EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0600

Kawża T-600/21: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2021 – WS et vs Frontex

ĠU C 481, 29.11.2021, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 481/32


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2021 – WS et vs Frontex

(Kawża T-600/21)

(2021/C 481/46)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: WS u 5 rikorrenti oħra (rappreżentanti: A. van Eik u L.-M. Komp, avukati)

Konvenut: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li l-Aġenzija hija responsabbli taħt l-Artikolu 268 u l-Artikolu 340(2) TFUE għad-danni kkawżati minnha lir-rikorrenti;

tiddikjara li hemm ksur suffiċjentement serju tal-obbligi tal-Aġenzija skont l-Artikoli 16, 22, 26, 28, 34 u 72 tar-Regolament 2016/1624, tal-istadji 1-5 tal-Proċeduri Operattivi Standard, u tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta’ Kondotta, li jagħti lir-rikorrenti drittijiet li huma stabbiliti fl-Artikoli 1, 4, 18, 19, 24, 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti stabbiliti fl-Artikoli 1, 4, 18, 19, 24, 41 u 47 tal-Karta min-naħa tal-Aġenzija, liema ksur kien il-kawża diretta tad-danni sostnuti mir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Aġenzija għar-rimbors tad-danni sostnuti mir-rikorrenti bħala konsegwenza diretta tal-aġir illegali tal-Aġenzija, stmati fl-intier tagħhom għal EUR 96 212,55 f’Settembru 2021 bħala danni materjali flimkien mal-interessi dovuti fid-data tal-ħlas, u EUR 40,000 bħala danni morali flimkien mal-interessi dovuti fid-data tal-ħlas, kif indikat iktar ’il fuq, jew kif eventwalment stabbilit mill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Aġenzija għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti f’dawn il-proċeduri, flimkien mal-interessi;

tordna li tali ammonti għandhom jitħallsu fi żmien ġimgħatejn mill-għoti tas-sentenza, flimkien mal-interessi għal kull ġurnata ta’ dewmien.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Aġenzija naqset mit-twettiq ta’ evalwazzjoni tar-riskju kif meħtieġ mill-Artikolu 34 tar-Regolament 2016/1624 (1), mill-Artikoli 18 u 19 tal-Karta, u mill-istadji 1 u 2 tal-Proċeduri Operattivi Standard (2).

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Aġenzija naqset milli tadotta miżuri li setgħu b’mod raġonevoli jittieħdu sabiex itaffu riskji serji għad-drittijiet fundamentali kif meħtieġ mill-Artikolu 34 tar-Regolament 2016/1624, mill-Artikoli 18 u 19 tal-Karta, u mill-istadju 1(2) tal-Proċeduri Operattivi Standard.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Aġenzija naqset milli tfassal Pjan Operazzjonali (suffiċjentement iddettaljat) kif meħtieġ mill-Artikoli 16 u 34 tar-Regolament 2016/1624, mill-Artikoli 18 u 19 tal-Karta u mill-istadju 2 tal-Proċeduri Operattivi Standard.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Aġenzija wettqet l-operazzjoni ta’ ritorn b’tali mod li ksur tad-drittijiet fundamentali ma setax jiġi rrilevat jew senjalat bi ksur tal-Artikoli 22, 25, 28 u 34 tar-Regolament 2016/1624, tal-Artikoli 18 u 19 tal-Karta, tal-istadju 3 tal-Proċeduri Operattivi Standard u tal-Artikolu 4(3)(a) tal-Kodiċi ta’ Kondotta (3).

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Aġenzija naqset milli tieħu kwalunkwe miżura bħala rispons ta’ ksur ċar u manifest tal-Artikoli 1, 4 u 24 tal-Karta, bi ksur tal-Artikoli 22 u 34 tar-Regolament 2016/1624 u tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Aġenzija naqset milli tiżgura sorveljanza effettiva tal-operazzjoni konġunta ta’ ritorn kif meħtieġ mill-Artikoli 28 u 34 tar-Regolament 2016/1624.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Aġenzija naqset milli tevalwa l-operazzjoni ta’ ritorn kif meħtieġ mill-Artikoli 26 u 28 tar-Regolament 2016/1624 u mill-istadji 4 u 5 tal-Proċeduri Operattivi Standard.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Aġenzija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ilment tar-rikorrenti skont il-mekkaniżmu tal-ilmenti individwali kif meħtieġ mill-Artikoli 34 u 72 tar- Regolament 2016/1624, mill-Artikolu 10 tar-Regoli dwar il-Mekkaniżmu tal-Ilmenti (4), mill-Artikoli 41 u 47 tal-Karta.


(1)  Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU 2016, L 251, p. 1).

(2)  Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv Nru 2012/87 dwar l-adozzjoni tal-Proċeduri Operattivi Standard tal-Frontex sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali f’operazzjonijiet konġunti u proġetti piloti tal-Frontex tad-19 ta’ Lulju 2012.

(3)  Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv Nru 2013/67 dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta għal operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn ikkoordinati minn Frontex, tas-7 ta’ Ottubru 2013.

(4)  Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv No R-ED-2016-106 dwar il-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tas-6 ta’ Ottubru 2016.


Top