Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0585

    Kawża T-585/21: Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2021 – Zásilkovna vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 481, 29.11.2021, p. 31–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 481/31


    Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2021 – Zásilkovna vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-585/21)

    (2021/C 481/44)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Zásilkovna s. r. o (Praga, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: R. Kubáč, avukat)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ SA.55208 (2020/C) – Kumpens USO lill-Posta Ċeka għall-perijodu bejn l-2018 u l-2022, fil-forma ta’ ittra bid-data (i) tad-9 ta’ Lulju 2021 u (ii) tal-31 ta’ Awwissu 2021, li tiċħad parzjalment l-ilment tar-rikorrenti tat-8 ta’ Novembru 2019 fir-rigward tas-sussidju trażversali minn Česká pošta s.p. tal-attivitajiet kummerċjali tagħha;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess u għal dawk tar-rikorrenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv: il-Kummissjoni wettqet żball manifest meta kkonkludiet li s-sussidju trażversali ta’ Česká pošta ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE.

    B’mod partikolari, qiegħed jiġi argumentat li s-sussidju trażversali ta’ Česká pošta jikkostitwixxi, fih innifsu, għajnuna mill-Istat inkompatibbli taħt l-Artikolu 107(1) TFUE, li kienet diġà fis-seħħ minn tal-inqas fil-perijodu bejn 2013 u l-2017 (u probabbilment anki qabel), għajnuna li l-Kummissjoni kellha għalhekk tinvestiga fid-dettall permezz ta’ proċedimenti amministrattivi separati, u mhux bħala kwistjoni anċillari fil-kuntest tal-proċedimenti fil-Każ SA.55208 (2020/C), li kienu jkopru biss il-perijodu bejn 2018 u l-2022. Dan huwa ssostanzjat mid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li s-sussidju trażversali bl-ebda mod ma jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    2.

    It-tieni motiv: il-Kummissjoni kisret rekwiżit formali essenzjali peress li d-deċiżjoni tagħha li ma tqisx li s-sussidju trażversali ta’ Česká pošta jikkostitwixxi, fih innifsu, għajnuna mill-Istat ma hijiex debitament motivata.

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli tagħti motivazzjoni adegwata fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret dritt proċedurali essenzjali tar-rikorrenti sa fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma obbligati jagħtu motivazzjoni għall-miżura inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li tkun tista’ tiġi mistħarrġa quddiem il-qrati.


    Top