EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0679

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 679/2007 tat- 18 ta’ Ġunju 2007 li jiffissa l-ammont ta’ l-għajnuna għall-ħawħ għall-ipproċessar għas-sena tas-suq 2007-2008

ĠU L 157, 19.6.2007, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/679/oj

19.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 157/12


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 679/2007

tat-18 ta’ Ġunju 2007

li jiffissa l-ammont ta’ l-għajnuna għall-ħawħ għall-ipproċessar għas-sena tas-suq 2007-2008

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija,

Wara li kkunsidrat l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u partikolarment l-Artikolu 41 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (1), u partikolarment l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2003 tad-29 ta’ Awissu 2003 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 rigward l-iskema tal-għajnuna għall-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjex ta’ l-ikel (2) jipprovdi li l-Kummissjoni tippubblika, qabel il-31 ta’ Mejju, l-ammont ta’ l-għajnuna applikabbbli għall-ħawħ għall-ipproċessar.

(2)

Għall-Istati Membri tal-Komunità kif kienet fil-31 ta’ Diċembru 2006, l-eżami tar-rispett tal-limiti tal-garanzija Komunitarji u nazzjonali għall-ipproċessar tal-ħawħ, imsemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96, għandu jiġi stabbilit abbażi tal-kwantitajiet megħjuna matul l-aħħar tliet snin tas-suq li għalihom ikunu disponibbli d-data definittivi għall-Istati Membri kollha kkonċernati.

(3)

Il-kwantità medja tal-ħawħ ipproċessat taħt l-iskema ta’ għajnuna matul l-aħħar tliet snin tas-suq hija anqas mil-limitu Komunitarju. L-għajnuna li għandha tapplika għas-sena tas-suq 2007-2008 f’kull Stat Membru kkonċernat għandha għalhekk tkun l-ammont stipulat fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96.

(4)

Il-mekkaniżmu tal-kalkolu tal-limiti nazzjonali għall-ipproċessar ipprovdut bl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 ma japplikax immedjatament għall-Bulgarija u r-Rumanija. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti miżuri transitorji għall-applikazzjoni tiegħu. Għas-sena tas-suq 2007-2008, li għaliha ma hemmx data disponibbli għall-eżami tar-rispett tal-limiti tal-garanzija Komunitarji u nazzjonali għall-ipproċessar tal-ħawħ, u għal finijiet ta’ prekawzjoni, huwa f’loku li jkun ipprovdut tnaqqis minn qabel ta’ l-għajnuna, li għalih tingħata rifużjoni jekk il-limitu ma jinqabiżx sa tmiem is-sena tas-suq.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għal prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjex,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għas-sena tas-suq 2007-2008, l-ammont ta’ l-għajnuna għall-ħawħ skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 għandu jkun EUR 47.70 l-tunnellata għall-Istati Membri tal-Komunità kif kienet fil-31 ta’ Diċembru 2006.

2.   Għall-Bulgarija u r-Rumanija, l-għajnuna għall-ħawħ taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 għandu jkun EUR 35.78 l-tunnellata.

Artikolu 2

1.   Jekk il-limitu Komunitarju ma jkunx inqabeż meta jsir il-kalkolu tar-rispett tal-limitu tas-sena tas-suq 2007-2008, ammont supplimentari ekwivalenti għal 25 % ta’ l-għajnuna stabbilita bl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 għandu jitħallas fil-Bulgarija u fir-Rumanija wara s-sena tas-suq 2007-2008.

2.   F’każ li l-limitu Komunitarju jkun inqabeż, jew jekk fil-Bulgarija jew fir-Rumanija l-limitu ma jkunx inqabeż jew ikun inqabeż b’inqas minn 25 %, għandu jitħallas ammont addizzjonali f’dawn l-Istati Membri wara s-sena tas-suq 2007-2008.

L-ammont addizzjonali msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun stabbilit abbażi ta’ l-ammont li bih ikun inqabeż il-limitu nazzjonali kkonċernat, sa massimu ta’ 25 % ta’ l-għajnuna stipulata fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96.

3.   Għall-eżami tar-rispett tal-limiti nazzjonali ta’ l-ipproċessar, u biss għall-Bulgarija u r-Rumanija, għas-sena tas-suq 2007-2008 l-kalkolu għandu jsir abbażi tal-kwantitajiet li fil-fatt ikunu ġew megħjuna matul is-sena tas-suq 2007-2008.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 297, 21.11.1996, p. 29. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 386/2004 (ĠU L 64, 2.3.2004, p. 25).

(2)  ĠU L 218, 30.8.2003, p. 14. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1663/2005 (ĠU L 267, 12.10.2005, p. 22).


Top