar-Regolament NU-ECE Nru 48 (*) u l-Annessi 3 sa 9 tiegħu.

    2.

    Għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 1, japplika dan li ġej:

    (a)

    ‘Vettura mhux mgħobbija’ tfisser vettura li l-massa tagħha hija deskritta fil-punt 2.6 ta’ l-Appendiċi 1 ta’ l-Anness 1 ta’ din id-Direttiva, mingħajr sewwieq;

    (b)

    ‘Il-formula ta’ komunikazzjoni’ għandha tinftiehem bħala ċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip stabbilit fl-Appendiċi 2 ta’ l-Anness I ta’ din id-Direttiva;

    (c)

    ‘Partijiet Kontraenti għar-regolamenti rispettivi’ għandhom jinftiehmu bħala Stati Membri;

    (d)

    Ir-referenza għar-Regolament Nru. 3 għandha titqies bħala referenza għad-Direttiva 76/757/KEE;

    (e)

    In-nota ta’ qiegħ il-paġna (2) fil-paragrafu 2.7.25 ma għandhiex tapplika;

    (f)

    In-nota ta’ qiegħ il-paġna (8) fil-paragrafu 6.19 ma għandhiex tapplika;

    (g)

    In-nota ta’ qiegħ il-paġna (1) fl-Anness 5 għandha tinftiehem kif ġej: ‘Għad-definizzjonijiet tal-kategoriji, ara l-Anness II A tad-Direttiva 70/156/KEE’.

    3.

    Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 8(2)(a) u (c) u (3) tad-Direttiva 70/156/KEE, ta’ dan l-Anness u għal kwalunkwe rekwiżit fi kwalunkwe direttiva separata, l-istallazzjoni ta’ dawl jew mezzi ta’ senjalazzjoni bid-dawl għajr dawk definiti fil-paragrafu 2.7. tar-Regolament NU/ECE Nru 48 hija pprojbita.


    (*)  ĠU L 137, 30.5.2007, p. 1.”


    Top