Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0919

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 919/2005 tat- 13 ta' Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 827/2004 fir-rigward tal-projbizzjoni ta' l-importazzjoni tat-tonn t' għajnu kbira ta' l-atlantiku impurtat mill-Kambodja, mill-Ginea Ekwatorjali u mis-Sierra Leone, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 826/2004 li jiprojbixxi l-importazzjoni tat-tonn tax-xewka kaħla mill-Ginea Ekwatorjali u mis-Sierra Leone u r-Regolament (KE) Nru 828/2004 li jiprojbixxi l-importazzjoni tal-pixxispad mis-Sierra Leone

    ĠU L 156, 18.6.2005, p. 1–2 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 182–183 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/03/2014; Impliċitament imħassar minn 32014R0249

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/919/oj

    16.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    182


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 919/2005

    tat-13 ta' Ġunju 2005

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 827/2004 fir-rigward tal-projbizzjoni ta' l-importazzjoni tat-tonn t' għajnu kbira ta' l-atlantiku impurtat mill-Kambodja, mill-Ginea Ekwatorjali u mis-Sierra Leone, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 826/2004 li jiprojbixxi l-importazzjoni tat-tonn tax-xewka kaħla mill-Ginea Ekwatorjali u mis-Sierra Leone u r-Regolament (KE) Nru 828/2004 li jiprojbixxi l-importazzjoni tal-pixxispad mis-Sierra Leone

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Il-Komunità ilha Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku ffirmata f’ Rio de Janeiro fl-14 ta’ Mejju 1966, kif emendata mill-Protokoll anness ma’ l-Att Finali tal-Konferenza ta’ Plenipotenzjarji ta’ l-Istati li huma Partijiet għall-Konvenzjoni ffirmata f’Pariġi fl-10 ta’ Lulju 1984 (“il-Konvenzjoni ICCAT”) sa mill-14 ta’ Novembru 1997, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE (1)

    (2)

    Il-Konvenzjoni ICCAT tipprovdi qafas għal kooperazzjoni reġjonali fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn u l-ispeċi li jixbaħ it-tonn fl-Oċean Atlantiku u l-ibħra li jmissu miegħu permezz tal-ħolqien ta’ Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku (“l-ICCAT”) u l-adozzjoni minn dan il-korp ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li jorbtu lill-Partijiet Kontraenti.

    (3)

    Fl-1998, l-ICCAT adottat ir-risoluzzjoni 98-18 dwar il-qabdiet ta' tonn mhux dikjarati u mhux skond ir-regolamenti minn bastimenti kbar li jużaw il-konzijiet fiż-żona ta’ Konservazzjoni. Din ir-risoluzzjoni tistabbilixxi proċeduri għall-identifikazzjoni ta’ pajjiżi li l-bastimenti tagħhom kienu stadu għat-tonn u għal speċi li jixbaħ it-tonn b’mod li naqqas l-effetività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni ta’ l-ICCAT. Din speċifikat ukoll miżuri li għandhom jittieħdu, li jinkludu jekk meħtieġ miżuri restrittivi tal-kummerċ mhux diskriminatorji fil-forma ta’ projbizzjonijiet ta' l-importazzjoni, sabiex iżżomm lil dawk il-bastimenti tal-pajjiżi milli jkomplu din l-attività ta’ sajd.

    (4)

    Mill-adozzjoni tar-risoluzzjoni 98-18, l-ICCAT identifikat il-Bolivja, il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, il-Ġeorġia u s-Sierra Leone bħala pajjiżi li l-bastimenti tagħhom jistadu għat-tonn t' għajnu kbira ta’ l-Atlantiku (Thunnus obesus) b’mod li jnaqqas l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni ta’ l-organizzazzjoni u li jsaħħu l-konklużjonijiet tagħha b’data rigward il-qabdiet, il-kummerċ u l-attivitajiet tal-bastimenti.

    (5)

    L-ICCAT identifikat ukoll il-Ginea Ekwatorjali u s-Sierra Leone bħala pajjiżi li l-bastimenti tagħhom jistadu għat-tonn tax-xeka kaħla ta’ l-Atlantiku (Thunnus thynnus) b’mod li jnaqqas l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni ta’ l-organizzazzjoni.

    (6)

    L-ICCAT apparti hekk identifikat is-Sierra Leone bħala pajjiż li l-bastimenti tiegħu jistadu għall-pixxispad ta' l-Atlantiku (Xiphias gladius) b’mod li jnaqqas l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tagħha.

    (7)

    L-importazzjonijiet ta’ tonn t' għajnu kbira ta’ l-Atlantiku li joriġinaw fil-Bolivja, Kambodja, Ginea Ekwatorjali, Ġeorġia u s-Sierra Leone fil-preżent huma projbiti mir-Regolament (KE) Nru 827/2004 (2).

    (8)

    L-importazzjonijiet ta’ tonn tax-xewka kaħla ta’ l-Atlantiku li joriġinaw fil-Bolivja, Kambodja, Ginea Ekwatorjali, Ġeorġia u s-Sierra Leone fil-preżent huma projbiti mir-Regolament (KE) Nru 826/2004 (3).

    (9)

    L-importazzjonijiet tal-pixxispad ta’ l-Atlantiku li joriġinaw fis-Sierra Leone fil-preżent huma fil-preżent projbiti mir-Regolament (KE) Nru 828/2004 (4).

    (10)

    Fl-14-il Laqgħa Speċjali fl-2004, l-ICCAT għarfet l-isforzi magħmula mill-Kambodja, Ginea Ekwatorjali u s-Sierra Leone biex jindirizzaw it-tħassib tagħha u adottat rakkomandazzjonijiet biex tneħħi miżuri restrittivi tal-kummerċ fil-konfront ta’ dawn it-tliet pajjiżi.

    (11)

    Ir-Reġolament (KE) Nru 827/2004 għandu għalhekk jiġi emendat.

    (12)

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 826 u 828/2004 għandhom għalhekk jiġu mħassra,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 qiegħed hawn jiġi emendat kif ġej:

    1)

    Fl-Artikolu 2(1), “il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali u s-Sierra Leone” g]andha tiġi mħassra;

    2)

    Fl-Artikolu 3 “Il-Bolivja, il-Ġeorġia u s-Sierra Leone” għandha tiġi mibdula minn “il-Bolivja u l-Ġeorġia”.

    Artikolu 2

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 826 u 828/2004 għandhom jiġu mħassra.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, 13 ta' Ġunju 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ASSELBORN


    (1)  ĠU L 162, tat-18.6.1986, p. 33.

    (2)  ĠU L 127, tad-29.4.2004, p. 21.

    (3)  ĠU L 127, tad-29.4.2004, p. 19.

    (4)  ĠU L 127, tad-29.4.2004, p. 23.


    Top