EUR-Lex L'accès au droit de l'Union européenne

Retour vers la page d'accueil d'EUR-Lex

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 62021CN0508

Kawża C-508/21 P: Appell ippreżentat fit-18 ta’ Awissu 2021 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fid-9 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-47/19, Dansk Erhverv vs Il-Kummissjoni

ĠU C 2, 3.1.2022, p. 14–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 2/14


Appell ippreżentat fit-18 ta’ Awissu 2021 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fid-9 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-47/19, Dansk Erhverv vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-508/21 P)

(2022/C 2/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky, T. Maxian Rusche, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Dansk Erhverv, Danmarks Naturfredningsforening, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Interessengemeinschaft der Grenzhändler (IGG)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tagħti deċiżjoni fil-Kawża T-47/19 Danske Erhverv vs Il-Kummissjoni, billi tannulla t-Taqsima 3.3 tad-deċiżjoni kkontestata (1);

tikkundanna lir-rikorrent fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-appell;

tikkundanna lil kull parti u lil kull intervenjent għall-ispejjeż rispettivi tiegħu tal-proċeduri fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi kkonstatat li s-suċċess tat-tielet parti tal-motiv uniku jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha. Din il-konstatazzjoni tikser l-Artikolu 264 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Il-Kummissjoni vs Département de Loiret u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

F’Il-Kummissjoni vs Département de Loiret, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 264 TFUE kif ġej (2):

“[…] s-sempliċi fatt li hija tikkunsidra motiv invokat mill-parti rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament bħala fondat, ma jippermettix lill-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla awtomatikament l-att ikkontestat fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jidher kjarament li dan il-motiv, li jirrigwarda biss punt speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali”.

F’din il-kawża, it-tielet parti tal-motiv uniku tar-rikorrent fl-ewwel istanza kienet diretta biss lejn waħda mit-tliet deċiżjonijiet miġbura fid-deċiżjoni kkontestata f’att wieħed. Din kienet id-deċiżjoni li sabet li n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa talli ma jiġix ipperċepit depożitu fuq laned tax-xorb mill-ħwienet mal-fruntiera ma kienx jinvolvi l-użu ta’ riżorsi pubbliċi, u għalhekk ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. It-tielet parti tal-motiv uniku tar-rikorrent ma kinitx diretta lejn id-deċiżjonijiet l-oħrajn, li jikkonstataw li n-nuqqas ta’ perċezzjoni tad-depożitu u n-nuqqas ta’ perċezzjoni ta’ VAT fuq id-depożitu mhux ipperċepit ma kienx jinvolvi l-użu ta’ riżorsi pubbliċi, u għalhekk ma kienx jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

It-tieni aggravju tal-appell: il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti motivazzjoni u pprovdiet motivazzjoni kontradittorja meta kkonstatat li t-tliet deċiżjonijiet kienu inseparabbli waħda mill-oħra.

It-tielet aggravju tal-appell: il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta ddeċidiet li t-tliet deċiżjonijiet huma inseparabbli. Fil-fatt, it-tliet miżuri evalwati fit-tliet deċiżjonijiet ma humiex marbuta. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-multa ma huwiex direttament u awtomatikament marbut man-nuqqas ta’ perċezzjoni tad-depożitu u n-nuqqas ta’ perċezzjoni ta’ VAT. Li tiġi imposta l-multa jista’, jew le, ibiddel l-aġir tal-ħwienet mal-fruntiera. Il-ħwienet mal-fruntiera jistgħu jikkontestaw l-impożizzjoni tal-multa quddiem il-qrati kompetenti, u jkomplu ma jipperċepixxux id-depożitu (u ma jiġbrux il-VAT fuq id-depożitu mhux ipperċepit). U fi kwalunkwe każ, li ma jiġix ipperċepit id-depożitu ma jwassalx għal nuqqas ta’ riżorsi pubbliċi, għaliex il-flus huwa nieqes fi skema ta’ depożitu operata totalment b’mod privat, mingħajr ebda kontroll mill-Istat.


(1)  Deċiżjoni C(2018) 6315 final dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44865 (2016/FC) – il-Ġermanja – Allegata għajnuna favur ħwienet tax-xorb li jinsabu fil-fruntiera Ġermaniża.

(2)  Sentenza f’Il-Kummissjoni vs Départment de Loiret, C-295/07 P, EU:C:2008:707, punt 104.


Haut